|
23.9.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 315/1 |
RIŻOLUZZJONI (1)
dwar l-impenn fi sħubija aktar b’saħħitha bejn l-UE u l-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant permezz tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-2014-2020
(2015/C 315/01)
L-ASSEMBLEA PARLAMENTARI EURONEST,
|
— |
wara li kkunsidrat l-Att Kostitwenti tal-Assemblea Parlamentari EURONEST tat-3 ta’ Mejju 2011, |
|
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f’Varsavja fit-28 u d-29 ta’ Novembru 2013, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta’ Marzu 2014 dwar il-valutazzjoni u l-istabbiliment ta’ prijoritajiet għar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tas-sħubija tal-Lvant (2), |
|
— |
wara li kkunsidrat il-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tal-20 ta’ Marzu 2013 bit-titolu “Il-Politika Ewropea tal-Viċinat: naħdmu għal sħubija aktar b’saħħitha”, |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument Ewropew ta’ Viċinat (3), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2013 dwar “il-Politika Ewropea tal-Viċinat: ħidma favur sħubija aktar b’saħħitha. Il-pożizzjoni tal-PE dwar ir-rapporti ta’ progress 2012” (4), |
|
— |
wara li kkunsidrat ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat u d-dimensjoni tal-Lvant tagħha, kif ukoll dwar ir-Repubblika tal-Armenja, ir-Repubblika tal-Azerbajġan, ir-Repubblika tal-Bjelorussja, il-Ġeorġja, ir-Repubblika tal-Moldova u l-Ukraina, |
|
— |
wara li kkunsidrat id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Unjoni Ewropea u tar-Repubblika tal-Armenja kif miftiehem fid-29 ta’ Novembru 2013 f’Vilnjus mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja Edward Nalbandian, |
|
A. |
billi s-Sħubija tal-Lvant ġiet stabbilita fl-2009 bħala sforz komuni tal-Unjoni Ewropea u tas-sħab Ewropej tal-Lvant tagħha bl-għan li titħaffef l-assoċjazzjoni politika u l-integrazzjoni ekonomika tagħhom, abbażi tal-interessi reċiproċi, l-impenji, ir-responsabbiltà u s-sjieda konġunta; |
|
B. |
billi l-Istati li jipparteċipaw fis-Sħubija tal-Lvant daħlu f’impenn reċiproku għall-valuri fundamentali, id-demokrazija, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq u l-iżvilupp sostenibbli; |
|
C. |
billi s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f’Novembru 2013 f’Vilnjus kien ikkaratterizzat minn għadd ta’ kisbiet, ftehimiet ġodda u progress lejn relazzjonijiet eqreb, iżda wkoll kien imċappas bid-deċiżjonijiet ta’ xi pajjiżi sħab biex ma jintrabtux bi Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-UE, minkejja li temmew b’suċċess in-negozjati; |
|
D. |
billi d-deċiżjoni tal-President tal-Ukraina ta’ dak iż-żmien, waqt is-Summit ta’ Vilnjus, qanqal il-protesti tal-massa fil-pjazza Maidan li kienu segwiti minn katina drammatika ta’ avvenimenti għall-pajjiż fl-2014 — b’mod partikolari, mewġa ta’ dimostrazzjonijiet li rriżultaw fil-mewt ta’ mijiet ta’ Ukraini fi Frar, l-annessjoni illegali tal-Krimea min-naħa tar-Russja f’Marzu u, mir-rebbiegħa ‘l hawn, it-tifqigħa u l-eskalazzjoni ta’ kunflitt ġdid fl-Ukraina tal-Lvant, bil-preżenza militari diretta tal-Federazzjoni Russa u l-appoġġ tagħha favur il-forzi separatisti, li ssarrfu f’aktar minn 6 000 mewta; |
|
E. |
billi l-UE min-naħa u l-Ġeorġja, il-Moldova u l-Ukraina min-naħa l-oħra ffirmaw u sussegwentement irratifikkaw il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bilaterali, inklużi ż-Żoni ta’ Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), minkejja l-pressjoni politika, militari u ekonomika li eżerċitat direttament il-Federazzjoni Russa; |
|
F. |
billi l-UE u l-Bjelorussja kienu bdew jinnegozzjaw il-ftehimiet fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-viża u tar-riammissjoni, b’hekk ppermettew il-promozzjoni tal-kuntatti interpersonali; billi, madankollu, l-issokktar tad-djalogu politiku u ekonomiku bejn l-UE u l-Bjelorussja se jiddependi mill-ħelsien inkundizzjonat tal-priġunieri politiċi Bjelorussi kollha li fadal u mir-riabilitazzjoni sħiħa tagħhom fir-rigward tad-drittiijet politiċi u ċiviċi tagħhom; |
|
G. |
billi l-pajjiżi sħab kollha minbarra l-Bjelorussja qed iħabbtu wiċċhom ma’ separatiżmu u tilwim territorjali, li fihom ir-Russja hija direttament involuta jew teżerċita influwenza importanti; |
|
H. |
billi r-reġimi separatisti illegali ġew stabbiliti fit-territorji tal-Ġeorġja u tal-Moldova; billi l-peniżola tal-Krimea fl-Ukraina ġiet annessa mir-Russja, u għadu għaddej il-ġlied armat bejn is-separatisti u l-forzi uffiċjali ta’ Kiev fix-Xlokk tal-Ukraina; |
|
I. |
billi l-aċċess għas-suq tal-UE kif ukoll għal dawk ta’ pajjiżi Ewro-Asjatiċi tal-viċinat, b’mod partikolari r-Russja, huwa ferm importanti għall-pajjiżi sħab u l-ekonomiji tagħhom; billi xi setturi industrijali ta’ pajjiżi sħab għadhom dipendenti mill-ktajjen ta’ produzzjoni li ntirtu mill-ex Unjoni Sovjetika, li permezz tagħhom huma marbuta ekonomikament mal-Federazzjoni Russa; billi l-estensjoni tal-Unjoni Doganali tal-Federazzjoni Russa, il-Kazakistan u l-Bjelorussja ma’ pajjiżi sħab oħra u l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika m’għandhiex titqies bħala proġetti li jikkompetu mal-komponent ekonomiku tas-Sħubija tal-Lvant, sakemm il-pajjiżi sħab jitħallew jagħżlu b’mod liberu ma’ liema organizzazzjonijiet jissieħbu; billi għandhom isiru sforzi biex itejbu l-kooperazzjoni u jagħmlu ż-żewġ żoni ekonomiċi kompatibbli biex b’hekk il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant ikunu jistgħu jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tagħhom; |
|
J. |
billi l-UE introduċiet miżuri restrittivi kontra r-Russja f’April u Lulju 2014, u saħħithom f’Settembru 2014, sabiex tippromwovi bidla fid-direzzjoni tal-azzjonijiet avventuristiċi aggressivi tar-Russja li jiksru s-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukraina u jiddestabbilizzaw ir-reġjun tal-Lvant tagħha; |
|
K. |
billi f’Awwissu 2014, b’ritaljazzjoni kontra ż-żewġ miżuri restrittivi tal-UE u l-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, ir-Russja ddeċidiet li timponi embargo fuq prodotti agrikoli u ikel mill-UE, pajjiżi oħrajn tal-Punent u xi pajjiżi sħab; |
|
L. |
billi l-2014 kienet l-ewwel sena ta’ qafas imġedded programmatiku u finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat tal-UE u d-dimensjoni Ewropea speċifika tagħha, sal-2020; |
Nibnu fuq l-ewwel kisbiet tas-Sħubija tal-Lvant sabiex niftħu prospetti ġodda għall-perjodu 2014-2020
|
1. |
Tenfasizza li, sa mill-bidu tagħha fl-2009, is-Sħubija tal-Lvant laħqet għadd ta’ kisbiet konkreti u tanġibbli li kienu ta’ benefiċċju b’mod reċiproku għas-soċjetajiet tal-UE u tal-pajjiżi sħab u ġew riflessi f’varjetà ta’ ftehimiet f’livelli differenti ta’ kooperazzjoni politika, ekonomika u kulturali, li għandhom potenzjal wiesa’ għal titjib minħabba l-appoġġ suffiċjenti mill-partijiet kollha involuti; |
|
2. |
Tilqa’ l-fatt li l-parteċipanti tas-Summit ta’ Vilnjus reġgħu affermaw l-impenn kostituttiv tagħhom favur il-prinċipji tas-Sħubija tal-Lvant, jiġifieri, primarjament, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u d-demokrazija; tenfasizza li dawn il-prinċipji għandhom ikunu rispettati; |
|
3. |
Taqbel mal-fehma tal-parteċipanti tas-Summit ta’ Vilnjus li kull sieħeb għandu jeżerċita b’mod liberu l-għażla sovrana tiegħu tal-ambitu tal-ambizzjonijiet u l-objettivi tiegħu li jipprova jikseb fir-relazzjonijiet tiegħu mal-UE u fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant, skont il-prinċipju tad-differenzazzjoni; tfakkar, f’dan ir-rigward, li s-Sħubija tal-Lvant hija proġett volontarju li jirrispetta l-għażliet sovrani tal-Istati parteċipanti tagħha u tintensifika r-relazzjonijiet tagħhom, u li din għandha tkun ta’ benefiċċju għalihom u, lil hinn minn dan, għall-Ewropa kollha, f’termini ta’ stabbiltà u prosperità; |
|
4. |
Tilqa’ l-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi d-DCFTAs, bejn l-UE u l-Ukraina, il-Moldova u l-Ġeorġja; tappella għal ratifika rapida ta’ dawn il-ftehimiet mill-Istati Membri tal-UE; tenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-partijiet kollha tal-ftehimiet u l-adozzjoni tar-riformi rilevanti fl-oqsma kollha kkonċernati, sabiex jiġi evitat id-dumping soċjali u ambjentali; tistieden lin-naħat kollha jkomplu l-kompitu tar-riforma skont l-Aġenda ta’ Assoċjazzjoni, u tistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE joffru assistenza fl-indirizzar ta’ dawn ir-riformi; tħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jikkondividu l-esperjenza rikka tagħhom fil-proċess li jistabbilixxu reġimi demokratiċi u riformi bbażati fuq ir-rispett għall-valuri fundamentali u l-istat tad-dritt, speċjalment dawk l-Istati Membri li jistgħu jibnu kemm fuq l-esperjenza tagħhom tal-integrazzjoni tal-UE kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet mill-qrib tagħhom ma’ pajjiżi sħab; tistieden lill-gvernijiet tal-pajjiżi sħab li rratifikaw il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni, inklużi d-DCFTAs, mal-UE, jorganizzaw dibattiti pubbliċi u kampanji ta’ informazzjoni, inkluż fil-livell lokali, bl-involviment attiv ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-Pjattaformi Nazzjonali tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, peress li fehim dettaljat tal-kontenut u tal-impatt tal-ftehimiet huwa importanti immens għas-suċċess tagħhom; |
|
5. |
Tikkundanna l-aggressjoni militari diretta u indiretta tar-Russja fl-Ukraina tal-Lvant u l-annessjoni illegali tal-Krimea b’reazzjoni għall-għażla sovrana tal-Ukraina li tavvanza fil-perspettiva Ewropea tagħha; tistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta s-sovranità rikonoxxuta internazzjonalment tal-Ukraina, tirtira l-forzi tagħha, tieqaf tappoġġja l-forzi separatisti fl-Ukraina tal-Lvant u, tirrispetta l-bosta trattati internazzjonali, multilaterali u bilaterali, inkluża l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki u l-Memorandum ta’ Budapest tal-1994, li jappella għal soluzzjonjiet diplomatiċi għall-kriżijiet kollha, kif ukoll biex jiġu evitati l-forom kollha ta’ aggressjoni jew interventi armati fi stati oħra; tistieden lir-Russja ttemm l-gwerra tal-informazzjoni bl-għan li tipprovoka mibegħda etnika bejn ir-Russi u l-Ukraini; teżiġi kooperazzjoni totali mill-partijiet kollha fl-investigazzjonijiet dwar it-twaqqigħ tal-ajruplan MH17, u tenfasizza li dawk responsabbli għandhom jittressqu quddiem il-ġustizzja; tikkundanna, barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet kummerċjali imposti mir-Russja fuq l-UE u bosta pajjiżi sħab; tappoġġa l-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-Russja u tinsisti li għandha żżommhom sakemm ir-Russja tonqos milli tkun konformi mal-Ftehimiet ta’ Minsk jew tadotta pożizzjoni kostruttiva rigward il-ksib ta’ soluzzjoni paċifika għall-kunflitt fl-Ukraina tal-Lvant; tikkundanna l-elezzjonijiet illegali, inkostituzzjonali u illeġittimi li saru fiż-żoni kkontrollati mis-separatisti ta’ Donetsk u Luhansk u rikonoxxuti mir-Russja, li jikkostitwixxu theddida għall-unità tal-Ukraina u tfixkil għall-proċess ta’ paċi; tħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jeħilsu immedjatament lil Nadia Savchenko, li ġiet maħtufa u qiegħda tinżamm illegalment fir-Russja; |
|
6. |
Tikkundanna l-iffirmar ta’ trattat bejn il-Federazzjoni Russa u l-Abkażja fl-24 ta’ Novembru 2014 dwar l-alleanza u s-sħubija strateġika, kif ukoll l-intenzjoni tar-Russja li tiffirma trattat dwar relazzjonijiet aktar mill-qrib mar-reġjun separatista ta’ Tskhinvali fl-2015; tenfasizza li dawn l-azzjonijiet jikkostitwixxu theddida għall-istabbiltà u s-sigurtà fir-reġjun, jiġġeneraw riskji serji li jaffettwaw l-isforzi fid-direzzjoni tan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Ġeorġja u l-Federazzjoni Russa, u jipperikolaw it-Taħditiet Internazzjonali ta’ Ġinevra; tistieden lill-Federazzjoni Russa tirrispetta l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali u l-integrità territorjali tal-Ġeorġja u tikkonforma mal-Ftehim ta’ Waqfien mill-Ġlied tal-2008 bejn il-Ġeorġja u r-Russja; |
|
7. |
Tenfasizza li l-UE għandha r-responsabbiltà li tiddefinixxi b’mod ċar il-prospetti li trid toffri b’risposta għall-ambizzjonijiet u l-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi sħab; tiddeplora l-fatt li s’issa r-Russja għadha pperċepiet biss dawn l-ambizzjonijiet u s-Sħubija tal-Lvant bħala theddida għall-isfera ta’ influwenza ġeopolitika tagħha; tinnota li l-Unjoni Doganali u t-trattat dwar l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika li daħlu fis-seħħ f’Jannar 2015 jinvolvu proġett ta’ integrazzjoni ekonomika bejn il-membri tagħhom li mhuwiex kompatibbli mal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u l-komponenti kummerċjali tagħhom (id-DCFTAs); tistieden lill-Federazzjoni Russa tastjeni milli teżerċita pressjoni ekonomika u theddid għas-sigurtà u l-provvista tal-enerġija, u tirrispetta d-dritt tal-ġirien tagħha li jagħżlu b’mod liberu d-destin politiku u ekonomiku tagħhom; ittenni l-appell tagħha lill-Federazzjoni Russa biex tilħaq riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti mal-mejda tan-negozjati; |
|
8. |
Tqis li l-ħolqien tal-Unjoni Doganali u t-trattat dwar l-Unjoni Ekonomika Ewro-Asjatika, ispirati mill-ideali tal-Unjoni Ewropea u li daħlu fis-seħħ f’Jannar 2015, jista’ jkollhom biss effetti ta’ benefiċċju għall-pajjiżi parteċipanti sakemm il-Federazzjoni Russa tastjeni milli ġġiegħel lill-pajjiżi jissieħbu permezz ta’ pressjoni ekonomika u theddid fil-qasam tas-sigurtà, tal-provvista tal-enerġija u tippermetti lill-ġirien tagħha jagħżlu b’mod liberu d-destin politiku u ekonomiku tagħhom; tinnota li l-istrutturi l-ġodda mhumiex kompatibbli mal-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni u mad-DCFTAs, u tissottolinja l-ħtieġa li jinstabu linji ta’ kooperazzjoni u komunikazzjoni fil-ġejjieni, peress li b’mod jew ieħor, se jkollhom jiġu żgurati l-kummerċ u r-relazzjonijiet tajba bejn il-pajjiżi; |
|
9. |
Tinnota l-potenzjal tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat bħala inċentiv għal aktar kooperazzjoni ma’ dawk il-pajjiżi li għad iridu jiffirmaw il-Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni mal-UE, u tappella għal sforzi mġedda biex jindirizzawhom; |
|
10. |
Temmen li s-Summit tas-Sħubija tal-Lvant li għandu jsir f’Mejju 2015 f’Riga għandu jimmarka tisħiħ tas-Sħubija tal-Lvant, ikkaratterizzat minn rabtiet politiċi u ekonomiċi msaħħa bejn l-UE u l-pajjiżi sħab u relazzjonijiet bilaterali kif ukoll multilaterali approfonditi u mtejba fost is-sħab kollha; tistieden lill-UE u l-pajjiżi sħab jibqgħu konsistenti huma u jsegwu l-viżjoni oriġinali tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tar-riformi li jipproduċu bidliet fis-soċjetajiet u jsaħħu r-rabtiet bejn il-popli tagħhom; |
|
11. |
Tidentifika l-assoċjazzjoni politika, ir-riformi demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, it-tisħiħ tal-kapaċità pubblika istituzzjonali u l-indipendenza tal-ġudikatura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-tisħiħ tas-sigurtà tal-enerġija u l-kuntatti interpersonali, u l-kooperazzjoni fil-qasam tal-edukazzjoni bħala l-oqsma prijoritarji li l-UE u s-sħab tagħha għandhom jiddedikaw aktar sforzi fuqhom u jiżguraw riżultati fis-Summit ta’ Riga; |
|
12. |
Tistieden lill-UE tistabbilixxi, mingħajr dewmien, reġimi ta’ eżenzjoni tal-viżi għall-ivjaġġar fuq perjodi qosra ma’ dawk il-pajjiżi sħab li impenjaw ruħhom favur u temmew il-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża, ladarba jkunu sodifatti l-kundizzjonijiet; tenfasizza l-importanza tat-tnedija tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni għal-Liberalizzazzjoni tal-Viża ma’ dawn il-pajjiżi sħab li rreġistraw progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet dwar il-Faċilitazzjoni tal-Viża u r-Riammissjoni mal-UE; tissottolinja l-importanza tal-kooperazzjoni dwar ir-reġimi tal-viża u s-sħubiji għall-mobilità, bħala strument biex iqarreb lis-soċjetajiet u jferrex fost iċ-ċittadini sens ta’ appartenenza għall-istess komunità ta’ valuri; |
|
13. |
Tenfasizza li relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi sħab se jkunu kundizzjonati fuq riżultati tanġibbli ta’ riformi demokratiċi u l-kwalità tal-istat tad-dritt, kif ukoll żviluppi pożittivi fil-governanza tal-istituzzjonijiet tal-istat u l-isferi tal-ħajja politika u l-ġudikatura; tinnota f’dan ir-rigward li hemm tendenzi deplorevoli għal konfront bejn gvern u oppożizzjoni f’ċerti pajjiżi sħab; tħeġġeġ lill-gvernijiet jastjenu milli jintimidaw fuq livell politiku u mill-ġustizzja selettiva u jindirizzaw fil-waqt it-tħassib partikolari li esprima l-Parlament Ewropew, l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE, u istituzzjonijiet internazzjonali oħra; |
|
14. |
Tirrakkomanda li l-UE u l-pajjiżi sħab jiżviluppaw approċċ aktar strateġiku u orjentat lejn ir-riżultati fil-programmi li fasslu u implimentaw b’mod konġunt; tqis li l-laqgħat ministerjali għandhom ikunu l-post fejn jiġu diskussi strateġiji għall-kooperazzjoni fis-settur, u li l-Pjattaformi għas-Sħubija tal-Lvant u l-bordijiet ta’ esperti tagħhom għandhom ikunu aktar attivi meta jipproponu, ifasslu u meta jagħmlu rieżami ta’ dawk l-istrateġiji; |
|
15. |
Tenfasizza l-importanza li jiżdiedu l-programmi ta’ kooperazzjoni u l-iskemi ta’ skambju mmirati lejn żgħażagħ, studenti, xjenzati u riċerkaturi fi ħdan is-Sħubija tal-Lvant; tinnota b’sodisfazzjon li l-programmi l-ġodda tal-UE f’dawk iż-żoni, partikolarment il-programm Erasmus+ u l-azzjonijiet “Marie Skłodowska-Curie” fi ħdan il-Programm Qafas ta’ Riċerka Orizzont 2020, joffru aktar opportunitajiet biex isaħħu l-mobilità tar-riċerkaturi u l-boroż ta’ studju għaż-żgħażagħ fil-pajjiżi sħab; tilqa’ s-suċċessi tal-ewwel sessjonijiet li qatt saru tal-Euronest Scola u tal-Forum tal-Kapijiet Żgħażagħ tas-Sħubija tal-Lvant li saru fl-2013 u fl-2014, u rrakkomandat li sessjonijiet ta’ dan it-tip għandhom jiġu organizzati regolarment; tinkoraġġixxi, barra minn hekk, l-introduzzjoni ta’ skemi konġunti ta’ għotjiet għal żvilupp kulturali u avvenimenti kulturali konġunti, u tissuġġerixxi li għandu jinħareġ fuljett konġunt ta’ kull xahar, ippubblikat bl-Ingliż u bil-lingwi tal-pajjiżi sħab, li jinforma direttament lir-residenti tal-pajjiżi sħab dwar l-Unjoni Ewropea u l-ħsieb Ewropew, u li jagħti informazzjoni ċara dwar ir-relazzjonijiet ta’ dawk il-pajjiżi sħab fl-UE; |
Niksbu l-objettivi tas-Sħubija tal-Lvant billi nimplimentaw l-Istrument il-ġdid Ewropew ta’ Viċinat għall-2014-2020
|
16. |
Tilqa’ l-adozzjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-perjodu 2014-2020, li tqis kompletament id-dimensjoni tal-Lvant tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li għandha tirriżulta f’titjib konkret u viżibbli għall-popolazzjonijiet ikkonċernati; |
|
17. |
Jiddispjaċiha għat-tnaqqis sostanzjali li sar lill-baġit tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat meta mqabbel mal-proposta oriġinali mill-Kummissjoni; tappella għal djalogu mill-qrib mal-Kummissarju responsabbli għall-Politika Ewropea tal-Viċinat sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi skarsi; tqis li għandu jinżamm il-bilanċ bejn il-partijiet tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, b’40 % tal-allokazzjonijiet totali għall-kooperazzjoni jmorru għar-reġjun tal-Lvant; tistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-pajjiżi sħab fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhom sabiex jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibbiltajiet ta’ finanzjament fl-ambitu tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; |
|
18. |
Tinnota l-ħtieġa għal tqassim aktar bilanċjat bejn il-pajjiżi sħab, filwaqt li tirrikonoxxi l-bżonn ta’ proposti aħjar għall-proġetti mis-sħab tal-Lvant; tqis li huwa ferm importanti li l-Kummissjoni u l-gvernijiet sħab iħeġġu u jappoġġaw aktar lill-atturi lokali meta japplikaw għal u jirċievu appoġġ mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-proġetti tagħhom; |
|
19. |
Tissottolinja l-importanza tal-prinċipji ta’ sjieda u responsabbiltà reċiproka fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-pajjiż taħt l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; tqis li s-suċċess huwa marbut b’mod parzjali ma’ impenji miftiehma u li jorbtu b’mod reċiproku bejn l-UE u l-pajjiżi sħab; |
|
20. |
Tirrakkomanda li, b’kuntrast mal-perjodu 2007-2013, għandhom isiru aktar sforzi biex jgħinu effettivament lill-pajjiżi sħab jimplimentaw il-leġiżlazzjoni li għadha kif ġiet introdotta u biex jikkonsolidaw riformi meħtieġa għat-tisħiħ tad-demokrazija u l-istat tad-dritt skont id-dritt u l-istandards tal-UE; tfakkar il-ħtieġa li tiġi stabbilita kredibbiltà murija fil-provi ta’ din l-implimentazzjoni qabel ma tiżdied l-assistenza mill-UE; |
|
21. |
Tistieden lill-Kummissjoni u lill-pajjiżi sħab jistabbilixxu għadd limitat ta’ prijoritajiet skont pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali u programmi reġjonali ta’ bosta pajjiżi għall-2014-2015, sabiex jimmassimizzaw l-impatt tagħhom u jiksbu riżultati tanġibbli u li jistgħu jitkejlu; |
|
22. |
Tħeġġeġ lill-Kummissjoni tħejji strateġija komprensiva għal relazzjonijiet mal-Bjelorussja, bl-għan li jitrawwem fehim reċiproku u l-modernizzazzjoni u d-demokratizzazzjoni tal-pajjiż; tqis li tali strateġija għandha tinkludi oqsma prijoritarji għar-riformi fil-Bjelorussja għat-titjib fir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni effikaċi fil-qafas tas-Sħubija Ewropea tal-Viċinat, u għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju “aktar għal aktar”; |
|
23. |
Tidentifika b’mod pożittiv id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-implimentazzjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, li jiddependu minn approċċ ibbażat fuq l-inċentivi u mfassal apposta; tqis li huma ispirati b’mod korrett mill-prinċipju “aktar għal aktar”, li s’issa kien immaterjalizza ruħu biss sa ċertu punt; tenfasizza li l-prinċipju “aktar għal aktar” jimplika wkoll prinċipju “inqas għal inqas”, li għandhu jiġi applikat kif suppost jekk il-pajjiżi konċernati ma jkunux iridu jwettqu r-riformi meħtieġa; hija tal-fehma, madankollu, li l-perspettiva reġjonali għandha tinżamm, partikolarment billi jissaħħu l-kuntatti multilaterali kif ukoll il-proġetti u l-pjattaformi ta’ kooperazzjoni transkonfinali; tilqa’, f’dan ir-rigward, il-fatt li 10 % tal-baġit għall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għandu jiġi allokat, permezz ta’ “programmi multinazzjonali umbrella”, lil dawk il-pajjiżi sħab li juru progress lejn l-istabbilment u l-konsolidament ta’ demokrazija profonda u sostenibbli u fl-implimentazzjoni ta’ riformi miftiehma li jikkontribwixxu għal dak l-għan; |
|
24. |
Tinnota b’sodisfazzjon li l-allokazzjonijiet finanzjarji tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għal pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali individwali se jkunu soġġetti għal varjazzjoni sa 20 %, li tħalli wkoll marġni għal aktar differenzjazzjoni fl-implimentazzjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; |
|
25. |
Tirrakkomanda li l-isforzi tal-pajjiżi sħab lejn l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u tal-istandards tal-UE jkunu akkumpanjati minn assistenza teknika proporzjonata min-naħa tal-UE, sabiex ikun żgurat l-assorbiment bla xkiel u gradwali tal-partijiet rilevanti kollha tal-acquis tal-UE u jinksibu benefiċċji konkreti u viżibbli għall-ekonomiji u l-popolazzjonijiet; |
|
26. |
Tenfasizza l-ħtieġa li l-assistenza tal-UE tkun immirata wkoll fir-rigward tal-indirizzar tad-diskrepanzi reġjonali, ekonomiċi u soċjali fil-pajjiżi sħab, peress li spiss il-proġetti huma kkonċentrati f’reġjun wieħed jew fil-kapitali filwaqt li n-nies f’żoni aktar remoti ma jgawdux il-benefiċċji ta’ dawn il-proġetti u fil-biċċa l-kbira tagħhom jibqgħu mhux familjari mal-vantaġġi tal-proċess tal-integrazzjoni tal-UE; |
|
27. |
Tappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jimplimentaw politiki dwar il-kooperazzjoni u l-appoġġ fil-kontront ta’ pajjiżi sħab b’mod koerenti u effikaċi u flimkien ma’ donaturi internazzjonali u nazzjonali oħra; tħeġġiġhom bil-qawwa jipprogrammaw azzjonijiet u proġetti b’mod konġunt f’pajjiżi sħab; tappella għal koordinament imsaħħaħ u sinerġiji mrawma bejn proġetti ffinanzjati mill-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u strumenti oħra ffinanzjati mill-UE u programmi tal-UE miftuħa għal parteċipazzjoni minn pajjiżi sħab tal-Lvant, filwaqt li tenfasizza li l-formati stabbiliti bħal konferenzi tad-donaturi/investituri, gruppi ta’ ħidma, komunikazzjoni bejn id-delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati tal-Istati Membri fuq il-post eċċ., m’għandhomx jinsew l-objettivi ta’ politika miftiehma; |
|
28. |
Tenfasizza r-rwol sinifikanti li għandha s-soċjetà ċivili fil-kontribut għad-djalogu politiku u l-proċessi ta’ riforma demokratika fil-pajjiżi sħab; tirrakkomanda li l-impenn politiku tal-UE għas-soċjetà ċivili f’pajjiżi sħab għandu jirrifletti fil-programmazzjoni tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat kollu; |
|
29. |
Tistieden lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant jikkontribwixxu għad-diskussjoni u jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar il-proċessi li għaddejjin u l-kisbiet ewlenin fil-qafas tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat għall-2014-2020, fir-rigward tat-titjib tal-viżibbiltà tal-programmi tal-UE fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; |
|
30. |
Tagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tagħha biex jgħaddu din ir-riżoluzzjoni lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE u lill-pajjiżi sħab tal-Ewropa tal-Lvant. |
(1) Adottata s-17 ta’ Marzu 2015 f’Jerevan, l-Armenja.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0229.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0567.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0446.