1.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 315/46


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KOOPERAZZJONI DOGANALI STABBILIT TAĦT IL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-GVERN TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA DWAR KOOPERAZZJONI U ASSISTENZA AMMINISTRATTIVA REĊIPROKA FI KWISTJONIJIET DOGANALI

tas-16 ta' Mejju 2014

rigward rikonoxximent reċiproku tal-Programm tal-Operatur Ekonomiku Awtorizzat fl-Unjoni Ewropea u l-Miżuri dwar Ġestjoni Klassifikata tal-Programm ta' Intrapriżi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2014/772/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KOOPERAZZJONI DOGANALI (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “KKKD”),

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina dwar kooperazzjoni u assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali, iffirmat fit-8 ta' Diċembru 2004 (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-FKDARAKD”), u b'mod partikolari l-Artikoli 21(2)(c), tiegħu;

Filwaqt li jirrikonoxxi li l-Unjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni”) u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem imsejħa “ċ-Ċina”) jimpenjaw ruħhom biex isaħħu l-kooperazzjoni doganali tagħhom skont il-Qafas Strateġiku għall-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u ċ-Ċina.

Filwaqt li jafferma l-impenn tal-Unjoni u ċ-Ċina biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ u biex jiġu ssimplifikati r-rekwiżiti u l-formalitajiet rigward ir-rilaxx u l-iżdoganar rapidi tal-merkanzija.

Filwaqt li jafferma li s-sigurtà u s-sikurezza, u l-faċilitazzjoni tal-katina ta' provvista kummerċjali internazzjonali, jistgħu jkunu mtejba b'mod sinifikanti permezz ta' rikonoxximent reċiproku tal-programmi tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati rispettivi tagħhom (minn hawn 'il quddiem imsejħin “OEA”).

Filwaqt li jafferma li l-programmi huma bbażati fuq standards tas-sigurtà rikonoxxuti fuq livell internazzjonali appoġġati mill-Qafas ta' Standards SAFE adottat mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Qafas SAFE”).

Filwaqt li jikkunsidra li l-programm OEA fl-Unjoni u l-Miżuri dwar il-Ġestjoni Kklassifikata tal-Programm ta' Intrapriżi fiċ-Ċina (minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Programmi”), huma inizjattivi ta' sigurtà u konformità u li valutazzjoni konġunta wriet li l-istandards ta' kwalifika tagħhom għal skopijiet ta' sigurtà u sikurezza huma kompatibbli u wasslu għal riżultati ekwivalenti.

Filwaqt li jikkunsidra li rikonoxximent reċiproku jippermetti lill-Unjoni u liċ-Ċina sabiex jipprovdu benefiċċji faċilitattivi lill-operaturi ekonomiċi li nvestew fil-konformità u s-sigurtà tal-katina ta' provvista u ġew iċċertifikati fil-Programmi rispettivi tagħhom.

Filwaqt li jikkunsidra l-ħtieġa li jiġu adottati, għal dak il-għan, arranġamenti prattiċi skont l-Artikolu 17(5) tal-FKDARAKD.

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-Programmi u entitajiet li ġejjin:

(a)

il-Programm OEA tal-Unjoni, li jkopri ċ-“Ċertifikat OEA — sigurtà u sikurezza”, u ċ-“Ċertifikat OEA — simplifikazzjonijiet/sigurtà u sikurezza doganali”, kif previsti fir-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (1), flimkien mar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (2);

(b)

il-Miżuri tal-Amministrazzjoni Ġenerali tad-Dwana tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq ġestjoni kklassifikata ta' intrapriżi id-Digriet (GACC) Nru 170, kif emendat mid-Digriet (GACC) Nru 197, (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ il-“programm MCME”) li jkopri l-intrapriżi tal-kategorija AA; u

(c)

operaturi ekonomiċi li għandhom ċertifikat OEA fl-Unjoni, kif imsemmi fil-punt (a), u Intrapriżi li għandhom status tal-kategorija AA taħt l-MCME fiċ-Ċina, kif imsemmi fil-punt (b) (minn hawn 'il quddiem imsejħin “Membri tal-Programm”).

Artikolu 2

Rikonoxximent Reċiproku u Responsabbiltà għall-Implimentazzjoni

1.   Il-Programmi tal-Unjoni u taċ-Ċina għandhom b'dan jiġu rikonoxxuti reċiprokament li huma kompatibbli u ekwivalenti. Għandu jiġi aċċettat b'mod reċiproku kull status korrispondenti tal-Membri tal-Programm li jingħata.

2.   L-Awtoritajiet Doganali definiti fil-punt (b) tal-Artikolu 1 tal-FKDARAKD (minn hawn 'il quddiem imsejħa “Awtoritajiet Doganali”) għandhom ikunu responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jieħdu miżuri biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Kompatibbiltà

1.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom iżommu l-konsistenza bejn il-Programmi. L-istandards applikati għall-Programmi għandhom jibqgħu kompatibbli fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

proċess ta' applikazzjoni għall-għoti ta' sħubija;

(b)

valutazzjoni tal-applikazzjonijiet; u

(c)

l-għoti tas-sħubija u l-ġestjoni tal-istatus tas-sħubija.

2.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom jiżguraw li l-Programmi joperaw fi ħdan il-kuntest tal-Qafas SAFE.

Artikolu 4

Benefiċċji

1.   Kull Awtorità Doganali għandha tipprovdi benefiċċji komparabbli għall-Membri tal-Programm taħt il-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra.

Il-benefiċċji għandhom jinkludu, b'mod partikolari:

(a)

il-konsiderazzjoni b'mod pożittiv ta' status ta' Membru tal-Programm awtorizzat mill-Awtorità Doganali l-oħra fil-valutazzjoni tar-riskju sabiex jitnaqqsu l-ispezzjonijiet jew il-kontrolli u f'miżuri oħra relatati mas-sigurtà u s-sikurezza;

(b)

il-konsiderazzjoni tal-istatus ta' Membru tal-Programm awtorizzat mill-Awtorità Doganali l-oħra bil-ħsieb li l-Membru tal-Programm jiġi ttrattat bħala sieħeb sikur meta jiġu vvalutati r-rekwiżiti tal-imsieħba fin-negozju għal applikanti fil-Programm tagħha stess;

(c)

il-konsiderazzjoni tal-istatus ta' Membru tal-Programm awtorizzat mill-Awtorità Doganali l-oħra biex jiġi żgurat trattament ta' prijorità, ipproċessar imħaffef, formalitajiet simplifikati u rilaxx imħaffef tal-kunsinni bil-baħar fejn ikun involut il-Membru tal-Programm;

(d)

it-tentattiv li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' kontinwità tan-negozju konġunt sabiex ikun hemm rimedju għat-tfixkil fil-fluss kummerċjali minħabba żidiet fil-livelli tal-allerta tas-sigurtà, l-għeluq tal-fruntieri u/jew diżastri naturali, emerġenzi perikolużi jew inċidenti oħra kbar, fejn merkanzija ta' prijorità relatata ma' Membri tal-Programm tista' tiġi ffaċilitata u mibgħuta bl-aktar mod rapidu possibbli mill-Awtoritajiet Doganali.

2.   Wara l-proċess ta' rieżami msemmi fl-Artikolu 7(2), kull Awtorità Doganali tista' tipprovdi aktar benefiċċji ta' faċilitazzjoni, inkluż is-simplifikazzjoni tal-proċessi u ż-żieda fil-previdibilità tar-rilaxx tal-merkanzija, sa fejn hu possibbli, f'kooperazzjoni ma' awtoritajiet governattivi oħra.

3.   Kull waħda mill-Awtoritajiet Doganali għandha żżomm l-awtorità li tissospendi l-benefiċċji pprovduti lill-Membri tal-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra f'din id-Deċiżjoni. Tali sospensjoni ta' benefiċċji bħal din minn Awtorità Doganali waħda għandha tkun motivata u tiġi minnufih ikkomunikata lill-Awtorità Doganali l-oħra għall-konsultazzjoni u l-valutazzjoni kif meħtieġ.

4.   Kull Awtorità Doganali għandha tirrapporta irregolaritajiet li jinvolvu Membri tal-Programm tal-Awtorità Doganali l-oħra sabiex tiġi żgurata analiżi immedjata ta' kemm huma xierqa l-benefiċċji u l-istatus mogħtija mill-Awtorità Doganali l-oħra.

Artikolu 5

Skambju ta' Informazzjoni u Komunikazzjoni

1.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom itejbu l-komunikazzjoni tagħhom sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni b'mod effettiv. Huma għandhom jiskambjaw informazzjoni u jiffavorixxu komunikazzjoni dwar il-programmi tagħhom billi:

(a)

jipprovdu lil xulxin bid-dettalji dwar il-Membri tal-Programm tagħhom, suġġett għall-paragrafu 4;

(b)

jipprovdu aġġornamenti dwar l-operazzjoni u l-iżvilupp tal-Programmi tagħhom;

(c)

jiskambjaw informazzjoni rigward il-politika u x-xejriet tas-sigurtà tal-katina ta' provvista;

(d)

jiżguraw komunikazzjoni effettiva bejn l-aġenziji bejn id-Direttorat-Ġenerali għall-Finanzi u l-Unjoni Doganali tal-Kummissjoni Ewropea u l-Amministrazzjoni Doganali Ġenerali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina sabiex jiġu mtejba prassi tal-ġestjoni ta' riskju fir-rigward tas-sigurtà tal-katina ta' provvista min-naħa tal-Membri tal-Programm.

2.   L-Artikolu 17 tal-FKDARAKD għandu japplika għal kull skambju ta' informazzjoni skont din id-Deċiżjoni.

3.   L-informazzjoni u data relatata għandhom jiġu skambjati b'mod sistematiku permezz ta' mezzi elettroniċi.

4.   Id-dettalji li għandhom jiġu skambjati dwar il-Membri tal-Programm tagħhom għandhom ikunu limitati għal:

(a)

l-isem tal-Membru tal-Programm;

(b)

l-indirizz tal-Membru tal-Programm;

(c)

l-istatus tal-Membru tal-Programm;

(d)

id-data tal-validazzjoni jew awtorizzazzjoni;

(e)

is-sospensjonijiet u r-revoki;

(f)

in-numru uniku tal-awtorizzazzjoni (pereżempju n-numri EORI jew OEA); u

(g)

dettalji oħra li jistgħu jkunu determinati reċiprokament bejn l-Awtoritajiet Doganali, suġġetti, fejn applikabbli, għal kwalunkwe salvagwardji neċessarji.

Artikolu 6

Trattament tad-Data

1.   Kwalunkwe informazzjoni, inkluża kwalunkwe data personali, skambjata skont din id-Deċiżjoni għandha tkun miksuba, użata u pproċessata biss mill-Awtoritajiet Doganali u għall-iskop uniku tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.   Kull informazzjoni kkomunikata fi kwalunkwe forma skont din id-Deċiżjoni għandha tkun ta' natura kunfidenzjali jew ristretta, skont ir-regoli applikabbli f'kull Parti u tkun koperta mill-obbligu tas-segretezza uffiċjali.

3.   L-Awtoritajiet Doganali għandhom jiżguraw li l-informazzjoni skambjata tkun preċiża u aġġornata regolarment, u li jkunu fis-seħħ proċeduri xierqa tat-tħassir. Fil-każ li Awtorità Doganali tistabbilixxi li informazzjoni pprovduta skont din id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata, l-Awtorità Doganali li tipprovdi din l-informazzjoni għandha minnufih tavża lill-Awtorità Doganali riċeventi b'tali emendi. Ladarba nnotifikata b'dawn l-emendi, l-Awtorità Doganali riċeventi għandha minnufih tirreġistra dawk l-emendi. L-informazzjoni ma tistax tiġi pproċessata u miżmuma għal żmien itwal milli jkun meħtieġ għall-iskop tal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

4.   Fejn tiġi skambjata informazzjoni b'data personali skont l-Artikoli 4 u 5 ta' din id-Deċiżjoni, l-Awtoritajiet Doganali għandhom jieħdu wkoll miżuri xierqa biex jiżguraw il-protezzjoni tad-data, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità u l-integrità. L-Awtoritajiet Doganali għandhom jiżguraw partikolarment li:

(a)

is-salvagwardji tas-sigurtà huma fis-seħħ (inklużi salvagwardji elettroniċi) li jikkontrollaw, fuq il-bażi tal-ħtieġa, aċċess għall-informazzjoni miksuba mill-Awtorità Doganali l-oħra taħt din id-Deċiżjoni u li l-informazzjoni tiġi użata biss għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni;

(b)

l-informazzjoni miksuba mill-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni tkun protetta mill-aċċess mhux awtorizzat, mid-disseminazzjoni, u mill-modifika, mit-tħassir jew mill-qerda, ħlief sal-limitu xieraq biex jiġi implimentat il-paragrafu 3;

(c)

l-informazzjoni miksuba mill-Awtorità Doganali l-oħra taħt din id-Deċiżjoni ma tiġix trażmessa lil kwalunkwe parti oħra, lil kwalunkwe pajjiż terz jew korp internazzjonali jew lil kwalunkwe awtorità pubblika oħra tal-Parti riċeventi mingħajr il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-Awtorità Doganali li tkun ipprovdiet l-informazzjoni. Kwalunkwe informazzjoni trażmessa b'kunsens bil-miktub minn qabel tintuża skont il-kondizzjonijiet speċifikati f'din id-Deċiżjoni u suġġetta għal kwalunkwe restrizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorità li pprovdiet l-informazzjoni.

(d)

l-informazzjoni miksuba mill-Awtorità Doganali l-oħra taħt din id-Deċiżjoni tkun maħżuna l-ħin kollu f'sistemi ta' ħażna elettroniċi u/jew kartaċi siguri. Reġistri jew dokumentazzjoni jinżammu fuq l-aċċess kollu, kif ukoll l-ipproċessar u l-użu ta' informazzjoni miksuba mill-Awtorità Doganali l-oħra.

5.   Fir-rigward ta' kwalunkwe data personali li tista' tkun skambjata skont din id-Deċiżjoni, Membru tal-Programm jista' jitlob aċċess għal rettifika, imblukkar jew tħassir ta' kwalunkwe tali data relatata miegħu jew magħha li hija pproċessata minn Awtorità Doganali. Kull Awtorità Doganali għandha tavża lill-Membri tal-Programm tagħha dwar kif għandu jintalab aċċess, rettifika, imblukkar jew tħassir fl-ewwel istanza. L-Awtorità Doganali mitluba għandha tikkorreġi kull data mhux preċiża jew mhux kompluta.

6.   Fir-rigward ta' kwalunkwe data personali li tista' tkun skambjata skont din id-Deċiżjoni, Membri tal-Programm għandu jkollhom id-dritt għal rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv huma x'inhuma n-nazzjonalità u l-pajjiż ta' residenza tagħhom. F'dan il-kuntest, kull Awtorità Doganali għandha tinforma wkoll lill-Membri tal-Programm bl-għażliet biex wieħed ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju.

7.   Fuq talba tal-Awtorità Doganali fornitriċi, l-Awtorità Doganali riċeventi għandha taġġorna, tikkorreġi, timblokka, jew tħassar informazzjoni riċevuta skont din id-Deċiżjoni li ma tkunx preċiża jew li ma tkunx kompluta jew jekk il-ġbir tagħha jew l-ipproċessar ulterjuri jkunu jiksru din id-Deċiżjoni jew l-FKDARAKD.

8.   Kull Awtorità Doganali għandha tinnotifika lill-Awtorità Doganali l-oħra fil-każ li ssir taf li informazzjoni materjali li tkun ittrasmettiet lill-Awtorità Doganali l-oħra, jew riċevuta mill-Awtorità Doganali l-oħra skont din id-Deċiżjoni, ma tkunx preċiża jew ma tkunx affidabbli jew tkun suġġetta għal dubbju sinifikanti. Fejn Awtorità Doganali tiddetermina li informazzjoni li tkun irċeviet mingħand l-Awtorità Doganali l-oħra taħt din id-Deċiżjoni ma tkunx preċiża, din għandha tieħu l-miżuri kollha li tqis xierqa sabiex tissalvagwardja kontra d-dipendenza żbaljata fuq tali informazzjoni, inklużi s-supplimentazzjoni, it-tħassir, jew il-korrezzjoni ta' tali informazzjoni.

9.   Il-konformità mad-dispożizzjonijiet f'dan l-Artikolu minn kull Awtorità Doganali għandha tkun suġġetta għal sorveljanza u rieżami mill-awtorità rilevanti rispettiva tagħhom. Għall-Unjoni, dawk l-awtoritajiet huma l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data tal-Istati Membri tal-Unjoni, u għaċ-Ċina dik l-awtorità hija l-Amministrazzjoni Ġenerali Doganali taċ-Ċina. Dawk l-awtoritajiet għandu jkollhom is-setgħat effettivi li jissorveljaw, jinvestigaw, jintervjenu u jeżaminaw mill-ġdid, u jkollhom is-setgħa li jirriferu ksur tal-liġi għal azzjoni legali, fejn xieraq. Dawn għandhom jiżguraw li l-ilmenti rigward in-nuqqas ta' konformità huma riċevuti, investigati, imwieġba, u adegwatament rimedjati.

10.   Il-KKKD għandu jirrieżamina l-ipproċessar tad-data personali skont din id-Deċiżjoni. Rieżami bħal dan għandu jsir fuq talba ta' kull waħda mill-Awtoritajiet Doganali, jew għall-inqas kull sentejn. Kull Awtorità Doganali għandha tipprovdi l-informazzjoni neċessarja dwar miżuri meħuda biex tiġi żgurata konformità u jiġi pprovdut aċċess għad-dokumentazzjoni, sistemi u persunal rilevanti u jitwaqqaf kull ipproċessar li jidher li jkun qed jikser din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Konsultazzjoni u Rieżami

1.   Il-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom jissolvew permezz ta' konsultazzjonijiet bejn l-Awtoritajiet Doganali fil-qafas tal-KKKD.

2.   Il-KKKD għandu jirrieżamina l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni regolarment. Il-proċess ta' rieżami jista' jinkludi, b'mod partikolari:

(a)

verifiki konġunti sabiex jidentifikaw il-punti b'saħħithom u dawk dgħajfa fl-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku;

(b)

skambji ta' opinjonijiet dwar dettalji li għandhom jiġu skambjati u benefiċċji, inkluż kwalunkwe benefiċċju futur, li għandu jingħata lill-operaturi skont l-Artikolu 4(2);

(c)

skambji ta' opinjonijiet dwar dispożizzjonijiet ta' sigurtà bħal protokolli li għandhom jiġu segwiti waqt u wara inċident ta' sigurtà serju (tkomplija tal-attivitajiet kummerċjali) jew meta l-kondizzjonijiet jiġġustifikaw is-sospensjoni tar-rikonoxximent reċiproku;

(d)

eżami tas-sospensjoni tal-benefiċċji msemmija fl-Artikolu 4(3) ta' din id-Deċiżjoni;

(e)

rieżami tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Effett u Sospensjoni

1.   Il-kooperazzjoni taħt din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva mal-iffirmar.

2.   Kull waħda mill-Awtoritajiet Doganali tista' tissospendi l-kooperazzjoni taħt din id-Deċiżjoni f'kull ħin billi tagħti avviż bil-miktub ta' mill-anqas tletin (30) ġurnata ta' dan.

Magħmul f'Beijing, is-16 ta' Mejju 2014.

Għall-Kumitat Konġunt għall-Kooperazzjoni Doganali bejn l-UE u ċ-Ċina

Għall-Kummissjoni Ewropea

Algirdas ŠEMETA

Għall-Amministrazzjoni Doganali Ġenerali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina

YU Guangzhou


(1)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta' Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).