30.5.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 134/29


DEĊIŻJONI Nru 1 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-UE U D-DANIMARKA–IL-GŻEJJER FAEROE

tat-12 ta' Mejju 2015

li tissostitwixxi l-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva [2015/844]

Il-Kumitat konġunt tal-UE u d-Danimarka-il-Gżejjer Faeroe,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) jirreferi għall-Protokoll 3 tal-Ftehim (“il-Protokoll 3”) li jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini u jipprovdi għal akkumulazzjoni ta' oriġini bejn l-Unjoni Ewropea, il-Gżejjer Faeroe u Partijiet Kontraenti oħrajn għall-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (2) (“il-Konvenzjoni”).

(2)

L-Artikolu 39 tal-Protokoll 3 jipprovdi li l-Kumitat Konġunt stabbilit permezz tal-Artikolu 31 tal-Ftehim jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

(3)

Il-Konvenzjoni għandha l-għan li tissostitwixxi l-protokolli dwar ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fis-seħħ bħalissa fost il-pajjiżi taż-żona pan-Ewro-Mediterranja b'att legali uniku.

(4)

L-Unjoni u r-Renju tad-Danimarka ffirmaw il-Konvenzjoni fir-rigward tal-Gżejjer Faeroe, fil-15 ta' Ġunju 2011.

(5)

L-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-Gżejjer Faeroe ddepożitaw l-istrumenti tagħhom ta' aċċettazzjoni mad-depożitarju ta' din il-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012 u fid-9 ta' Settembru 2013 rispettivament. Konsegwentement, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Gżejjer Faeroe fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Novembru 2013 ripettivament, b'riżultat tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tal-Konvenzjoni.

(6)

Il-Protokoll 3 għandu għalhekk jinbidel bi protokoll ġdid li jagħmel referenza għall-Konvenzjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 3 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Awtonomu tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva, għandu jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Għandha tapplika mit-12 ta' Mejju 2015.

Magħmul f'Tórshavn, it-12 ta' Mejju 2015.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Áki JOHANSEN


(1)   ĠU L 53, 22.2.1997, p. 2.

(2)   ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.


ANNESS

PROTOKOLL 3

dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u dwar metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 1

Regoli ta' oriġini applikabbli

1.   Għall-fini tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, għandhom japplikaw l-Appendiċi I u d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (1) (il-Konvenzjoni).

2.   Ir-referenzi kollha għal “Ftehim rilevanti” fl-Appendiċi I u fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' Appendiċi II tal-Konvenzjoni għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Soluzzjoni ta' tilwim

1.   Meta b'rabta mal-proċeduri ta' verifikazzjoni tal-Artikolu 32 tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni jinqala' xi tilwim li ma jkunx jista' jissolva bejn l-awtoritajiet doganali li jkunu qed jitolbu l-verifika u l-awtoritajiet doganali li jkunu responsabbli għat-twettiq ta' din il-verifika, it-tilwim għandu jitressaq quddiem il-Kumitat Konġunt.

2.   Fil-każijiet kollha s-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur isseħħ skont il-leġiżlazzjoni ta' dak il-pajjiż.

Artikolu 3

Emendi għall-Protokoll

Il-Kumitat Konġunt jista' jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Irtirar mill-Konvenzjoni

1.   Jekk tintbagħat notifika bil-miktub jew mill-Unjoni Ewropea jew mir-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-Gżejjer Faeroe lid-depożitarju tal-Konvenzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, l-Unjoni Ewropea u r-Renju tad-Danimarka fir-rigward tal-Gżejjer Faeroe immedjatament jidħlu f'negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim.

2.   Dawn ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, applikabbli fil-mument ta' rtirar, jibqgħu japplikaw għal dan il-Ftehim sakemm ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli ta' oriġini appena nnegozjati. Madankollu, ir-regoli tal-oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Appendiċi II tal-Konvenzjoni, mill-mument tal-irtirar, għandhom jiġu interpretati b'mod li jippermettu akkumulazzjoni bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe biss.

Artikolu 5

Kumulazzjoni tad-dispożizzjonijiet tranżitorji

Minkejja l-Artikoli 16(5) u 21(3) tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni, fejn l-akkumulazzjoni tinvolvi biss l-Istati tal-EFTA, il-Gżejjer Faeroe, l-Unjoni Ewropea, it-Turkija u l-parteċipanti fil-Proċess ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-prova tal-oriġini tista' tkun ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew dikjarazzjoni tal-oriġini.


(1)   ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.