16.6.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 149/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta' kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA (minn hawn 'il quddiem l-“UE”),

u

L-AWSTRALJA

minn hawn 'il quddiem imsejħin il-“Partijiet”,

Billi:

(1)

L-UE tista' tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta' kriżijiet.

(2)

L-Awstralja u l-UE jikkondividu impenn qawwi lejn il-paċi u s-sigurtà internazzjonali u xewqa li jiffaċilitaw ir-rikostruzzjoni u l-istabbilizzazzjoni permezz ta' kooperazzjoni u qsim tal-piżijiet f'operazzjonijiet għall-immaniġġar ta' kriżijiet. L-Awstralja u l-UE ser ikomplu l-konsultazzjonijiet politiċi dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi potenzjali fl-interess komuni tagħhom.

(3)

Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom ikunu stipulati fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni possibbli fil-futur.

(4)

Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ma għandux jiġġudika minn qabel in-natura każ b'każ ta' kwalunkwe deċiżjoni tal-Awstralja li tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

(5)

Dan il-Ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fil-futur u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim jew arranġament eżistenti li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi li tkun diġà nbdiet,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara deċiżjoni tal-UE li tistieden lill-Awstralja biex tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, l-UE għandha tiskambja l-informazzjoni u l-valutazzjonijiiet rilevanti kollha relatati ma' dik l-operazzjoni bil-għan li tiffaċilita l-konsiderazzjoni tal-Awstralja tal-istedina tal-UE.

2.   L-UE għandha tipprovdi lill-Awstralja b'indikazzjoni bikrija tal-kontribut probabbli Awstraljan għall-ispejjeż komuni jew għall-ispejjeż kif stabbiliti fil-baġit operazzjonali, f'konformità mal-Artikoli 8 u 12, bil-ħsieb li tgħin lill-Awstralja fil-formulazzjoni ta' kwalunkwe kontribut propost.

3.   Ladarba l-Awstralja tkun iddeċidiet tipproponi kontribut, l-Awstralja għandha tiddetermina u tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost lill-UE, inkluża l-kompożizzjoni ta' kwalunkwe kontinġent ta' persunal Awstraljan. Għall-għan ta' dan il-Ftehim, il-persunal Awstraljan għandu jinkludi forzi militar, impjegati mal-Gvern tal-Awstralja u persuni oħra mqabbda biex jaħdmu f'isem l-Awstralja.

4.   L-UE għandha tevalwa l-kontribut tal-Awstralja f'konsultazzjoni mal-Awstralja. L-Awstralja tista' tagħżel li tirrevedi l-kontribut propost tagħha f'kwalunkwe ħin waqt il-proċess ta' konsultazzjoni u valutazzjoni.

5.   L-UE għandha tikkomunika lill-Awstralja bil-miktub l-eżitu tal-valutazzjoni u d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribut propost tal-Awstralja, bil-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Awstralja skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim.

6.   L-Awstralja tista', fuq inizjattiva proprja jew fuq talba tal-UE, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, tirtira f'kwalunkwe ħin b'mod sħiħ jew parzjali mill-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

Artikolu 2

Qafas

1.   Meta tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, l-Awstralja għandha tirrispetta t-termini tad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-UE jiddeċiedi li l-UE ser twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżi, u ma' kwalunkwe Deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-UE jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ.

2.   Fejn il-Partijiet ikunu ddeċidew li l-Awstralja ser tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, l-UE għandha tiddiskuti l-aspetti kollha rilevanti tat-twettiq ta' dik l-operazzjoni mal-Awstralja, inkluż kif jinsab ukoll fl-Artikoli 6(6) u 10(6).

3.   Il-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE.

4.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżi għandha tittieħed mill-UE, f'konsultazzjoni mal-Awstralja, jekk tkun għadha qed tikkontribwixxi lill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi fid-data tat-terminazzjoni tal-operazzjoni.

Artikolu 3

Status tal-persunal Awstraljan

1.   L-istatus tal-persunal Awstraljan kontribwit lil operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, inkluż kwalunkwe privileġġ u immunità li jgawdu, għandu jkun regolat mill-ftehim jew arranġament dwar l-istatus tal-forzi/missjoni konkluż bejn l-UE u l-Istat(i) fejn titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, bil-kondizzjoni li l-Awstralja tkun ingħatat opportunità biex teżamina l-ftehim jew arranġament qabel ma tiddeċiedi li tipparteċipa fl-operazzjoni.

2.   Jekk l-ebda ftehim jew arranġament ma jkun ġie konkluż fil-mument li l-Awstralja tiddeċiedi li tipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, l-UE għandha tipprovdi lill-Awstralja opportunità biex teżamina l-abbozz ta' ftehim jew arranġament qabel ma dan jiġi konkluż.

3.   L-istatus tal-persunal Awstraljan li jagħti servizz fil-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinsabu barra l-Istat(i) fejn titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jiġi regolat, kif xieraq, minn arranġamenti determinati bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand jew l-Istat(i) ikkonċernat(i) u l-Awstralja.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2, l-Awstralja għandu jkollha d-dritt li teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal Awstraljan kontribwit għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi. Fejn persunal Awstraljan jopera abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta' Stat Membru tal-UE, dan l-Istat jista' jeżerċita ġurisdizzjoni fuq persunal Awstraljan, soġġett għal kwalunkwe ftehim eżistenti u f'konformità mal-liġijiet u l-proċeduri interni tiegħu u d-dritt internazzjonali.

5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1, 2 u 6, u soġġett għal privileġġi u immunitajiet applikabbli, l-Awstralja għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kull pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal Awstraljan u skont il-liġijiet Awstraljani.

6.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għall-pretensjonijiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta' assi ta' proprjetà ta', jew operati minn, Parti jew oħra, jew għall-korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

7.   L-Awstralja tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fuq bażi reċiproka fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jipparteċipa f'kwalunkwe operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi futura li fiha tipparteċipa l-Awstralja, f'konformità mal-mudell ta' dikjarazzjoni anness għal dan il-Ftehim, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

8.   L-UE tintrabat li tiżgura li kull Stat Membru tal-UE, b'aġir kollettiv, jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra l-parteċipazzjoni tal-Awstralja f'kwalunkwe operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi futura, f'konformità mal-mudell ta' dikjarazzjoni anness għal dan il-Ftehim, u li jagħmel dan meta jkun qed jiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Il-Ftehim bejn l-Awstralja u l-Unjoni Ewropea dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni Klassifikata, magħmul fi Brussell fit-13 ta' Jannar 2010, għandu japplika fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, informazzjoni klassifikata rilevanti għal operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżi tista' tiġi skambjata direttament bejn il-linja ta' kmand tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi u persunal Awstraljan fuq il-post jew fil-kwartieri ġenerali skont ordnijiet interni u arranġamenti konklużi fil-livell operazzjonali.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal kontribwit lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi

1.   L-Awstralja:

(a)

għandha tfittex li tiżgura, permezz ta' struzzjonijiet speċifiċi, li l-persunal Awstraljan kontribwit lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jwettaq il-missjoni b'mod li huwa konsistenti ma', u li jappoġġja bis-sħiħ:

(i)

id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill kif imsemmijin fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni; u

(iii)

kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni relatata;

(b)

għandha tinforma fi żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi (minn hawn 'il quddiem il-“Kap tal-Missjoni”) u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

2.   Persunal Awstraljan li qed jikkontribwixxi għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jagħmel eżami mediku, jirċievi l-vaċċinazzjonijiet li jistgħu jkunu meqjusa meħtieġa mill-awtorità kompetenti Awstraljana u għandu jkun iċċertifikat medikament b'saħħtu biex iwettaq dmirijietu mill-awtorità kompetenti Awstraljana. Persunal Awstraljan li qed jikkontribwixxi għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-UE.

Artikolu 6

Linja ta' kmand

1.   Persunal Awstraljan li qed jikkontribwixxi għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jibqa' taħt l-awtorità ġenerali jew, fil-każ ta' persunal militari, kmand sħiħ tal-Awstralja.

2.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi u jieħu f'idejh l-amministrazzjoni tagħha ta' kuljum. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, waqt il-perijodu ta' stazzjonar, il-Kap tal-Missjoni għandu jeżerċita awtorità superviżorja u jidderieġi l-attivitajiet tal-persunal Awstraljan kollu kontribwit lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

3.   L-Awstralja għandha tfittex li tiżgura, permezz ta' struzzjonijiet speċifiċi, li l-persunal Awstraljan kontribwit għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu f'konformità sħiħa mal-objettivi tal-operazzjoni u taħt l-awtorità superviżorja u d-direzzjoni tal-Kap tal-Missjoni.

4.   L-Awstralja għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini tat-tmexxija ta' kuljum tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi bħall-Istati Membri tal-UE li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kap tal-Missjoni, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti, għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinari tal-persunal li qed jipparteċipa f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi. L-Awstralja għandha tkun responsabbli biex tieħu kwalunkwe azzjoni, inkluża dik legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki tagħha.

6.   Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali (minn hawn 'il quddiem “NPC”) mill-Awstralja biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi. L-NPC għandu jikkonsulta lill-Kap tal-Missjoni dwar il-materji kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-persunal Awstraljan.

7.   Il-Kap tal-Missjoni jista', f'konsultazzjoni mal-Awstralja, jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Awstralja f'kwalunkwe ħin.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, l-Awstralja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1.   Soġġett għal paragrafu 3, l-Awstralja għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operattiv ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi li fiha qed tipparteċipa l-Awstralja.

2.   Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mill-Awstralja għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandha tkun l-inqas ammont miż-żewġ alternattivi li ġejjin:

(a)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operattiv determinat mill-Kunsill tal-UE għall-baġit operattiv li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-Dħul Nazzjonali Gross (minn hawn 'il quddiem “DNG”) tal-Awstralja fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operattiv li huwa proporzjonali għall-proporzjon tan-numru ta' persunal Awstraljan kontribwit għall-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-UE għandha teżenta lill-Awstralja minn kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-baġit operattiv ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi fejn l-UE tiddeċiedi li l-parteċipazzjoni tal-Awstralja fl-operazzjoni qed tipprovdi kontribut sinifikanti.

4.   Kwalunkwe arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tal-Awstralja għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, għandu jiġu konkluż bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti Awstraljana. Dan l-arranġament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja konċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-Awstralja ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-UE.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni f' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi

1.   L-Awstralja għandha tfittex li tiżgura, permezz ta' struzzjonijiet speċifiċi, li l-persunal Awstraljan kontribwit lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jwettaq il-missjoni b'mod li huwa konsistenti ma', u li jappoġġja bis-sħiħ:

(a)

id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill kif imsemmijin fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni; u

(c)

kwalunkwe miżura ta' implimentazzjoni relatata.

2.   L-Awstralja għandha tinforma fi żmien debitu lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

Artikolu 10

Linja ta' kmand

1.   Persunal Awstraljan li qed jikkontribwixxi għal operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ jew, fil-każ ta' persunal ċivili, l-awtorità ġenerali tal-Awstralja.

2.   Waqt il-perijodu ta' stazzjonar, il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li jista' jiddelega l-awtorità tiegħu, għandu jeżerċita l-kmand operattiv ta' persunal Awstraljan kontribwit għall-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi.

3.   L-Awstralja għandha tfittex li tiżgura, permezz ta' struzzjonijiet speċifiċi, li l-persunal Awstraljan kontribwit għall-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu f'konformità sħiħa mal-objettivi tal-operazzjoni u taħt l-awtorità superviżorja u d-direzzjoni tal-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE.

4.   L-Awstralja għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f'termini tat-tmexxija ta' kuljum tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi bħall-Istati Membri tal-UE li qed jieħdu sehem fl-operazzjoni.

5.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', f'konsultazzjoni mal-Awstralja, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tal-Awstralja.

6.   Rappreżentant Militari Għoli (minn hawn 'il quddiem “SMR”) għandu jinħatar mill-Awstralja biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi. L-SMR għandu jikkonsulta lill-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-materji kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-persunal Awstraljan. L-Awstralja għandha tkun responsabbli biex tieħu kwalunkwe azzjoni, inkluża dik legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-politiki tagħha.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta' dan il-Ftehim, l-Awstralja għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi sakemm l-ispejjeż ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/871/PESK tad-19 ta' Diċembru 2011 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (ATHENA) (1), jew fi kwalunkwe Deċiżjoni relatata sussegwenti.

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Soġġett għall-paragrafu 3, l-Awstralja għandha tikkontribwixxi għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi li fiha qed tipparteċipa l-Awstralja.

2.   Kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja mill-Awstralja għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għandha tkun l-inqas ammont miż-żewġ alternattivi li ġejjin:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tal-Awstralja fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Awstralja parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta' persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fil-kalkolu tas-sehem imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fejn l-Awstralja tikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal Awstraljan għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal Awstraljan kollu kontribwit lill-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-UE għandha teżenta lill-Awstralja minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi fejn l-UE tiddeċiedi li l-Awstralja qed tipprovdi kontribut sinifikanti.

4.   Kwalunkwe arranġament dwar il-ħlas ta' kwalunkwe kontribuzzjoni mill-Awstralja għall-ispejjeż komuni għandu jiġu konkluż bejn l-amministratur previst fid-Deċiżjoni 2011/871/PESK jew fi kwalunkwe Deċiżjoni relatata sussegwenti, u l-awtorità kompetenti Awstraljana. Dan l-arranġament għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja konċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(4) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku, loġistiku jew amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtorità kompetenti tal-UE u l-awtorità kompetenti Awstraljana.

Artikolu 14

Riżoluzzjoni ta' tilwim

Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bil-miktub bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut fuq it-talba ta' kwalunkwe Parti.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet. Kwalunkwe emenda maqbula bejn il-Partijiet għandha tidħol fis-seħħ skont il-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

5.   Id-denunzja ta' dan il-Ftehim skont il-paragrafu 4 ma taffettwa l-ebda dritt, obbligu jew sitwazzjoni legali tal-Partijiet maħluq permezz tal-eżekuzzjoni tal-Ftehim qabel id-denunzja tiegħu, inklużi dawk relatati ma' kwalunkwe materja teknika, finanzjarja jew amministrattiva, immunitajiet u pretensjonijiet.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, debitament awtorizzati rispettivament, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fit-tnejn u għoxrin jum ta' April tas-sena elfejn u ħmistax, f'żewġ kopji, it-tnejn bl-Ingliż.

Għall-Unjoni Ewropea

Għall-Awstralja


(1)   ĠU L 343, 23.12.2011, p. 35.


TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE ta' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, li fiha tipparteċipa l-Awstralja, jagħmlu ħilithom, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, jirrinunzjaw safejn possibbli minn kwalunkwe pretensjoni kontra l-Awstralja għal korriment, mewt ta' persunal, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħha u użat mill-operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kien ikkawżat minn persunal Awstraljan kontribwit mill-Awstralja lil operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew kondotta skorretta volontarja, jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li hu proprjetà tal-Awstralja, sakemm l-assi ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba skorretta volontarja minn persunal Awstraljan kontribwit mill-Awstralja lil operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, li kien qed juża dawk l-assi.”

Test għall-Awstralja:

“L-Awstralja, li qablet li tipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, tagħmel ħilitha, sa fejn is-sistema legali interna tagħha tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat Membru tal-UE li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi għal korriment, mewt ta' persunal tagħha, jew ħsara lil, jew telf ta', kwalunkwe assi li jkun proprjetà tagħha u użat mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal mill-Istat Membru tal-UE fl-eżekuzzjoni tad-dmirijiet tiegħu b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew ta' kondotta skorretta volontarja, jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li hu proprjetà tal-Istati Membri tal-UE parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi, sakemm l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba skorretta volontarja minn membri tal-persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżi li kien qed juża dawk l-assi.”