19.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/50


DEĊIŻJONI Nru 5/2013 TAL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE

tas-7 ta’ Novembru 2013

dwar l-Istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA)

(2013/667/UE)

IL-KUMITAT TAL-AMBAXXATURI AKP-UE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussembrugu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) u emendat għat-tieni darba f’Ougadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (“il-Ftehim AKP-UE”), u b’mod partikolari l-Artikoli 3(5) u (6) tal-Anness III tiegħu,

Billi:

(1)

It-tieni reviżjoni tal-Ftehim AKP-UE, emendat l-Anness III tiegħu biex tirrevedi missjoni mogħtija liċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) u biex tiġi ċċarata u msaħħa l-governanza ta’ dan l-organiżmu, b’mod partikolari s-superviżjoni mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi u r-responsabbiltajiet tal-Bord Eżekuttiv.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 2/2010 tal-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE (4) tipprovdi għall-applikazzjoni temporanja tat-tieni emendament tal-Ftehim AKP-UE mill-31 ta’ Ottubru 2010.

(3)

Bħala konsegwenza l-istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “iċ-Ċentru”) għandhom jiġu emendati kif xieraq.

(4)

Skont l-Artikolu 3(5) tal-Anness III tal-Ftehim AKP-UE, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jistabbilixxi l-istatuti taċ-Ċentru. Huwa xieraq għalhekk li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi jadotta Deċiżjoni għal dak il-għan,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu uniku

L-istatuti taċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) annessi ma’ din id-deċiżjoni huma b’dan adottati.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati tal-AKP, għandhom jintrabtu, sa fejn ikun jikkonċernahom rispettivament, li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kumitat tal-Ambaxxaturi AKP-UE

Il-President

R. KAROBLIS


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).

(3)  Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

(4)  Deċiżjoni Nru 2/2010 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tal-21 ta’ Ġunju 2010 dwar miżuri tranżitorji applikabbli mid-data tal-iffirmar sad-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li jemenda għat-tieni darba l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 68).


ANNESS

STATUTI TAĊ-ĊENTRU TEKNIKU TA’ KOOPERAZZJONI AGRIKOLA U RURALI (ĊTA)

Artikolu 1

Suġġett

1.   Iċ-Ċentru Tekniku ta’ Kooperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA) (minn issa “iċ-Ċentru”), fis-sens tat-tifsira tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku fuq naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (1), kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) u emendat għat-tieni darba f’Ougagougou fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim AKP-UE”), għandu jkun korp tekniku konġunt AKP-UE. Għandu jkollu personalità ġuridika u għandu jgawdi fl-Istati kollha parti għall-Ftehim AKP-UE il-kapaċità legali l-aktar estensiva mogħtija lill-entitajiet legali tal-istess tip skont il-liġijiet tagħhom.

2.   Il-persunal taċ-Ċentru għandhom igawdu l-privileġġi ta’ konswetudni, immunitajiet u faċilitajiet li hemm provduti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1 tal-Protokoll 2 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u msemmi fid-Dikjarazzjonijiet VI u VII annessi mal-Ftehim AKP-UE.

3.   Iċ-Ċentru għandu jkun korp li ma jaħdimx għall-profitt.

4.   Il-kwartieri taċ-Ċentru għandu provviżorjament ikun f’Wageningen (il-Pajjiżi Baxxi), b’uffiċċju lokali fi Brussell.

Artikolu 2

Prinċipji u għanijiet

1.   Iċ-Ċentru għandu jaġixxi b’konformità mad-dispożizzjonijiet u l-objettivi tal-Ftehim AKP-UE. Huwa għandu jsegwi l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Cotonou taħt is-superviżjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi.

2.   Iċ-Ċentru għandu jelabora d-dettalji ta’ dawn l-għanijiet f’karta ta’ strateġija globali.

3.   Iċ-Ċentru għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet u korpi oħra msemmija fil-Ftehim AKP-UE jew fid-dikjarazzjonijiet annessi. Iċ-Ċentru jista’, fejn meħtieġ, jitlob lil istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali, b’mod partikolari dawk li jinsabu fl-Unjoni Ewropea jew l-Istati tal-AKP u li jitrattaw kwistjonijiet dwar tratturi għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

Artikolu 3

Finanzjament

1.   Il-baġit taċ-Ċentru għandu jkun iffinanzjat skont ir-regoli stabbiliti fil-Ftehim AKP-UE fir-rigward tal-kooperazzjoni għal żvilupp finanzjarju.

2.   Il-baġit taċ-Ċentru jista’ jirċievi riżorsi addizzjonali minn partijiet oħra għall-finijiet li jikseb l-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim AKP-UE u l-implimentazzjoni tal-istrateġija mfassla miċ-Ċentru.

Artikolu 4

Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi

1.   Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu jkun l-awtorità superviżorja taċ-Ċentru skont l-Artikolu 3(5) tal-Anness III tal-Ftehim AKP-UE. Huwa jaħtar il-membri tal-Bord Eżekuttiv u d-Direttur taċ-Ċentru bi proposta mill-Bord Eżekuttiv. Huwa għandu jissorvelja l-istrateġija kumplessiva taċ-Ċentru u jissorvelja x-xogħol tal-Bord Eżekuttiv.

2.   Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu jagħti kwittanza lid-Direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit. Sabiex tingħata l-kwittanza, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu jirċievi rakkomandazzjoni mill-Bord Eżekuttiv ibbażata fuq l-eżami tar-rapporti finanzjarji annwali u l-opinjoni espressa mill-Awditur, flimkien mat-tweġibiet mogħtija mid-Direttur.

3.   Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jista’ jeżamina u jibdel fi kwalunkwe ħin id-deċiżjonijiet meħuda miċ-Ċentru. Huwa għandu jkun infurmat regolarment mill-Bord Eżekuttiv, u, fuq talba tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi, ukoll mid-Direttur taċ-Ċentru.

Artikolu 5

Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jiġi stabbilit biex jappoġġa, jissorvelja u jikkontrolla l-aspetti tekniċi, amministrattivi u finanzjarji kollha tal-attivitajiet taċ-Ċentru.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun kompost, fuq bażi ta’ parità minn sitt membri fit-totalità, tliet ċittadini tal-AKP u tliet ċittadini tal-Unjoni Ewropea, li huma magħżula mill-Partijiet għall-Ftehim AKP-UE u appuntati mill-Kumitat għall-Ambaxxaturi, fuq il-bażi tal-kwalifiki professjonali tagħhom fl-oqsma tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali u/jew politiċi tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ix-xjenza, il-ġestjoni u t-teknoloġija.

3.   Sabiex tiġi żgurata t-tkomplija operazzjonali tal-Bord Eżekuttiv, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandu jieħu l-impenn li ma jissostitwixxix jġeddidx il-membri kollha tal-Bord Eżekuttiv fl-istess sena kalendarja.

4.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jinħatru mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi skont il-proċeduri stabbiliti mill-Kumitat għal perjodu sa ħames snin, soġġett għal reviżjoni ta’ nofs it-terminu.

5.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkollu tal-anqas tliet laqgħat ordinarji fis-sena. Huwa jista’ wkoll ikollu laqgħa straordinarja kull meta jkun meħtieġ sabiex iwettaq id-doveri tiegħu, fuq it-talba tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi jew fuq it-talba tal-President tal-Bord jew fuq it-talba tad-Direttur. Iċ-Ċentru għandu jaġixxi bħala s-segretarjat tal-Bord Eżekuttiv.

6.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’mod indipendenti, ma għandhomx ifittxu jew jieħdu l-ebda struzzjoni minn partijiet terzi u għandhom jaġixxu biss fl-interessi taċ-Ċentru. Il-pożizzjoni ta’ membru tal-Bord Eżekuttiv għandha tkun inkompatibbli ma’ kwalunkwe attività oħra remunerata miċ-Ċentru.

7.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jeleġġu l-President u Viċi-President minn fosthom għal perjodu mhux itwal minn ħames snin skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Il-pożizzjoni tal-President għandha timtela minn ċittadin tal-parti (AKP jew l-Unjoni Ewropea) li ma jkollhiex il-kariga tad-Direttur taċ-Ċentru. Il-kariga ta’ Viċi President għandha timtela minn ċittadin mill-parti li ma jkollhiex il-kariga tal-President.

8.   Għal-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv għandhom jattendu osservaturi mill-Kummissjoni Ewropea, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat tal-Istati AKP.

9.   Il-Bord Eżekuttiv jista’ jistieden membri oħra mill-amministrazzjoni u mill-persunal taċ-Ċentru u/jew esperti esterni biex jagħtu pariri dwar kwistjonijiet speċifiċi.

10.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b’maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti jew rappreżentati, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tiegħu. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed. Fl-eventwalità ta’ voti indaqs, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

11.   Il-minuti għandhom jitħejjew wara kull laqgħa. Id-diskussjonijiet tal-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu kunfidenzjali.

12.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess u għandu jissottomettihom lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi għal skop ta’ informazzjoni.

Artikolu 6

Kompiti tal-Bord Eżekuttiv

1.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jissorvelja mill-qrib l-attivitajiet taċ-Ċentru. Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat tal-Ambaxxaturi.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu:

(a)

jistabbilixxi abbozz tar-regolamenti finanzjarji skont ir-regoli tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u dawn l-istatuti u għandu jippreżentahom lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi għall-approvazzjoni;

(b)

jistabbilixxi u japprova r-regolamenti tal-persunal u r-regoli tal-operazzjoni taċ-Ċentru skont ir-regoli tal-FEŻ u l-istatuti preżenti u għandu jippreżentahom quddiem il-Kumitat tal-Ambaxxaturi bħala informazzjoni;

(ċ)

jissorvelja l-attivitajiet taċ-Ċentru u jiżgura li l-missjoni u r-regoli tiegħu jkunu implimentati kif xieraq;

(d)

jadotta l-programmi ta’ ħidma annwali u pluriennali u l-baġit taċ-Ċentru u jressaqhom quddiem il-Kumitat tal-Ambaxxaturi bħala informazzjoni;

(e)

jippreżenta rapporti u evalwazzjonijiet perjodiċi tal-attivitajiet taċ-Ċentru lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi;

(f)

jadotta karta ta’ strateġija kumplessiva taċ-Ċentru u jissottomettiha lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi bħala informazzjoni;

(g)

japprova l-istruttura organizzattiva, politika tal-persunal u l-organigramma taċ-Ċentru;

(h)

jivvaluta l-prestazzjoni u l-pjan ta’ ħidma tad-Direttur fuq bażi annwali u jippreżenta rapport f’dak ir-rigward lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi;

(i)

japprova r-reklutaġġ ta’ persunal ġdid u t-tiġdid, estensjoni jew terminazzjoni ta’ kuntratti tal-persunal eżistenti;

(j)

japprova r-rapporti finanzjarji annwali, abbażi tal-eżami tar-rapport tal-awditjar;

(k)

jibgħat ir-rapporti finanzjarji annwali u r-rapport tal-awditjar, flimkien ma’ rakkomandazzjoni għall-attenzjoni tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi, bil-ħsieb li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit lid-Direttur;

(l)

japprova r-rapporti annwali u jibgħathom lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi għall-verifika li l-attivitajiet taċ-Ċentru huma konsistenti mal-għanijiet stabbiliti mill-Ftehim AKP-UE u l-istrateġija ġenerali tal-karta taċ-Ċentru;

(m)

jipproponi l-ħatra tad-Direttur taċ-Ċentru lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi;

(n)

jekk ikun meħtieġ, jipproponi, permezz ta’ proposta raġunata kif mistħoqq, wara li jeżawrixxi r-rikonċiljazzjoni u r-rimedji kollha u b’rispett għad-dritt ta’ smigħ, li l-Kumitat tal-Ambaxxaturi jkeċċi lid-Direttur.

(o)

jipproponi lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi l-estensjoni tal-mandat tad-Direttur għat-tieni u l-aħħar mandat abbażi ta’ evalwazzjoni sfiqa tal-prestazzjoni tiegħu/tagħha matul l-ewwel mandat;

(p)

jirrapporta lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi dwar kwalunkwe kwistjonijiet importanti li jinqalgħu matul il-qadi ta’ dmirijietu; u

(q)

jirrapporta lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi dwar il-miżuri meħuda fid-dawl tal-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi li jakkumpanjaw id-deċiżjoni ta’ kwittanza tiegħu.

3.   Wara proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħżel, mill-inqas fost tliet offerti, kumpanija ta’ awdituri għal perjodu ta’ tliet snin. Tali kumpanija għandha tkun membru ta’ korp superviżorju rikonoxxut internazzjonalment. L-awdituri magħżula għandhom jeżaminaw jekk id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali ġewx imfassla tajjeb u skont Standards Internazzjonali tal-Kontabilità, u jagħtu stampa vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja taċ-Ċentru. L-awdituri għandhom ukoll jikkummentaw dwar kemm hi soda l-ġestjoni finanzjarja taċ-Ċentru.

4.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jirrakkomanda lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi jagħti l-kwittanza lid-Direttur fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit wara l-verifika tar-rapporti finanzjarji annwali taċ-Ċentru.

Artikolu 7

Direttur

1.   Iċ-Ċentru għandu jkun immexxi minn Direttur maħtur mill-Kumitat tal-Ambaxxaturi bi proposta mill-Bord Eżekuttiv għal perjodu mhux itwal minn ħames snin. Il-Kopresidenti tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi għandhom jiffirmaw l-ittra tal-ħatra tad-Direttur. Fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Bord Eżekuttiv abbażi ta’ prestazzjoni eċċellenti, il-Kumitat tal-Ambaxxaturi jista’ taħt ċirkostanzi eċċezzjonali jġedded il-ħatra tad-Direttur għal perijodu massimu ta’ ħames snin. M’għandha tkun possibbli l-ebda estensjoni lil hinn minn dan il-perijodu. L-approvazzjoni tat-tieni u l-aħħar mandat għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni sfiqa, abbażi ta’ kriterji ta’ prestazzjoni verifikabbli ppreżentati lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi mill-Bord Eżekuttiv.

2.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli mir-rappreżentanza legali u istituzzjonali taċ-Ċentru u għall-eżekuzzjoni tal-mandat u l-kompiti taċ-Ċentru.

3.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli biex jissottometti lill-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni:

(a)

karta tal-istrateġija kumplessiva taċ-Ċentru;

(b)

l-attività annwali u pluriennali/programmi ta’ ħidma;

(ċ)

il-baġit annwali taċ-Ċentru;

(d)

ir-rapport annwali, ir-rappurtar perjodiku u l-evalwazzjoni;

(e)

l-istruttura organizzattiva, il-politika tal-persunal u l-organigramma taċ-Ċentru; u

(f)

ir-reklutaġġ ta’ membri tal-persunal ġodda u t-tiġdid, estensjoni jew terminazzjoni tal-kuntratti tal-membri tal-persunal eżistenti.

4.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli mill-organizzazzjoni u l-immaniġġar ta’ kuljum taċ-Ċentru. Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv dwar kwalunkwe miżura implimentattiva tar-regoli tat-tħaddim taċ-Ċentru.

5.   Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv dwar kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tinqala’ fl-eżerċizzju ta’ dmirijietu/ha, u, meta meħtieġ, għandu jinforma lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi b’dan.

6.   Id-Direttur għandu jippreżenta l-pjan tal-ġestjoni tal-ħidma annwali tiegħu/tagħha u jirrapporta dwar il-kisbiet tal-Bord Eżekuttiv għall-valutazzjoni u t-trasmissjoni sussegwenti lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi.

7.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli biex jippreżenta r-rapporti finanzjarji annwali lill-Bord Eżekuttiv għall-approvazzjoni u t-trasmissjoni lill-Kumitat tal-Ambaxxaturi.

8.   Id-Direttur għandu jieħu l-passi kollha xierqa biex jaġixxi fuq l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tal-Ambaxxaturi, li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tal-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit.


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).

(3)  Ftehim li jemenda għat-tieni darba il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif emendat għall-ewwel darba fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).