8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/47


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 253/2014

tat-13 ta' Novembru 2014

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2015/1812]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim ŻEE sabiex tinkludi r-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar it-twaqqif tat-tielet Programm għal azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (1).

(2)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tibda mill-1 ta' Jannar 2014, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, ikun innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(3)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE sakemm din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(4)

Għalhekk, il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2014,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-inċiż li ġej jiżdied fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 16 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

“—

32014 R 0282: Ir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-istabbiliment tat-tielet programm ta' azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014–2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1350/2007/KE (ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1).

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni taħt il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja konċernati dment li d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 253/2014 tat-13 ta' Novembru 2014 tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

Il-Liechtenstein għandu jiġi eżentat mill-parteċipazzjoni f'dan il-programm u milli jagħti kontribut finanzjarju għalih.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*).

Hija għandha tibda tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2014.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kurt JÄGER


(1)  ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.

(*)  Mhumiex indikati rekwiżiti kostituzzjonali.