21.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/3


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukraina dwar l-istatus tal-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine)

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Unjoni Ewropea” jew “l-UE”,

minn naħa waħda, u

L-UKRAINA, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Ukraina” jew “l-Istat Ospitanti”,

min-naħa l-oħra,

Flimkien minn hawn 'il quddiem imsejħin “il-Partijiet”,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW:

l-ittra ddatata l-11 ta' Lulju 2014 mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukraina lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/486/PESK tat-22 ta' Lulju 2014 dwar il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina (EUAM Ukraine),

li dan il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea fl-Ukraina (EUAM Ukraine) u l-persunal tagħha.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Ukraina.

3.   Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

(a)

“EUAM Ukraine” jew “il-Missjoni” għandha tfisser il-Missjoni ta' Konsulenza tal-Unjoni Ewropea għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà Ċivili fl-Ukraina stabbilita mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-Deċiżjoni 2014/486/PESK, inklużi l-komponenti, l-unitajiet, il-kwartieri ġenerali u l-persunal tagħha skjerat fit-territorju tal-Istat Ospitanti u assenjat lill-EUAM Ukraine;

(b)

“Kap tal-Missjoni” għandha tfisser il-Kap tal-Missjoni tal-EUAM Ukraine, maħtur mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

(c)

“Unjoni Ewropea (UE)” għandha tfisser il-korpi permanenti tal-UE u l-persunal tagħhom;

(d)

“Persunal tal-EUAM Ukraine” għandha tfisser il-Kap tal-Missjoni, il-persunal issekondat mill-Istati Membri tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati mhux membri tal-UE mistiedna mill-UE biex jipparteċipaw fl-EUAM Ukraine, il-persunal internazzjonali reklutat fuq bażi kuntrattwali mill-EUAM Ukraine biex iħejji, jappoġġa u jimplimenta l-Missjoni, u l-persunal fuq missjoni għal Stat Mittenti, istituzzjoni tal-UE jew is-SEAE fil-qafas tal-Missjoni. Hija ma għandhiex tinkludi kuntratturi kummerċjali jew persunal impjegat lokalment;

(e)

“Kwartieri ġenerali” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali prinċipali tal-EUAM Ukraine fi Kiev;

(f)

“Stat Mittenti” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-UE jew Stat mhux fl-UE li għandu persunal sekondat għall-Missjoni;

(g)

“Faċilitajiet” għandha tfisser il-bini, il-postijiet, l-istallazzjonijiet u l-art kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-attivitajiet tal-Missjoni, kif ukoll għall-akkomodazzjoni tal-persunal tal-Missjoni;

(h)

“Persunal impjegat lokalment” għandha tfisser membri tal-persunal li jkunu ċittadini residenti ta', jew residenti permanenti fl-Ukraina;

(i)

“Korrispondenza uffiċjali” għandha tfisser kull korrispondenza relatata mal-EUAM Ukraine u mal-funzjonijiet tagħha;

(j)

“Mezzi ta' trasport tal-EUAM Ukraine” għandha tfisser kull vettura u mezz ieħor ta' trasport li hija proprjetà ta' jew mikrija mill-EUAM Ukraine;

(k)

“Assi tal-EUAM Ukraine” għandha tfisser tagħmir, inkluż mezzi tat-trasport, u prodotti għall-konsumatur meħtieġa għall-attivitajiet tal-EUAM Ukraine.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   EUAM Ukraine u l-persunal tal-EUAM Ukraine għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti u ma għandhom iwettqu l-ebda azzjoni jew attività inkompatibbli mal-objettivi tal-EUAM Ukraine.

2.   EUAM Ukraine għandha tkun awtonoma fir-rigward tal-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tagħha taħt dan il-Ftehim. L-Istat Ospitanti għandu jirrispetta n-natura unitarja u internazzjonali tal-EUAM Ukraine.

3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jinforma regolarment lill-Gvern tal-Istat Ospitanti dwar in-numru tal-persunal tal-EUAM Ukraine stazzjonat fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

1.   Il-lista tal-persunal tal-EUAM Ukraine, inkluż id-dati tal-wasla u tat-tluq tagħhom, għandha tingħata lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ukraina (MAB tal-Ukraina) għad-durata tal-Missjoni u aġġornata kull meta meħtieġ. Il-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jiġi pprovdut b'karti ta' identifikazzjoni maħruġa mill-MAB tal-Ukraina u li jikkonfermaw l-istatus tal-persunal tal-EUAM Ukraine.

2.   Il-mezzi tat-trasport tal-EUAM Ukraine jista' jkollhom marki distintivi ta' identifikazzjoni tal-EUAM Ukraine, li kampjun tagħhom għandu jiġi pprovdut lill-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Ospitanti u pjanċi tal-liċenzja pprovduti għall-missjonijiet diplomatiċi fl-Ukraina.

3.   L-EUAM Ukraine għandu jkollha d-dritt li ttajjar il-bandiera tal-UE fil-Kwartieri Ġenerali tagħha u bnadi oħrajn, waħedha jew flimkien mal-bandiera tal-Istat Ospitanti, kif deċiż mill-Kap tal-Missjoni. Il-bnadar nazzjonali jew l-insinji tal-kontinġenti nazzjonali kostitwenti tal-EUAM Ukraine jistgħu jintwerew fuq il-faċilitajiet, il-mezzi tat-trasport tal-EUAM Ukraine kif ukoll fuq l-uniformijiet tal-Missjoni, kif deċiż mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 4

Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Ukraina/tal-istat ospitanti

1.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine, l-assi tal-EUAM Ukraine u l-mezzi tat-trasport tal-EUAM Ukraine għandhom jaqsmu l-fruntiera tal-Istat Ospitanti fil-punti uffiċjali tal-qsim tal-fruntieri, portijiet marittimi u permezz ta' passaġġi tal-ajru internazzjonali.

2.   L-Istat Ospitanti għandu jiffaċilita d-dħul fi u l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Ospitanti għall-persunal tal-EUAM Ukraine u l-assi, u l-mezzi tat-trasport tal-EUAM Ukraine. Il-persunal tal-EUAM għandu jaqsam il-fruntiera tal-Ukraina b'passaport validu. Mad-dħul fi u l-ħruġ mit-territorju tal-Istat Ospitanti, il-persunal tal-EUAM Ukraine li għandu karta ta' identifikazzjoni tal-Missjoni jew prova proviżorja ta' parteċipazzjoni fl-EUAM Ukraine għandu jkun eżentat mill-kontrolli doganali, ir-rekwiżiti tal-viża u l-immigrazzjoni, u minn kull forma ta' kontroll tal-immigrazzjoni fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

3.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jkun eżentat mir-regolamenti tal-Istat Ospitanti li jirregolaw ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma għandu jikseb ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

4.   L-EUAM Ukraine għandu jimporta assi fit-territorju doganali tal-Istat Ospitanti jew jesporta assi mit-territorju doganali tal-Ukraina, inklużi faċilitajiet ta' trasport ipprovduti għall-użu uffiċjali fl-Ukraina, b'eżenzjoni mill-ispezzjoni doganali. Tali oġġetti, inklużi vetturi, għandhom jiġu ddikjarati f'konformità mal-leġislazzjoni doganali tal-Istat Ospitanti applikabbli għall-missjonijiet diplomatiċi.

5.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine jista' jsuq vetturi, ibaħħar b'bastimenti u jħaddem inġenji tal-ajru u kwalunkwe mezz ieħor ta' trasport fit-territorju tal-Istat Ospitanti dment li dawn ikollhom liċenzji tas-sewqan, ċertifikati ta' kaptan ta' bastiment jew liċenzji ta' bdot nazzjonali jew internazzjonali validi, kif adatt. L-Istat Ospitanti għandu jaċċetta bħala validi, mingħajr taxxa jew ħlas, liċenzji jew permessi tas-sewqan li jkollu l-persunal tal-EUAM Ukraine.

6.   L-EUAM Ukraine u l-persunal tal-EUAM Ukraine flimkien mal-vetturi u kwalunkwe mezz ieħor ta' trasport, tagħmir u provvisti tagħhom għandhom igawdu minn moviment liberu u mingħajr restrizzjonijiet fit-territorju kollu tal-Istat Ospitanti, inkluż il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tiegħu, f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Ukraina.

Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu konklużi arranġamenti supplimentari f'konformità mal-Artikolu 18.

7.   Għall-fini ta' vjaġġi għall-qadi ta' dmirijiet uffiċjali, il-persunal tal-EUAM Ukraine u l-persunal impjegat lokalment, għandu jkun intitolat juża toroq pubbliċi, pontijiet, bastimenti, ajruporti u portijiet mingħajr ħlas ta' dazji, imposti, pedaġġi, taxxi u ħlasijiet oħrajn. L-EUAM Ukraine ma għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għal servizzi li titlob jew tirċievi taħt il-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk ipprovduti liċ-ċittadini tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 5

Privileġġi u immunitajiet tal-EUAM Ukraine mogħtija mill-istat ospitanti

1.   Il-faċilitajiet għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-Istat Ospitanti ma għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kap tal-Missjoni.

2.   Il-faċilitajiet, it-tagħmir tagħhom u assi oħra fihom kif ukoll il-mezzi tat-trasport tagħhom għandu jkollhom immunità minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, qbid jew eżekuzzjoni.

3.   L-EUAM Ukraine, il-proprjetà u l-assi tal-EUAM Ukraine, irrispettivament minn fejn jinsabu u mid-detentur tagħhom, għandu jkollhom immunità minn kull forma ta' proċessi legali.

4.   L-arkivji u d-dokumenti għandhom ikunu dejjem invjolabbli, kull fejn ikunu.

5.   Il-korrispondenza uffiċjali tal-EUAM Ukraine għandha tkun invjolabbli.

6.   L-EUAM Ukraine għandha tkun eżentata mill-imposti, it-taxxi u l-ħlasijiet ta' natura simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali fir-rigward tal-merkanzija mixtrija jew importata, is-servizzi pprovduti u l-faċilitajiet użati mill-EUAM Ukraine għall-finijiet tal-EUAM Ukraine. L-EUAM Ukraine ma għandhiex tkun eżentata mill-imposti, it-taxxi jew il-ħlasijiet li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.

7.   L-Istat Ospitanti għandu jippermetti d-dħul tal-oġġetti meħtieġa għall-finijiet tal-EUAM Ukraine u għandu jagħti lil dawk l-oġġetti eżenzjoni mid-dazji doganali, l-imposti, il-pedaġġi, it-taxxi u ħlasijiet simili kollha minbarra l-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi mwettqa oħrajn.

Artikolu 6

Privileġġi u immunitajiet tal-persunal tal-EUAM Ukraine mogħtija mill-istat ospitanti

1.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine ma għandu jkun soġġett għall-ebda forma ta' arrest jew detenzjoni.

2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-assi tal-persunal tal-EUAM Ukraine għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta' miżuri ta' eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 6.

3.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jgawdi minn immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat Ospitanti fiċ-ċirkostanzi kollha. Privileġġi mogħtija lill-persunal tal-EUAM u immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Ukraina ma jeżentahx mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Mittenti jew l-istituzzjonijiet tal-UE. L-immunità tal-persunal tal-EUAM Ukraine mill-ġurisdizzjoni kriminali tal-Istat Ospitanti tista' tiġi rrinunzjata mill-Istat Mittenti jew mill-istituzzjoni kkonċernata tal-UE, skont il-każ. Tali rinunzja għandha dejjem tkun rinunzja espressa.

4.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jgawdi minn immunità mill-ġurisdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem bil-fomm jew bil-miktub u l-atti kollha li jwettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jinbdew proċedimenti ċivili kontra l-persunal tal-EUAM Ukraine quddiem kwalunkwe qorti tal-Istat Ospitanti, il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew tal-istituzzjoni tal-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti, il-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni tal-UE għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq mill-persunal tal-EUAM Ukraine fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk l-att ikun twettaq fl-eżerċizzju ta' funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jinbeda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16. Jekk l-att ma kienx twettaq fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista' jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mill-Kap tal-Missjoni u l-awtorità kompetenti tal-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni tal-UE għandha tkun vinkolanti fuq il-ġurisdizzjoni tal-Istat Ospitanti, li ma jistax jikkontestaha. Il-bidu ta' proċedimenti mill-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta' kwalunkwe kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

5.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine ma għandux ikun obbligat li jagħti xhieda.

6.   L-ebda miżura ta' eżekuzzjoni ma tista' tittieħed fir-rigward tal-persunal tal-EUAM Ukraine, ħlief fil-każ li jinbeda kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal tal-EUAM Ukraine, li tkun iċċertifikata mill-Kap tal-Missjoni bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa minn qbid biex tiġi sodisfatta sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili, il-persunal tal-EUAM Ukraine ma għandu jkun suġġett għall-ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tiegħu jew għal kwalunkwe miżura oħra ta' limitazzjoni.

7.   L-immunità tal-persunal tal-EUAM Ukraine mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Ospitanti ma għandhiex teżentah mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Mittenti rispettivi.

8.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine għandu, fir-rigward tas-servizzi mwettqa għall-EUAM Ukraine, ikunu eżentat mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat Ospitanti.

9.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jkun eżentat minn kwalunkwe forma ta' tassazzjoni fl-Istat Ospitanti fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUAM Ukraine jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kwalunkwe dħul minn barra l-Istat Ospitanti.

10.   L-Istat Ospitanti għandu, f'konformità ma' dawk il-liġijiet u r-regolamenti li jista' jadotta, jippermetti d-dħul ta' oġġetti għall-użu personali tal-persunal tal-EUAM Ukraine, u għandu jagħti eżenzjoni minn kull dazju doganali, taxxa u ħlas relatat ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi simili, fir-rigward ta' dawn l-oġġetti. L-Istat Ospitanti għandu wkoll jippermetti l-esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti. Ix-xiri tal-oġġetti u s-servizzi fis-suq domestiku mill-persunal tal-EUAM Ukraine għandu jkun eżentat mill-VAT u t-taxxi f'konformità mal-liġijiet tal-Istat Ospitanti.

11.   Il-bagalji personali tal-persunal tal-EUAM Ukraine għandhom ikunu eżentati minn spezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji sabiex ikun ikkunsidrat li jkollhom fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-persunal tal-EUAM Ukraine, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun projbita mil-liġi jew suġġetta għar-regolamenti dwar il-kwarantina tal-Istat Ospitanti. L-ispezzjoni ta' dawn il-bagalji personali għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-membri tal-persunal tal-EUAM Ukraine kkonċernati jew ta' rappreżentant awtorizzat tal-EUAM Ukraine.

Artikolu 7

Persunal impjegat lokalment

Il-persunal impjegat lokalment għandu jgawdi privileġġi u immunitajiet biss sal-punt permess mill-Istat Ospitanti. Madankollu, l-Istat Ospitanti għandu jeżerċita l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b'tali mod li jevita ndħil indebitu fit-twettiq tal-funzjonijiet tal-EUAM Ukraine.

Artikolu 8

Ġurisdizzjoni kriminali

L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Mittenti, f'konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Ukraina, għandu jkollhom id-dritt li jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni kriminali u s-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi tal-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal tal-EUAM Ukraine fuq it-territorju tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 9

Sigurtà

1.   L-Istat Ospitanti, bil-mezzi tiegħu stess, għandu jiżgura s-sigurtà tal-persunal tal-EUAM Ukraine.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, l-Istat Ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà tal-EUAM Ukraine u tal-persunal tal-EUAM Ukraine. Kwalunkwe dispożizzjoni speċifika proposta mill-Istat Ospitanti għandha tiġi maqbula mal-Kap tal-Missjoni qabel ma tiġi implimentata. L-Istat Ospitanti għandu jippermetti, u jappoġġa l-attivitajiet relatati mal-evakwazzjoni medika tal-persunal tal-EUAM Ukraine.

Jekk meħtieġ, għandhom jiġu konklużi arranġamenti supplimentari kif imsemmi fl-Artikolu 18.

Artikolu 10

Uniformi

1.   Il-persunal tal-EUAM Ukraine jista' jilbes uniformi nazzjonali jew ilbies ċivili b'identifikazzjoni distintiva tal-EUAM Ukraine.

2.   L-ilbies tal-uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli maħruġa mill-Kap tal-Missjoni.

Artikolu 11

Kooperazzjoni u aċċess għall-informazzjoni

1.   L-Istat Ospitanti għandu jipprovdi kooperazzjoni u appoġġ sħiħ lill-EUAM Ukraine u lill-persunal tal-EUAM Ukraine. Fejn applikabbli, ser isir rikors għall-proċeduri previsti fil-Ftehim bejn l-Ukraina u l-Unjoni Ewropea dwar il-proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata tat-13 ta' Ġunju 2005.

Jekk ikun meħtieġ għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, għandhom jiġu konklużi l-arranġamenti supplimentari msemmija fl-Artikolu 18.

2.   Il-Kap tal-Missjoni u l-Istat Ospitanti għandhom jikkonsultaw regolarment u jieħdu miżuri adatti biex jiġi żgurat il-kollegament mill-qrib u reċiproku f'kull livell adatt. L-Istat Ospitanti jista' jaħtar uffiċjal ta' kollegament għall-EUAM Ukraine.

Artikolu 12

Appoġġ mill-istat ospitanti u għoti ta' kuntratti

1.   L-Istat Ospitanti għandu, fuq talba, jassisti lill-EUAM Ukraine fit-tfittxija għal faċilitajiet adatti.

2.   L-Istat Ospitanti għandu jipprovdi mingħajr ħlas, jekk meħtieġ u disponibbli, faċilitajiet li huma proprjetà tiegħu. EUAM Ukraine għandha tkun awtorizzata li tibni, tibdel jew b'mod ieħor timmodifika l-faċilitajiet kif meħtieġ għall-ħtiġijiet operattivi tagħha. L-Istat Ospitanti ma għandu jitlob l-ebda kumpens fir-rigward tal-bini, it-tibdil jew il-modifiki ta' dawk il-faċilitajiet.

Faċilitajiet li jkunu proprjetà ta' entitajiet privati, dment li dawn il-faċilitajiet jintalbu għat-twettiq ta' attivitajiet amministrattivi u operattivi tal-EUAM Ukraine, għandhom jiġu pprovduti abbażi ta' arranġamenti kuntrattwali adatti.

3.   Skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jassisti fit-tħejjija, l-istabbiliment u l-eżekuzzjoni tal-EUAM Ukraine u b'appoġġ għaliha, inklużi l-faċilitajiet ta' kolokazzjoni u t-tagħmir għall-esperti tal-EUAM Ukraine.

Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu konklużi arranġamenti supplimentari skont l-Artikolu 18.

4.   L-assistenza u l-appoġġ tal-Istat Ospitanti għall-EUAM Ukraine għandhom ikunu pprovduti b'tal-inqas l-istess kondizzjonijiet bħall-assistenza u l-appoġġ li huwa jagħti liċ-ċittadini tiegħu stess.

5.   L-EUAM Ukraine għandu jkollha l-kapaċità legali meħtieġa skont il-leġislazzjoni tal-Istat Ospitanti biex twettaq il-missjoni tagħha, u b'mod partikolari għall-fini li jinfetħu kontijiet bankarji u biex jinkisbu jew jitneħħew assi u biex tkun parti għal proċedimenti legali.

6.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUAM Ukraine fl-Istat Ospitanti għandha tkun determinata mid-dispożizzjonijiet rilevanti f'dawk il-kuntratti.

7.   Il-kuntratti konklużi mill-EUAM Ukraine jistgħu jistipulaw li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 15(3) u (4) għandha tapplika għal tilwim li jirriżulta mill-implimentazzjoni tal-kuntratt.

Artikolu 13

persunal deċedut tal-EUAM Ukraine

1.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkollu d-dritt li jieħu f'idejh u jagħmel arranġamenti adatti għar-ripatrijazzjoni ta' kwalunkwe membru deċedut tal-persunal tal-EUAM Ukraine, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu, u jieħu l-miżuri adatti għal din il-fini f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Ukraina.

2.   Ma għandha ssir l-ebda awtopsja fuq kwalunkwe membru deċedut tal-EUAM Ukraine mingħajr il-qbil tal-Istat ikkonċernat, u l-preżenza ta' rappreżentant tal-EUAM Ukraine u/jew ta' rappreżentant tal-Istat ikkonċernat.

3.   L-Istat Ospitanti u l-EUAM Ukraine għandhom jikkooperaw bl-aktar mod sħiħ possibbli bil-ħsieb tar-ripatrijazzjoni bikrija ta' membru deċedut tal-persunal tal-EUAM Ukraine.

Artikolu 14

Komunikazzjoni

1.   L-EUAM Ukraine tista' tinstalla u topera stazzjonijiet li jibagħtu u jirċievu sinjali tar-radju kif ukoll sistemi satellitari 'konformità mal-leġislazzjoni tal-Istat Ospitanti. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti bil-ħsieb li jiġu evitati l-konflitti fl-użu tal-frekwenzi adatti.

2.   L-EUAM Ukraine għandha tgawdi mid-dritt għal komunikazzjoni bla restrizzjonijiet bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew tal-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-fax u b'mezzi oħrajn, kif ukoll mid-dritt li tinstalla t-tagħmir meħtieġ għall-manutenzjoni ta' dawn il-mezzi ta' komunikazzjoni fil-faċilitajiet tal-EUAM Ukraine u bejniethom, inkluż it-tqegħid ta' kejbils u linji fissi, għall-fini tal-EUAM Ukraine f'konformità mal-leġislazzjoni tal-Istat Ospitanti.

3.   Fil-faċilitajiet tagħha stess l-EUAM Ukraine tista' tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex twassal il-posta indirizzata lil jew mill-EUAM Ukraine u/jew il-persunal tal-EUAM Ukraine.

Artikolu 15

Talbiet minħabba mewt, korriment, dannu u telf

1.   L-EUAM Ukraine, il-persunal tal-EUAM Ukraine, l-UE u l-Istati Mittenti ma għandhomx ikunu responsabbli għall-ebda dannu għall-proprjetà ċivili jew tal-gvern, jew telf tagħha li jkun relatat mal-ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati minn attivitajiet b'rabta ma' disturbi ċivili jew il-protezzjoni tal-EUAM Ukraine.

2.   Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, it-talbiet għad-danni ta' proprjetà ċivili jew tal-gvern, jew it-telf tagħha li ma jkunux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll it-talbiet minħabba mewt ta' persuni jew il-ħsara kkawżata lilhom u t-talbiet għal dannu ta' proprjetà tal-EUAM Ukraine jew it-telf tagħha, għandhom jiġu ppreżentati lill-EUAM Ukraine permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti, fir-rigward ta' talbiet imressqin minn persuna ġuridika jew fiżika mill-Istat Ospitanti, u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti, fir-rigward ta' talbiet imressqin mill-EUAM Ukraine.

3.   Fejn ma tkunx tista' tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għandha tintbagħat lill-kummissjoni għat-talbiet magħmula fuq bażi ugwali minn rappreżentanti tal-EUAM Ukraine u rappreżentanti tal-Istat Ospitanti. Is-soluzzjoni għat-talbiet għandha tintlaħaq bi qbil komuni.

4.   Fejn ma tkun tista' tinstab l-ebda soluzzjoni fil-kummissjoni għat-talbiet, it-tilwima għandha tiġi solvuta b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE għal talbiet ta' mhux aktar minn u li jinkludu EUR 40 000. Għat-talbiet li jeċċedu dak l-ammont, it-tilwima għandha titressaq quddiem tribunal tal-arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu vinkolanti.

5.   It-tribunal tal-arbitraġġ imsemmi fil-paragrafu 4 għandu jkun magħmul minn tliet arbitri, li wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur mill-EUAM Ukraine u t-tielet wieħed ikun maħtur b'mod konġunt mill-Istat Ospitanti u l-EUAM Ukraine. Fejn waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn jew fejn ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda qbil bejn l-Istat Ospitanti u l-EUAM Ukraine dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

6.   Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn l-EUAM Ukraine u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini ta' referenza tal-kummissjoni għat-talbiet u tat-tribunal tal-arbitraġġ, il-proċedura applikabbli f'dawn il-korpi u l-kondizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.

Artikolu 16

Kollegament u tilwim

1.   Il-kwistjonijiet kollha b'rabta mal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b'mod konġunt mir-rappreżentanti tal-EUAM Ukraine u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.

2.   Fil-każ fejn ma tinstab l-ebda soluzzjoni minn qabel, it-tilwim fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt esklużivament b'mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u rappreżentanti tal-UE.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet oħrajn

1.   Il-Gvern tal-Istat Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni u għall-osservanza mill-awtoritajiet lokali kompetenti Ukraini tal-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet tal-EUAM Ukraine u tal-persunal tal-EUAM Ukraine kif previsti f'dan il-Ftehim.

2.   Xejn f'dan il-Ftehim ma huwa intenzjonat jew għandu jiftiehem li jikkostitwixxi deroga minn kwalunkwe dritt li jista' jkun marbut ma' Stat Membru tal-UE jew kwalunkwe Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUAM Ukraine taħt ftehimiet oħrajn.

Artikolu 18

Arranġamenti ta' implimentazzjoni

Għall-fini tal-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta' arranġamenti separati li għandhom jiġu konklużi bejn il-Kap tal-Missjoni u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-wasla, permezz ta' kanali diplomatiċi, tal-aħħar notifika bil-miktub dwar it-twettiq mill-Partijiet tal-proċeduri interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim u għandu jibqa' fis-seħħ sad-data tat-tluq tal-aħħar membru tal-persunal tal-EUAM Ukraine, kif notifikat mill-EUAM Ukraine.

2.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat jew mitmum abbażi ta' ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

3.   It-terminazzjoni ta' dan il-Ftehim ma għandhiex taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta' dan il-Ftehim qabel tali terminazzjoni.

Magħmul fi Brussell, fis-sbatax il-jum ta' Novembru fis-sena elfejn u erbatax bil-lingwa Ingliża u bil-lingwa Ukraina, iż-żewġ testi ugwalment awtentiċi.

Għall-Unjoni Ewropea

Image

Għall-Ukraina

Image