26.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 173/67 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2013 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE
tas-7 ta' Ġunju 2013
li tadotta protokoll dwar il-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020 taħt il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,
(2013/321/UE)
IL-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-AKP-UE
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) kif emendat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (2) u f’Ouagadougo u fit-22 ta’ Ġunju 2010 (3) (‘il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE"), u partikolarment l-Artikolu 95(2) u 100 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha flimkien mal-Istati tal-AKP wettqu reviżjoni tal-prestazzjoni, skont l-Artikolu 7 għall-Anness Ib tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, li fost l-oħrajn tivvaluta l-grad ta’ twettiq tal-impenji u l-iżborżamenti. |
(2) |
L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha qablu li jistabbilixxu l-mekkaniżmu ta’ finanzjament, jiġifieri, il-11-il FEŻ, il-perjodu eżatt li għandu jiġi kopert (2014-2020), u l-ammont ta’ fondi li għandhom jiġu allokati għal dan il-mekkaniżmu. |
(3) |
Il-protokoll li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014-2020 għandu jiddaħħal fil-Ftehim bħala Anness Ic. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Anness għal din id-Deċiżjoni għandu jiġi adottat bħala Anness Iċ ġdid għall-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000, kif rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 u f’Ouagadougou fit-22 ta’ Ġunju 2010.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ġunju 2013.
Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE
Il-President
P. T. C. SKELEMANI
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif rettifikat permezz ta' ĠU L 385,29.12.2004, p. 88.
(2) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27.
ANNESS
L-Anness li ġej għandu jiddaħħal fil-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE:
"ANNESS Ic
Qafas finanzjarju multiannwali għall-perjodu 2014 - 2020
1. |
Għall-finijiet stabbiliti f’dan il-Ftehim u għal perjodu li jibda mill-1 ta’ Jannar 2014, l-ammont globali ta’ assistenza finanzjarja disponibbli għall-Istati tal-AKP fi ħdan dan il-qafas finanzjarju multiannwali għandu jkun ta’ EUR 31 589 miljun, kif speċifikat fil-punti 2 u 3. |
2. |
L-ammont ta’ EUR 29 089 miljun taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni mad-dħul fis-seħħ tal-qafas finanzjarju multiannwali. Dan l-ammont għandu jiġi allokat bejn l-istrumenti ta’ kooperazzjoni kif ġej:
|
3. |
L-operazzjonijiet iffinanzjati permezz tal-Faċilità ta’ Investiment, inklużi s-sussidji għar-rata ta’ imgħax korrispondenti, għandhom jiġu amministrati mill-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI). Ammont sa EUR 2 500 miljun flimkien mal-fondi disponibbli mill-11-il FEŻ għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni mill-BEI fil-forma ta’ self mir-riżorsi proprji. Dawn ir-riżorsi għandhom jingħataw għall-finijiet stabbiliti fl-Anness II ta’ dan il-Ftehim, b’konformità mal-kundizzjonijiet previsti fl-istatuti tal-BEI u mad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-termini u l-kundizzjonijiet għall-finanzjament tal-investimenti ta’ dak l-Anness. Ir-riżorsi finanzjarji l-oħrajn kollha ta’ dan il-qafas finanzjarju multiannwali għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni. |
4. |
Wara l-31 ta’ Diċembru 2013 jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-qafas finanzjarju multiannwali, liema waħda minn dawn id-dati tkun l-aktar tard, il-bilanċi mill-għaxar (10) FEŻ jew minn FEŻ preċedenti u fondi diżimpenjati minn proġetti taħt dawn l-FEŻ, m’għandhomx ikunu impenjati aktar, sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma jiddeċidix mod ieħor b’unanimità, bl-eċċezzjoni tal-bilanċi li jifdal u r-rimborżi tal-ammonti allokati għall-finanzjament tal-Faċilità ta’ Investiment, esklużi s-sussidji tar-rata ta’ imgħax relatati, u l-bilanċi li jifdal mis-sistema mmirata biex tiggarantixxi l-istabbiltà tad-dħul mill-esportazzjoni ta’ prodotti bażiċi agrikoli (STABEX - Système de Stabilisation des Recettes d'Exportation) skont il-FEŻ qabel id-disa’ (9) FEŻ. |
5. |
L-ammont globali ta’ dan il-qafas finanzjarju multiannwali għandu jkopri l-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-fondi tal-11-il FEŻ, u fil-każ tal-Faċilità ta’ Investiment, il-fondi li ġejjin minn fluss mill-ġdid, m’għandhomx jiġu impenjati aktar wara l-31 ta’ Diċembru 2020, sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma jiddeċidix mod ieħor b’unanimità, fuq proposta mill-Kummissjoni. Madanakollu, il-fondi sottoskritti mill-Istati Membri taħt id-9, l-10 u l-11 FEŻ għall-finanzjament tal-Faċilitajiet tal-Investiment għandhom ikunu disponibbli wara l-31 ta’ Diċembru 2020 għall-iżburżament. |
6. |
Il-Kumitat tal-Ambaxxaturi, f’isem il-Kunsill tal-Ministri tal-AKP-UE, jista’ jieħu l-miżuri xierqa, fil-limiti tal-ammont globali tal-qafas finanzjarju multiannwali, sabiex jilħaq ir-rekwiżiti ta’ programmazzjoni taħt waħda mill-allokazzjonijiet previsti fil-punt 2, inkluż it-tqassim mill-ġdid ta’ fondi bejn dawn l-allokazzjonijiet. |
7. |
Fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-Partijiet, huma jistgħu jiddeċiedu li jwettqu evalwazzjoni tal-prestazzjoni, f'mument miftiehem b'mod reċiproku, li tivvaluta l-grad ta’ twettiq tal-impenji u l-iżborżamenti, kif ukoll ir-riżultati u l-impatt tal-għajnuna mogħtija. Din ir-reviżjoni titwettaq fuq il-bażi ta’ proposta mħejjija mill-Kummissjoni. Din tista' tikkontribwixxi għan-negozjati previsti fl-Artikolu 95(4) ta' dan il-Ftehim. |
8. |
Kull Stat Membru jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni jew lill-BEI b’kontribuzzjonijiet volontarji biex jappoġġja l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. L-Istati Membri jistgħu wkoll jikkofinanzjaw proġetti jew programmi, pereżempju fil-qafas ta’ inizjattivi speċifiċi li għandhom ikunu amministrati mill-Kummissjoni jew l-BEI. Għandha tiġi garantita l-appartenenza AKP fuq il-livell nazzjonali ta' tali inizjattivi.” |