8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 263/36


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 247/2014

tat-13 ta' Novembru 2014

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE, dwar kooperazzjoni f'oqsma speċifiċi li ma jagħmlux parti mill-erba' libertajiet [2015/1806]

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u partikolarment l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

In-Norveġja ħadet sehem u kkontribwixxiet finanzjarjament għall-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) permezz tal-inklużjoni ta' dak ir-Regolament fil-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE.

(2)

Huwa xieraq li tiġi estiża l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim ŻEE sabiex jiġi inkluż ir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

(3)

Huwa xieraq li l-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fl-attivitajiet li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 1285/2013 jibdew mill-1 ta' Jannar 2014, irrispettivament minn meta din id-Deċiżjoni tiġi adottata, jew jekk it-twettiq tar-rekwiżiti kostituzzjonali għal din id-Deċiżjoni, jekk ikun hemm, jiġix innotifikat wara l-10 ta' Lulju 2014.

(4)

Entitajiet stabbiliti fl-Istati tal-EFTA għandhom ikunu intitolati li jipparteċipaw f'attivitajiet li jibdew qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. L-ispejjeż imġarrba għal dawn l-attivitajiet, li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikabbli għal spejjeż imġarrba minn entitajiet stabbiliti fl-Istati Membri tal-UE dment li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ qabel it-tmiem tal-azzjoni kkonċernata.

(5)

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar in-Navigazzjoni bis-Satellita bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u r-Renju tan-Norveġja (3), li ġie ffirmat fit-22 ta' Settembru 2010, japplika provviżorjament mill-1 ta' Mejju 2011.

(6)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat sabiex din il-kooperazzjoni estiża tkun tista' tibda sseħħ mill-1 ta' Jannar 2014. Madanakollu, minħabba problemi ekonomiċi, il-parteċipazzjoni tal-Islanda fil-programmi għandha tiġi sospiża temporanjament,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Dan li ġej huwa mdaħħal wara l-paragrafu 8a tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim ŻEE:

“8aa.

(a)

Mill-1 ta' Jannar 2014, l-Istati tal-EFTA jipparteċipaw fl-attivitajiet li jistgħu jirriżultaw mill-att tal-Unjoni li ġej:

32013 R 1285: Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1).

(b)

L-Istati tal-EFTA għandhom jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet imsemmijin taħt (a) skont l-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)

L-ispejjeż tal-estensjoni tal-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS lejn it-territorji tal-Istati tal-EFTA parteċipanti għandhom jitħallsu mill-Istati tal-EFTA bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja għall-attivitajiet imsemmijin taħt (a). Din l-estensjoni tal-kopertura hija soġġetta għall-fattibilità teknika u ma ddewwimx l-estensjoni tal-kopertura ġeografika tas-sistema EGNOS fit-territorji kollha tal-Istati Membri tal-UE li jinsabu ġeografikament fl-Ewropa.

(d)

Fuq il-livell tal-proġett, l-istituzzjonijiet, l-impriżi, l-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA għandu jkollhom id-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 81(d) tal-Ftehim.

(e)

L-ispejjeż imġarrba għal attivitajiet li l-implimentazzjoni tagħhom tibda wara l-1 ta' Jannar 2014, jistgħu jitqiesu bħala eliġibbli mill-bidu tal-azzjoni skont il-ftehim tal-għotja jew id-deċiżjoni tal-għotja kkonċernati dment li d-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 247/2014 tal-13 ta' Novembru 2014 tidħol fis-seħħ qabel tmiem l-azzjoni.

(f)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw b'mod sħiħ, mingħajr id-dritt tal-vot, fil-kumitati kollha tal-Unjoni li jgħinu lill-Kummissjoni Ewropea fil-ġestjoni, l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet imsemmija taħt (a).

Il-parteċipazzjoni tal-Istati tal-EFTA fil-kumitati u l-gruppi ta' esperti tal-Unjoni li jassistu lill-Kummissjoni Ewropea b'mod speċifiku fl-aspetti ta' siġurtà tal-attivitajiet imsemmija taħt (a) għandha tiġi indirizzata fir-regoli tal-proċedura ta' dawn il-kumitati u gruppi.

(g)

Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal-Liechtenstein.

(h)

Fir-rigward tal-Islanda, dan il-paragrafu għandu jiġi sospiż sakemm jiġi deċiż mod ieħor mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-aħħar notifika skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim taż-ŻEE (*1).

Għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2014.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Kurt JÄGER


(1)   ĠU L 196, 24.7.2008, p. 1.

(2)   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.

(3)   ĠU L 283, 29.10.2010, p. 12.

(*1)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.