19.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/3


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kolombja dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni” jew “l-UE”, u

IR-REPUBBLIKA TAL-KOLOMBJA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “Kolombja”,

minn hawn 'il quddiem flimkien imsejħin il-“Partijiet Kontraenti”,

BIL-ĦSIEB li jiġu żviluppati ulterjorment relazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-Partijiet Kontraenti u bix-xewqa li jiġi ffaċilitat l-ivvjaġġar billi jiġi żgurat dħul u soġġorn għal perijodu qasir mingħajr viża għaċ-ċittadini tagħhom,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW ir-Regolament (UE) Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dak ir-rekwiżit (1), billi, inter alia, jittrasferixxi 19-il pajjiż terz, inkluża l-Kolombja, mal-lista ta' pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni qosra fl-Istati Membri,

FILWAQT LI HUMA KONXJI li l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 509/2014 jistipula li għal dawk id-19-il pajjiż, l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għandha tapplika mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża li għandu jiġi konkluż mal-Unjoni,

FILWAQT LI JIXTIEQU li jitħares il-prinċipju ta' trattament ugwali taċ-ċittadini kollha tal-UE,

FILWAQT LI JQISU li l-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas matul is-soġġorn qasir tagħhom mhumiex koperti b'dan il-Ftehim u għalhekk għal dik il-kategorija r-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u tal-liġi nazzjonali tal-Kolombja dwar l-obbligu jew l-eżenzjoni mill-viża u dwar l-aċċess għal impjieg jibqgħu japplikaw,

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja u l-Protokoll dwar l-acquis ta' Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, annessi mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit u l-Irlanda,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

Dan il-Ftehim jipprovdi għal vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tal-Kolombja meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra għall-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda;

(b)

“ċittadin tal-Unjoni” għandha tfisser ċittadin ta' Stat Membru kif definit fil-punt (a);

(c)

“ċittadin tal-Kolombja” tfisser kwalunkwe persuna li għandha ċ-ċittadinanza tal-Kolombja;

(d)

“żona Schengen” għandha tfisser iż-żona mingħajr fruntieri interni li tinkludi t-territorji tal-Istati Membri kif definit fil-punt (a) li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

(e)

Acquis ta' Schengen” għandha tfisser il-miżuri kollha, kif imsemmi fil-Protokoll Nru 19 tal-acquis ta' Schengen integrati fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewroepa, maħsuba biex jiżguraw in-nuqqas ta' kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni, flimkien ma' politika komuni dwar il-kontrolli fil-fruntieri esterni u dwar il-viża, kif ukoll miżuri ta' sostenn direttament relatati biex jipprevjenu u jiġġieldu l-kriminalità.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ minn Stat Membru, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Kolombja għall-perijodu ta' soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(1).

Iċ-ċittadini tal-Kolombja li għandhom passaport ordinarju, diplomatiku, tas-servizz, uffiċjali jew speċjali, li hu validu u maħruġ mill-Kolombja, jistgħu jidħlu u jibqgħu mingħajr viża fit-territorju tal-Istati Membri għall-perijodu tas-soġġorn kif definit fl-Artikolu 4(2).

2.   Il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplikax għall-persuni li jivvjaġġaw bil-għan li jwettqu attività bi ħlas.

Għal dik il-kategorija ta' persuni, kull Stat Membru jista' jiddeċiedi b'mod individwali li jimponi r-rekwiżit ta' viża fuq iċ-ċittadini tal-Kolombja jew li jirtiraha f'konformità mal-Artikolu 4(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 (2).

Għal dik il-kategorija ta' persuni, il-Kolombja tista' tiddeċiedi dwar ir-rekwiżit tal-viża jew l-eżenzjoni mill-viża għaċ-ċittadini ta' kull Stat Membru b'mod individwali f'konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

3.   L-eżenzjoni mill-viża pprovduta b'dan il-Ftehim tapplika mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Partijiet Kontraenti dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tas-soġġorn qasir. L-Istati Membri u l-Kolombja jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw id-dħul u s-soġġorn qasir fit-territorji tagħhom jekk waħda jew aktar minn dawn il-kundizzjonijiet ma tintlaħaqx.

4.   L-eżenzjoni mill-viża tapplika irrispettivament mill-metodu ta' trasport użat biex jinqasmu l-fruntieri tal-Partijiet Kontraenti.

5.   Kwistjonijiet mhux koperti minn dan il-Ftehim għandhom ikunu koperti mil-liġi tal-Unjoni, mil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri u mil-liġi nazzjonali tal-Kolombja.

Artikolu 4

Tul ta' żmien tas-soġġorn

1.   Iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Kolombja għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

2.   Iċ-ċittadini tal-Kolombja jistgħu jibqgħu fit-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum. Dak il-perijodu għandu jiġi kkalkulat indipendentement minn kwalunkwe soġġorn fi Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

Iċ-ċittadini tal-Kolombja jistgħu jibqgħu għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum fit-territorju ta' kull Stat Membru li għadu ma japplikax l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu, indipendentement mill-perijodu tas-soġġorn ikkalkulat għat-territorju tal-Istati Membri li japplikaw l-acquis ta' Schengen fl-intier tiegħu.

3.   Dan il-Ftehim ma jaffettwax il-possibbiltà għall-Kolombja u għall-Istati Membri biex jestendu l-perijodu tas-soġġorn għal aktar minn 90 jum f'konformità mal-liġijiet nazzjonali rispettivi tagħhom u l-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 5

Applikazzjoni territorjali

1.   Fir-rigward tar-Repubblika Franċiża, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Repubblika Franċiża.

2.   Fir-rigward tar-Renju tan-Netherlands, dan il-Ftehim għandu japplika biss għat-territorju Ewropew tar-Renju tan-Netherlands.

Artikolu 6

Kumitat Konġunt għall-ġestjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt ta' esperti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u minn rappreżentanti tal-Kolombja. L-Unjoni għandha tkun irrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea.

2.   Il-Kumitat għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:

(a)

li jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b)

li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għal dan il-Ftehim;

(c)

li jsolvi tilwimiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim.

(d)

kwalunkwe kompitu ieħor maqbul bejn il-partijiet Kontraenti.

3.   Il-Kumitat għandu jitlaqqa' kull meta jkun meħtieġ, fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tal-proċedura tiegħu stess.

Artikolu 7

relazzjoni bejn dan il-Ftehim ma' ftehimiet bilaterali eżistenti dwar l-eżenzjoni mill-viża bejn l-Istati Membri u l-Kolombja

Dan il-Ftehim għandu jkollu preċedenza fuq kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali konkluż bejn l-Istati Membri individwali u l-Kolombja, sa fejn dawn ikopru kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti f'konformità mal-proċeduri interni rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tal-aħħar waħda miż-żewġ notifiki li bihom il-Partijiet Kontraenti jinnotifikaw lil xulxin li dawk il-proċeduri jkunu tlestew.

Sakemm jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim jiġi applikat mill-jum wara d-data tal-iffirmar tiegħu.

2.   Dan il-Ftehim qed jiġi konkluż għal perijodu indefinit, kemm-il darba ma jiġix terminat f'konformità mal-paragrafu 5.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan il-għan.

4.   Kull Parti Kontraenti tistà tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b'mod partikolari, għal raġunijiet ta' politika pubblika, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, l-immigrazzjoni illegali jew l-introduzzjoni mill-ġdid tar-rekwiżit tal-viża minn kwalunkwe Parti Kontraenti. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tiġi notifikata lill-Parti Kontraenti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat tagħha. Il-Parti Kontraenti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandha tgħarraf minnufih lill-Parti Kontraenti l-oħra f'każ li r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu aktar u għandha tneħħi dik is-sospensjoni.

5.   Kull Parti Kontraenti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tavża bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax fis-seħħ 90 jum wara dik id-data.

6.   Il-Kolombja tista' tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha.

7.   L-Unjoni tista' tissospendi jew tittermina dan il-Ftehim biss fil-konfront tal-Istati Membri kollha tagħha.

Magħmul f'żewġ kopji, fl-ilsien Bulgaru, Ċek, Daniż, Estonjan, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Grieg, Ingliż, Kroat, Latvjan, Litwan, Malti, Netherlandiż, Pollakk, Portugiż, Rumen, Slovakk, Sloven, Spanjol, Svediż, Taljan u Ungeriż, fejn kull test huwa ugwalment awtentiku.

Съставено в Брюксел на втори декември две хиляди и петнадесета година.

Hecho en Bruselas, el dos de diciembre de dos mil quince.

V Bruselu dne druhého prosince dva tisíce patnáct.

Udfærdiget i Bruxelles den anden december to tusind og femten.

Geschehen zu Brüssel am zweiten Dezember zweitausendfünfzehn.

Kahe tuhande viieteistkümnenda aasta detsembrikuu teisel päeval Brüsselis.

Έγινε στις Βρυξέλλες, στις δύο Δεκεμβρίου δύο χιλιάδες δεκαπέντε.

Done at Brussels on the second day of December in the year two thousand and fifteen.

Fait à Bruxelles, le deux décembre deux mille quinze.

Sastavljeno u Bruxellesu drugog prosinca dvije tisuće petnaeste.

Fatto a Bruxelles, addì due dicembre duemilaquindici.

Briselē, divi tūkstoši piecpadsmitā gada otrajā decembrī.

Priimta du tūkstančiai penkioliktų metų gruodžio antrą dieną Briuselyje.

Kelt Brüsszelben, a kéteze-tizenötödik év december havának második napján.

Magħmul fi Brussell, fit-tieni jum ta’ Diċembru fis-sena elfejn u ħmistax.

Gedaan te Brussel, de tweede december tweeduizend vijftien.

Sporządzono w Brukseli dnia drugiego grudnia roku dwa tysiące piętnastego.

Feito em Bruxelas, em dois de dezembro de dois mil e quinze.

Întocmit la Bruxelles la doi decembrie două mii cincisprezece.

V Bruseli druhého decembra dvetisíctridsať.

V Bruslju, dne drugega decembra leta dva tisoč petnajst.

Tehty Brysselissä toisena päivänä joulukuuta vuonna kaksituhattaviisitoista.

Som skedde i Bryssel den andra december år tjugohundrafemton.

За Европейския съюз

Рог la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Za Europsku uniju

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image 1

За Република Колумбия

Por la República de Colombia

Za Kolumbijskou republiku

For Republikken Colombia

Für die Republik Kolumbien

Colombia Vabariigi nimel

Για τη Δημοκρατία της Κολομβίας

For the Republic of Colombia

Pour la République de la Colombie

Za Republiku Kolumbiju

Per la Repubblica di Colombia

Kolumbijas Republikas vārdā –

Kolumbijos Respublikos vardu

A Kolumbiai Köztársaság részéről

Għar-Repubblika tal-Kolombja

Voor de Republiek Colombia

W imieniu Republiki Kolumbii

Pela República da Colômbia

Pentru Republica Columbia

Za Kolumbijskú republiku

Za Republiko Kolumbijo

Kolumbian tasavallan puolesta

För Republiken Colombia

Image 2


(1)   ĠU L 149, 20.5.2014, p. 67.

(2)  Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA FIR-RIGWARD TAL-IŻLANDA, IN-NORVEĠJA, L-IŻVIZZERA U L-LIECHTENSTEIN

Il-Partijiet Kontraenti jirrimarkaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehimiet tat-18 ta' Mejju 1999 u tas-26 ta' Ottubru 2004 dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen.

F'ċirkostanzi bħal dawn hu mixtieq li l-awtoritajiet tan-Norveġja, l-Iżlanda, l-Iżvizzera u l-Liechtenstein, min-naħa, u l-Kolombja, min-naħa l-oħra, jikkonkludu, mingħajr dewmien, ftehimiet bilaterali dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn għal perijodu qasir f'termini simili għal dawk ta' dan il-Ftehim.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-KATEGORIJA TA' PERSUNI LI JIVVJAĠĠAW BIL-GĦAN LI JWETTQU ATTIVITÀ BI ĦLAS KIF PREVIST FL-ARTIKOLU 3(2) TA' DAN IL-FTEHIM

Xewqana li tkun żgurata interpretazzjoni komuni, il-Partijiet Kontraenti jaqblu li, għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-kategorija ta' persuni li jwettqu attività bi ħlas tkopri l-persuni li jidħlu b'għan li jkollhom mestier bi qligħ jew attività b'remunerazzjoni fit-territorju tal-Parti Kontraenti l-oħra bħala impjegat jew fornitur ta' servizz.

Din il-kategorija ma għandhiex tkopri:

persuni tan-negozju, jiġifieri persuni li jivvjaġġaw b'għan ta' deliberazzjoni tan-negozju (mingħajr ma jkunu impjegati fil-pajjiż tal-Parti Kontraenti l-oħra),

persuni tal-isports jew artisti li jeżebixxu attività fuq bażi ad hoc,

ġurnalisti mibgħuta mill-midja tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, u,

apprendisti intra-korporattivi.

L-implimentazzjoni ta' din id-Dikjarazzjoni għandha tkun immonitorjata mill-Kumitat Konġunt fi ħdan ir-responsabbiltà tiegħu skont l-Artikolu 6 ta' dan il-Ftehim, li jista' jipproponi modifiki meta, fuq il-bażi tal-esperjenzi tal-Partijiet Kontraenti, jikkunsidrah neċessarju.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTERPRETAZZJONI TAL-PERIJODU TA' 90 JUM FI KWALUNKWE PERIJODU TA' 180 JUM KIF STABBILIT FL-ARTIKOLU 4 TA' DAN IL-FTEHIM

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li l-perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum kif previst mill-Artikolu 4 ta' dan il-Ftehim ifisser soġġorn kontinwu jew bosta soġġorni konsekuttivi, li t-tul ta' żmien totali tagħhom ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum.

Il-kunċett ta' “kwalunkwe” jimplika l-applikazzjoni ta' perijodu ta' referenza mobbli ta' 180 jum, billi wieħed iħares lura lejn kull ġurnata tas-soġġorn fl-aħħar perijodu ta'180 jum, sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit tad-90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum għadux jiġi ssodisfat. Inter alia, dan ifisser li assenza għal perijodu mhux interrott ta' 90 jum tippermetti li jkun hemm soġġorn ġdid ta' mhux aktar minn 90 jum.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA LIĊ-ĊITTADINI DWAR IL-FTEHIM DWAR L-EŻENZJONI MILL-VIŻA

Filwaqt li tkun rikonoxxuta l-importanza tat-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u għaċ-ċittadini tal-Kolombja, il-Partijiet Kontraenti jiftiehmu li jiżguraw it-tixrid totali ta' informazzjoni dwar il-kontenut u tal-konsegwenzi tal-ftehim dwar l-eżenzjoni mill-viża u kwistjonijiet relatati, bħall-kundizzjonijiet għad-dħul fit-territorju.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-INTRODUZZJONI TA' PASSAPORTI BIJOMETRIĊI MIR-REPUBBLIKA TAL-KOLOMBJA

Ir-Repubblika tal-Kolombja bħala Parti Kontraenti tiddikjara li hija tat kuntratt dwar il-produzzjoni ta' passaporti bijometriċi u timpenja ruħha li tibda toħroġ passaporti bijometriċi liċ-ċittadini tagħha sa mhux aktar tard mill-31 ta' Awwissu 2015. Dawn il-passaporti ser jikkonformaw b'mod sħiħ mar-rekwiżiti tal-ICAO stipulati fid-Dokument 9303 tal-ICAO.

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li n-nuqqas li jinbdew jiġu introdotti passaporti bijometriċi sal-31 ta' Diċembru 2015 jikkostitwixxi bażi suffiċjenti għal sospensjoni ta' dan il-Ftehim skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tiegħu.


DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR IL-KOOPERAZZJONI RIGWARD IL-MIGRAZZJONI IRREGOLARI

Il-Partijiet Kontraenti jfakkru l-impenn tagħhom rigward ir-riammissjoni tal-migranti irregolari tagħhom, kif previst fl-Artikolu 49(3) tal-Ftehim ta' Djalogu Politiku u ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Komunità Andina u l-pajjiżi membri tagħha, min-naħa l-oħra li kien iffirmat fil-15 ta' Diċembru 2003.

Il-Partijiet Kontraenti se jissorveljaw dan l-impenn mill-qrib. Huma jaqblu li jikkonkludu, fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet Kontraenti, u b'mod partikolari fil-każ ta' żieda tal-migrazzjoni irregolari u fil-każ ta' problemi dwar ir-riammissjoni ta' migranti irregolari wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, ftehim li jirregola l-obbligi speċifiċi għaż-żewġ partijiet dwar ir-riammissjoni ta' immigranti irregolari.

Il-Partijiet Kontraenti jaqblu li tali ftehim ta' riammissjoni jkun element importanti li jsaħħaħ l-impenji reċiproċi meħuda f'dan il-Ftehim u li nuqqas li jikkonkludu ftehim ta' riammissjoni fuq tali talba jikkostitwixxi bażi suffiċjenti ta' kwalunwe waħda mill-Partijiet Kontraenti għal sospensjoni ta' dan il-Ftehim skont il-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 8(4) tiegħu.