26.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 222/22


DEĊIŻJONI Nru 1/2014 TAL-KUMITAT KONĠUNT TAL-KONVENZJONI REĠJONALI DWAR IR-REGOLI PREFERENZJALI TAL-ORIĠINI PAN-EWROMEDITERRANJI

tal-21 ta' Mejju 2014

dwar l-adozzjoni tar-regoli ta' proċedura tiegħu

(2014/503/UE)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, u b'mod partikolari l-Artikolu 3 tagħha,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (il-“Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2012.

(2)

L-Artikolu 3(1) tal-Konvenzjoni stabbilixxa Kumitat Konġunt li fih kull Parti Kontraenti għandha tiġi rrappreżentata.

(3)

Skont l-Artikolu 3(4) tal-Konvenzjoni il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kumitat Konġunt tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji, kif stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, huma b'dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta' Mejju 2014.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Presidenza

P.-J. LARRIEU


ANNESS

IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-KONVENZJONI REĠJONALI DWAR IR-REGOLI PREFERENZJALI TAL-ORIĠINI PAN-EWRO-MEDITERRANJI

Artikolu 1

Konfigurazzjoni

1.   Il-Kumitat Konġunt (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-kumitat”) ikun magħmul minn rappreżentanti ta':

il-Partijiet Kontraenti msemmija fl-Artikolu 1(3) tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (minn hawn 'il quddiem “il-Konvenzjoni”) li għalihom daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni, u

il-Partijiet Kontraenti effettivament aderenti mal-Konvenzjoni skont l-Artikolu 5(6) tal-Konvenzjoni,

minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet Kontraenti li għalihom daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni”.

Il-Partijiet Kontraenti li għalihom daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni jkollhom id-drittijiet tal-vot. Huma jkollhom vot wieħed għal kull Parti Kontraenti.

2.   Il-Partijiet Kontraenti msemmija fl-Artikolu 1(3) tal-Konvenzjoni li għalihom il-Konvenzjoni ma tkunx għadha daħlet fis-seħħ u l-pajjiżi terzi mistiedna mill-kumitat sabiex jaderixxu mal-Konvenzjoni jkollhom l-istatus ta' osservaturi fil-kumitat skont l-Artikolu 5(9).

Dawn il-Partijiet Kontraenti, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Partijiet Kontraenti bi status ta' osservatur”, ma jkollhomx id-drittijiet tal-vot. Madankollu huma jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-forum ta' diskussjoni tal-Kumitat, kif ukoll iressqu proposti.

3.   Is-Segretarjati tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA), tal-Ftehim ta' Agadir u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA) jkollhom ukoll status ta' osservatur fil-kumitat. Dawn l-osservaturi ma jkollhomx id-drittijiet tal-vot; madankollu huma jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-forum ta' diskussjoni tal-kumitat, kif ukoll iressqu proposti.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kumitat jista' jiddeċiedi li jistieden aktar osservaturi fuq bażi ad hoc, jekk l-ebda Parti Kontraenti ma toġġezzjona. Dawn l-osservaturi ma jkollhomx id-drittijiet tal-vot; madankollu huma jistgħu jipparteċipaw b'mod attiv fil-forum ta' diskussjoni tal-kumitat.

4.   Qabel kull laqgħa tal-kumitat, il-membri tal-kumitat imsemmija fil-paragrafi minn wieħed sa tlieta (minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-membri tal-kumitat”) jinfurmaw lis-segretarjat bil-miktub dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni tagħhom. L-għadd ta' delegati, bħala regola ġenerali, ikunu limitati għal tliet delegati għal kull delegazzjoni. Kull tibdila fil-konfigurazzjoni tiġi nnotifikata bil-miktub lis-segretarjat mhux aktar tard minn sebat ijiem tal-kalendarju qabel il-laqgħa.

Artikolu 2

Presidenza

Il-Kumitat ikun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea (minn hawn 'il quddiem imsejħa “il-Kummissjoni”).

Artikolu 3

Segretarjat

Il-Kummissjoni tagħti s-servizz ta' segretarjat lill-kumitat u, jekk ikun meħtieġ, lis-sottokumitati u lill-gruppi ta' ħidma maħluqa skont l-Artikolu 13.

Artikolu 4

Korrispondenza

1.   Il-korrispondenza marbuta mal-kumitat tintbagħat lill-Kummissjoni, għall-attenzjoni tal-President tal-kumitat, fil-prinċipju permezz ta' mezzi elettroniċi.

2.   Il-korrispondenza għall-membri tal-kumitat tiġi ppreżentata lilhom mis-segretarjat, fil-prinċipju permezz ta' mezzi elettroniċi.

Artikolu 5

Laqgħat

1.   Il-laqgħat tal-kumitat jissejħu mill-President, jew bl-inizjattiva tal-President stess, jew wara talba għal dan ta' xi Parti Kontraenti.

2.   Il-laqgħat isiru fi Brussell jew, jekk l-ebda Parti Kontraenti ma toġġezzjona, f'xi lokalità oħra.

3.   Il-President jagħmel dak kollu li hu possibbli biex jevita li l-laqgħat jissejħu waqt il-festi pubbliċi ta' xi Parti Kontraenti. Għal dan l-għan, sal-aħħar ta' kull sena kalendarja, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jikkomunikaw id-dati tal-btajjel uffiċjali tagħhom għas-sena suċċessiva lis-segretarjat.

4.   L-istediniet għal laqgħa jintbagħtu lill-membri kollha tal-kumitat mill-inqas xahar qabel il-laqgħa.

5.   Dejjem jekk il-Kumitat ma jiddeċidix mod ieħor, il-laqgħat tiegħu ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 6

Aġenda

1.   Il-President ifassal l-aġenda provviżorja ta' kull laqgħa.

2.   L-aġenda provviżorja tintbagħat lill-membri kollha tal-kumitat, fil-prinċipju, l-aktar tard, sa xahar qabel il-laqgħa.

3.   Elementi addizzjonali jistgħu jiddaħħlu bħala punti ewlenin tal-aġenda jekk jitressqu quddiem il-President sa mhux aktar tard minn 15-il jum kalendarju qabel il-laqgħa. Punti addizzjonali jistgħu jiddaħħlu fl-aġenda provviżorja bħala “ħwejjeġ oħra” jekk jitressqu qabel ma l-aġenda tiġi adottata.

4.   L-aġenda tiġi adottata mill-kumitat fil-bidu ta' kull laqgħa, jekk l-ebda Parti Kontraenti ma toġġezzjona.

Artikolu 7

Minuti

1.   Il-minuti ta' kull laqgħa jitħejjew fir-responsabbiltà tal-President. Il-minuti jindikaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-kumitat fir-rigward ta' kull punt fl-aġenda, u jkun fihom, fil-forma ta' annessi mal-minuti, id-dokumenti ppreżentati fil-laqgħa u lista tal-parteċipanti.

2.   Il-President jibgħat mingħajr dewmien l-abbozz tal-minuti lill-membri tal-kumitat, u mhux aktar tard minn xahar wara l-laqgħa.

Il-membri tal-Kumitat jibagħtu bil-miktub lill-President kull kumment dwar l-abbozz tal-minuti sa mhux aktar tard minn xahar wara li dan ikun ntbagħat lilhom. Jekk ikun hemm xi nuqqas ta' qbil, il-kwistjoni tiġi diskussa mill-kumitat. Jekk il-kumitat ma jkunx jista' jilħaq qbil, il-kummenti rilevanti jiġu annessi mal-minuti finali.

Artikolu 8

L-implimentazzjoni u s-soluzzjoni għat-tilwim

1.   Il-Partijiet Kontraenti li għalihom il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ jaqsmu l-fehmiet tagħhom dwar l-esperjenzi u l-problemi li nqalgħu waqt l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni.

2.   Skont l-Artikolu 33 tal-Appendiċi 1 tal-Konvenzjoni, il-kumitat ifittex soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd rigward it-tilwim li jinqala' dwar l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni.

Artikolu 9

L-amministrazzjoni tal-Konvenzjoni

1.   Il-Partijiet Kontraenti li għalihom il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ jinnotifikaw lill-Kumitat dwar ftehimiet ta' kummerċ ħieles milħuqa bejniethom li jirreferu għall-Konvenzjoni, u jinfurmaw lis-segretarjat dwar id-data minn meta l-Konvenzjoni tibda tapplika fir-rigward ta' dawn il-ftehimiet ta' kummerċ ħieles.

Is-segretarjat jieħu l-passi meħtieġa sabiex jiġu ppublikati avviżi f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li juru li hemm ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex tiġi applikata l-akkumulazzjoni.

2.   Il-Partijiet Kontraenti li għalihom daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni jinfurmaw lill-kumitat dwar kull emenda għall-ftehimiet ta' kummerċ ħieles ta' bejn il-Partijiet Kontraenti, li jistgħu jaffettwaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-akkumulazzjoni djagonali.

Artikolu 10

L-adeżjoni ta' Partijiet Kontraenti ġodda

1.   Il-Kumitat jikkunsidra talbiet bil-miktub għall-adeżjoni minn pajjiżi terzi li jiġu sottomessi mid-depożitarju, fil-prinċipju fil-laqgħa ta' wara l-wasla ta' dawn it-talbiet.

2.   Il-Kumitat jieħu inkonsiderazzjoni jekk humiex meħtieġa arranġamenti tranżitorji sakemm jiġu konklużi l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles bejn il-Parti Kontraenti aderenti u Partijiet Kontraenti oħra, b'mod partikolari sabiex jiġu evitati inċertezzi rigward il-kumulazzjoni mal-Parti Kontraenti aderenti.

Artikolu 11

Emendi għar-Regoli ta' Proċedura u l-Konvenzjoni

1.   Ir-regoli ta' proċedura tal-kumitat jistgħu jiġu rieżaminati fuq talba ta' kull Parti Kontraenti li għaliha tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni.

2.   Jekk dispożizzjoni speċjali msemmija fl-Appendiċi II tal-Konvenzjoni tiġi emendata mill-Partijiet Kontraenti kkonċernati, jew jekk din id-dispożizzjoni speċjali tiġi adottata minn żewġ Partijiet Kontraenti, dik tal-aħħar tipprovdi lis-segretarjat bl-emenda applikabbli.

3.   Is-segretarjat jikkomunika l-emendi adottati mill-kumitat fil-Konvenzjoni kif ukoll fl-Appendiċi tagħha lid-depożitarju u lill-Partijiet Kontraenti.

Artikolu 12

Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu adottati permezz ta' vot mill-Partijiet Kontraenti li għalihom il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ, u li jkunu preżenti jew irrappreżentati fil-laqgħa tal-kumitat. Il-kworum huwa mill-inqas 2/3 ta' dawk il-Partijiet Kontraenti.

L-astensjonijiet ma jżommux lill-kumitat milli jadotta atti li jeħtieġu unanimità.

Parti Kontraenti li għaliha tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni tista' tirrappreżenta mhux aktar minn Parti Kontraenti oħra li għaliha l-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ. Il-Parti Kontraenti li tkun qed tiġi rrappreżentata tgħarraf lill-President dwar dan bil-miktub qabel il-laqgħa.

Il-Partijiet Kontraenti li għalihom tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni jikkunsidraw bl-akbar reqqa l-opinjonijiet imqajma mill-Partijiet Kontraenti bl-istatus ta' osservatur.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ikollhom numru, id-data tal-adozzjoni tagħhom u titlu li jirreferi għall-kontenut tagħhom.

3.   Kull Parti Kontraenti tista' tippubblika, fil-lingwa/lingwi uffiċjali rispettiva/rispettivi tagħha u fil-ġurnal(i) uffiċjali, u f'konformità mar-regoli interni tagħha, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-kumitat.

4.   Meta kwistjoni tkun urġenti u ma tkunx tista' tissejjaħ laqgħa, il-kumitat jista' jadotta d-deċiżjonijiet tiegħu jew jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont proċedura bil-miktub, jekk il-Partijiet Kontraenti li għalihom tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni jaqblu dwar dan. Il-paragrafu 1 japplika għal din il-proċedura bil-miktub.

Il-President, b'mod partikulari, jista' juża l-proċedura bil-miktub biex jikseb l-approvazzjoni tal-kumitat meta l-abbozz ta' deċiżjoni jew ta' rakkomandazzjoni jkun diġà ġie diskuss waqt laqgħa tal-kumitat.

F'dan il-każ, il-President idawwar għall-approvazzjoni l-abbozz propost tad-deċiżjoni jew tar-rakkomandazzjoni, u jistipula limitu ta' żmien, skont kemm tkun urġenti l-kwistjoni, sa meta għandhom jitressqu l-kummenti u l-pożizzjonijiet.

Il-Partijiet Kontraenti li għalihom tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni jinnotifikaw lis-segretarjat, fil-limitu tal-ħin stabbilit, dwar il-ftehim jew in-nuqqas ta' ftehim tagħhom marbut mal-adozzjoni tad-deċiżjoni jew tar-rakkomandazzjoni applikabbli. Kull Parti Kontraenti li għaliha tkun daħlet fis-seħħ il-Konvenzjoni, li ma topponix l-abbozz tad-deċiżjoni jew tar-rakkomandazzjoni qabel ma jiskadi dan il-limitu taż-żmien titqies li b'mod taċitu qablet mal-abbozz propost tad-deċiżjoni jew tar-rakkomandazzjoni.

Il-President jgħarraf minnufih lill-Partijiet Kontraenti dwar l-eżitu tal-proċedura bil-miktub, u mhux aktar tard minn 14-il jum tal-kalendarju wara li jiskadi l-limitu taż-żmien.

Artikolu 13

Is-Sottokumitati u l-Gruppi ta' Ħidma

1.   Sottokumitat jew grupp ta' ħidma stabbilit skont l-Artikolu 3(5) tal-Konvenzjoni jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet, iħejji deċiżjonijiet u jwettaq kull kompitu ieħor li l-kumitat jiddelegalu.

2.   Is-Sottokumitati u l-gruppi ta' ħidma jirrapportaw regolarment lill-kumitat, u mill-inqas darba fix-xahar qabel kull laqgħa tal-Kumitat.

3.   Il-Partijiet Kontraenti bi status ta' osservatur u osservaturi kif imsemmija fl-Artikolu 1(3) jistgħu jkunu rrappreżentati bl-istess status ta' osservatur f'kull sottokumitat jew grupp ta' ħidma.

Artikolu 14

Lingwa uffiċjali

1.   Il-lingwi ta' ħidma tal-kumitat ikunu l-Ingliż u l-Franċiż.

2.   L-abbozz tad-deċiżjonijiet ippreżentat lill-kumitat ikun kemm bl-Ingliż kif ukoll bil-Franċiż.

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Dawn ir-regoli ta' proċedura jidħlu fis-seħħ fid-data li fiha jiġu adottati.