|
30.12.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 344/6 |
DEĊIŻJONI Nru 3/2015 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-EFTA DWAR IT-TRANSITU KOMUNI
tat-13 ta' Ottubru 2015
rigward l-istedina lir-Repubblika tas-Serbja biex taderixxi għall-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar proċedura ta' transitu komuni [2015/2466]
IL-KUMITAT KONĠUNT UE-EFTA,
Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-20 ta' Mejju 1987 dwar proċedura ta' transitu komuni (1) (“il-Konvenzjoni”), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3)(e) tagħha,
Billi:
|
(1) |
L-iskambju tal-merkanzija mar-Repubblika tas-Serbja se jeħfief bi proċedura ta' transitu komuni għall-merkanzija trasportata bejn ir-Repubblika tas-Serbja u l-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Islanda, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, ir-Renju tan-Norveġja, il-Konfederazzjoni Svizzera u r-Repubblika tat-Turkija. |
|
(2) |
Sabiex tinkiseb din il-proċedura, jixraq li r-Repubblika tas-Serbja tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
F'konformità mal-Artikolu 15 a tal-Konvenzjoni, ir-Repubblika tas-Serbja għandha tiġi mistiedna taderixxi għall-Konvenzjoni mill-1 ta' Diċembru 2015.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul f'Ankara, it-13 ta' Ottubru 2015.
Għall-Kumitat Konġunt UE-EFTA
Aġent sottosegretarju
Cemal DERELİ
(1) ĠU L 226, 13.8.1987, p. 2. (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 2 p. 291).