31.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/13


FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Armenja dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni

IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Unjoni”,

u

IR-REPUBBLIKA TAL-ARMENJA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Armenja”,

DETERMINATI li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom sabiex jikkumbattu l-immigrazzjoni illegali b’mod aktar effettiv,

JIXTIEQU li jistabbilixxu, permezz ta’ dan il-Ftehim u fuq bażi ta’ reċiproċità, proċeduri rapidi u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn sikur u ordinat ta’ persuni li ma jissodisfawx, jew li ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet ta’ dħul, preżenza jew residenza, fit-territorju tal-Armenja jew wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ dawn il-persuni bi spirtu ta’ kooperazzjoni,

JENFASIZZAW li dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Armenja li jirriżultaw mil-liġi internazzjonali u, b’mod partikolari, mill-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati kif emendata mill-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967, u mill-Konvenzjoni tal-4 ta’ Novembru 1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

IQISU li taħt il-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem f’dan il-Ftehim sakemm ma jinnotifikawx ix-xewqa tagħhom għal dak l-effett taħt dak il-Protokoll,

IQISU li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, li jaqa’ fl-ambitu tat-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka, taħt il-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tar-Renju tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Partijiet Kontraenti” tfisser l-Armenja u l-Unjoni;

(b)

“Ċittadin tal-Armenja” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha ċ-ċittadinanza tal-Armenja taħt il-leġiżlazzjoni tar-Repubblika tal-Armenja;

(c)

“Ċittadin ta’ Stat Membru” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha ċ-ċittadinanza, kif definita għall-finijet tal-Unjoni, ta’ Stat Membru;

(d)

“Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea marbut b’dan il-Ftehim;

(e)

“Ċittadin ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe persuna li jkollha ċittadinanza li ma tkunx dik tal-Armenja jew ta’ wieħed mill-Istati Membri;

(f)

“Persuna apolida” tfisser kwalunkwe persuna li ma jkollhiex ċittadinanza;

(g)

“Permess ta’ residenza” tfisser permess uffiċjali ta’ kwalunkwe tip maħruġ mill-Armenja jew minn wieħed mill-Istati Membri li jintitola lil persuna għal residenza fit-territorju tiegħu. Dan ma jinkludix permessi temporanji biex il-persuna tibqa’ fit-territorju tal-Istati msemmija b’rabta mal-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal asil jew applikazzjoni għal permess ta’ residenza;

(h)

“Viża” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa jew deċiżjoni meħuda mill-Armenja jew minn wieħed mill-Istati Membri li hija meħtieġa għad-dħul, jew għat-tranżitu, fit-territorju tiegħu. Dan ma jinkludix il-viża ta’ tranżitu tal-ajruport;

(i)

“Stat Rikjedenti” tfisser l-Istat (l-Armenja jew wieħed mill-Istati Membri) li jissottometti applikazzjoni għar-riammissjoni taħt l-Artikolu 8 jew applikazzjoni ta’ tranżitu taħt l-Artikolu 15 ta’ dan il-Ftehim;

(j)

“Stat Rikjest” tfisser l-Istat (l-Armenja jew wieħed mill-Istati Membri) indirizzat b’applikazzjoni għal riammissjoni taħt l-Artikolu 8 jew applikazzjoni għal tranżitu taħt l-Artikolu 15 ta’ dan il-Ftehim;

(k)

“Awtorità kompetenti” tfisser kull awtorità nazzjonali tal-Armenja jew ta’ wieħed mill-Istati Membri li għandha l-inkarigu li timplimenta dan il-Ftehim taħt l-Artikolu 20(1)(a) tiegħu;

(l)

“Tranżitu” tfisser il-passaġġ ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida mit-territorju tal-Istat Rikjest meta jkun qed jivvjaġġa mill-Istat Rikjedenti għall-pajjiż tad-destinazzjoni;

(m)

“Reġjun tal-fruntiera” tfisser żona li testendi sa 15-il kilometru mit-territorji ta’ portijiet marittimi, inklużi żoni doganali, u mill-ajruporti internazzjonali tal-Istati Membri u tal-Armenja

Artikolu 2

Prinċipji fundamentali

Filwaqt li jsaħħu l-kooperazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari, l-Istat Rikjest u l-Istat Rikjedenti għandhom, fl-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim fil-kaz ta’ persuni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-obbligi u r-responsabbiltajiet li ġejjin minn strumenti internazzjonali relevanti applikabbli għalihom, b’ mod partikolari:

id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta’ Diċembru 1948,

il-Konvenzjoni tal-4 ta’ Novembru 1950 għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

Il-Patt Internazzjonali tas-16 ta’ Diċembru 1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

il-Konvenzjoni tan-NU tal-10 ta’ Diċembru 1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Kastig Ieħor Krudili, Inuman jew Degradanti,

il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tat-28 ta’ Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Refuġjati u l-Protokoll tal-31 ta’ Jannar 1967 dwar l-Istatus tar-Refuġjati.

L-Istat Rikjest jiżgura b’mod partikolari, f’konformità mal-obbligi tiegħu taħt l-istrumenti internazzjonali elenkati hawn fuq, il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni riammessi fit-territorju tiegħu,

L-Istat Rikjedenti għandu jagħti preferenza lir-ritorn volontarju fuq ir-ritorn furzat jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni għaliex wieħed għandu jaħseb li dan ikun se jimmina r-ritorn ta’ persuna lejn l-Istat Rikjest.

TAQSIMA I

OBBLIGAZZJONIJIET TA’ RIAMMISSJONI MILL-ARMENJA

Artikolu 3

Riammissjoni ta’ ċittadini proprji

1.   L-Armenja għandha tħalli jidħlu mill-ġdid, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr formalitajiet ulterjuri minbarra dawk provduti f’dan il-Ftehim, kull persuna li ma tkunx tissodisfa, jew ma tkunx għadha tissodisfa, il-kundizzjonijiet fis-seħħ tad-dħul, tal-preżenza jew tar-residenza fit-territorju tal-Istat Membru rikjedenti, sakemm jiġi ppruvat, jew ikun jista’ jiġi assunt b’mod validu fuq bażi ta’ evidenza prima facie li tkun ġiet ipprovduta, li huma ċittadini tal-Armenja.

2.   L-Armenja għandha tħalli jidħlu mill-ġdid ukoll lil:

ulied minorenni mhux miżżewġa tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-post tat-twelid jew taċ-ċittadinanza tagħhom, sakemm ma jkollhomx id-dritt indipendenti ta’ residenza fl-Istat Membru Rikjedenti jew għandhom permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor,

konjuġi tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom ċittadinanza oħra jew li huma apolidi, sakemm ikollhom id-dritt li jidħlu u joqogħdu jew li jirċievu d-dritt li jidħlu u joqogħdu fit-territorju tal-Armenja, sakemm ma jkollhomx dritt indipendenti ta’ residenza fl-Istat Membru Rikjedenti jew sakemm ma jkollhomx permess ta’ residenza validu maħruġ minn Stat Membru ieħor.

3.   L-Armenja għandha tħalli jidħlu mill-ġdid ukoll lil persuni li rrinunzjaw iċ-ċittadinanza tal-Armenja minn meta jkunu daħlu fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm dawn il-persuni ma ġewx għall-inqas imwiegħda n-naturalizzazzjoni minn dak l-Istat Membru.

4.   Wara li l-Armenja tkun tat tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni ta’ riammissjoni, ir-rappreżentazzjoni diplomatika jew konsulari tal-Armenja għandha, irrispettivament mir-rieda tal-persuna li għandha tiġi riammessa, immedjatament, bla ħlas u mhux aktar tard minn tlett ijiem ta’ xogħol, toħroġ dokument tal-ivvjaġġar b’validità ta’ 120 jum li jkun meħtieġ għar-ritorn tal-persuna li għandha tiġi riammessa. Jekk l-Armenja ma tkunx ħarġet id-dokument tal-ivvjaġġar fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, hija għandha titqies li tkun aċċettat l-użu tad-dokument standard tal-ivvjaġġar tal-UE għall-finijiet ta’ tkeċċija (1).

5.   Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista tiġi ttrasferita fi żmien il-perjodu ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar maħruġ inizjalment, ir-rappreżentazzjoni kompetenti diplomatika jew konsulari kompetenti tal-Armenja għandha toħroġ dokument tal-ivvjaġġar ġdid bl-istess tul ta’ żmien bħala perjodu ta’ validità fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol. Jekk l-Armenja ma tkunx ħarġet id-dokument tal-ivvjaġġar ġdid fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, hija titqies li tkun aċċettat l-użu tad-dokument standard tal-ivvjaġġar tal-UE għall-finijiet ta’ tkeċċija (2).

Artikolu 4

Riammissjoni ta’ ċttadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi

1.   L-Armenja għandha tħalli jidħlu mill-ġdid, wara applikazzjoni minn Stat Membru u mingħajr formalitajiet ulterjuri ħlief dawk provduti f’dan il-Ftehim, iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiż terz jew persuni apolidi li ma jissodisfawx, jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dħul, il-preżenza jew ir-residenza fit-territorju tal-Istat Membru Rikjedenti sakemm jiġi ppruvat, jew ikun jista’ jiġi assunt b’mod validu fuq bażi ta’ evidenza prima facie li tkun ġiet ipprovduta, li dawn il-persuni:

(a)

ikollhom fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni għal riammissjoni viża valida jew permess ta’ residenza maħruġa mill-Armenja; jew

(b)

ikunu daħlu illegalment u direttament fit-territorju tal-Istati Membri wara li jkunu qagħdu fi, jew għamlu tranżitu mit-territorju tal-Armenja.

2.   L-obbligu ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 ma japplikax jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida kienet biss fi tranżitu bl-ajru minn ajruport internazzjonali tal-Armenja.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2), wara li l-Armenja tkun tat tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni ta’ riammissjoni, l-Istat Membru Rikjedenti joħroġ id-dokument tal-ivvjaġġar standard tal-UE lill-persuna li r-riammissjoni tagħha tkun ġiet aċċettata għall-iskopijiet ta’ tkeċċija (3).

TAQSIMA II

OBBLIGI TA’ RIAMMISSJONI MILL-UNJONI

Artikolu 5

Riammissjoni ta’ ċittadini proprji

1.   Stat Membru għandu jħalli jidħlu mill-ġdid, wara applikazzjoni mill-Armenja u mingħajr formalitajiet ulterjuri ħlief dawk provduti f’dan il-Ftehim, kull persuna li ma tissodisfax jew ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Armenja sakemm jiġi ppruvat, jew ikun jista’ jiġi assunt b’mod validu fuq bażi ta’ evidenza prima facie li tkun ġiet ipprovduta, li hija ċittadin ta’ dak l-Istat Membru.

2.   Stat Membru għandu jħalli jidħlu mill-ġdid ukoll lil:

ulied minorenni mhux miżżewġa tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, irrispettivament mill-post tat-twelid jew taċ-ċittadinanza tagħhom, sakemm ma jkollhomx dritt indipendenti ta’ residenza fl-Armenja;

konjuġi tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, li għandhom ċittadinanza oħra jew huma apolidi, sakemm ikollhom id-dritt li jidħlu u joqogħdu jew jirċievu d-dritt li jidħlu u joqogħdu fit-territorju tal-Armenja, sakemm ma jkollhomx dritt indipendenti ta’ residenza fl-Armenja;

3.   Stat Membru għandu jħalli jidħlu mill-ġdid ukoll lil persuni li jkunu rrinunzjaw iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru minn meta jkunu daħlu fit-territorju tal-Armenja, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ġew għall-inqas imwiegħda n-naturalizzazzjoni mill-Armenja.

4.   Wara li l-Istat Membru Rikjest ikun ta tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni ta’ riammissjoni, ir-rappreżentazzjoni diplomatika jew konsulari kompetenti ta’ dak l-Istat Membru għandha, irrispettivament mir-rieda tal-persuna li tkun riammessa, immedjatament, bla ħlas u fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, joħorġu d-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-ritorn tal-persuna li għandha tiġi riammessa, b’validità ta’ 120 jum.

5.   Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna kkonċernata ma tkunx tista tiġi ttrasferita fi żmien il-perjodu ta’ validità tad-dokument tal-ivvjaġġar maħruġ inizjalment, ir-rappreżentazzjoni diplomatika jew konsulari kompetenti tal-Istat Membru għandha, fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol u bla ħlas, toħroġ dokument tal-ivvjaġġar ġdid bl-istess tul ta’ żmien bħala perjodu ta’ validità.

Artikolu 6

Riammissjoni ta’ ċttadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi

1.   Stat Membru għandu jħalli jidħlu mill-ġdid, wara applikazzjoni mill-Armenja u mingħajr formalitajiet ulterjuri minbarra dawk provduti f’dan l-Ftehim, kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li ma tissodisfax jew ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet fis-seħħ tad-dħul, preżenza jew residenza fit-territorju tal-Armenja sakemm jiġi ppruvat, jew ikun jista’ jiġi assunt b’mod validu fuq bażi ta’ evidenza prima facie li tkun ġiet ipprovduta, li dawn il-persuni:

(a)

ikollhom, fiż-żmien tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni ta’ riammissjoni, viża valida jew permess tar-residenza maħruġa mill-Istat Membru Rikjest; jew

(b)

ikunu daħlu illegalment u direttament fit-territorju tal-Armenja wara soġġorn jew tranżitu fit-territorju tal-Istat Membru Rikjest.

2.   L-obbligu ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 ma japplikax jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna apolida kienet biss fi tranżitu bl-ajru minn ajruport internazzjonali tal-Istat Membru Rikjest.

3.   L-obbligu ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 għandu jkun għall-Istat Membru li jkun ħareġ viża jew permess ta’ residenza. Jekk żewġ Stati Membri jew aktar ikunu ħarġu viża jew permess ta’ residenza, l-obbligu ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 jaqa’ fuq l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument b’perjodu ta’ validità itwal jew, jekk wieħed jew bosta jkunu diġà skadew, id-dokument li jkun għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha jkunu diġà skadew, l-obbligu ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 għandu jaqa’ fuq l-Istat Membru li jkun ħareġ id-dokument bl-iżjed data ta’ skadenza riċenti. Jekk dawk id-dokumenti ma jkunux jistgħu jiġu ppreżentati, l-obbligu ta’ riammissjoni fil-paragrafu 1 għandu jaqa’ fuq l-Istat Membru tal-aħħar ħruġ.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2), wara li l-Istat Membru jkun ta tweġiba pożittiva għall-applikazzjoni tar-riammissjoni, l-Armenja għandha tipprovdi lill-persuna li r-riammissjoni tagħha tkun ġiet aċċettata bid-dokument tal-ivvjaġġar meħtieġ għar-ritorn tagħha.

TAQSIMA III

PROĊEDURA TA’ RIAMMISSJONI

Artikolu 7

Prinċipji

1.   Suġġett għall-paragrafu 2, kwalunkwe trasferiment ta’ persuna li għandha tiġi riammessa fuq il-bażi ta’ wieħed mill-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 3 sa 6 għandu jkun jeħtieġ is-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għar-riammissjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Rikjest.

2.   Jekk il-persuna li tkun se tiġi riammessa jkollha dokument tal-ivvjaġġar validu jew karta tal-identità u, fil-każ ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi, viża valida jew permess ta’ residenza tal-Istat Rikjest, it-trasferiment ta’ dik il-persuna jista’ jsir mingħajr il-ħtieġa li l-Istat Rikjest jissottometti applikazzjoni għal riammissjoni jew komunikazzjoni bil-miktub taħt l-Artikolu 12(1) lill-awtorità kompetenti tal-Istat Rikjest.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, jekk persuna tinqabad fir-reġjun tal-fruntiera, inklużi ajruporti, tal-Istat Rikjedenti wara li tkun qasmet illegalment il-fruntiera direttament mit-territorju tal-Istat Rikjest, l-Istat Rikjedenti jista’ jissottometti applikazzjoni ta’ riammissjoni fi żmien jumejn ta’ xogħol minn meta din il-persuna tinqabad (proċedura aċċellerata).

Artikolu 8

Applikazzjoni ta’ riammissjoni

1.   Sa fejn ikun possibbli, l-applikazzjoni ta’ riammissjoni għandha jkollha fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

id-dettalji tal-persuna li tkun ser tiġi riammessa (pereżempju l-ismijiet, il-kunjomijiet, id-data tat-twelid, u – fejn possibbli – il-post tat-twelid, u l-aħħar post ta’ residenza) u, fejn applikabbli, id-dettalji tat-tfal minorenni mhux miżżewġa u/jew tal-konjuġi;

(b)

f’każ ta’ ċittadini proprji, tingħata indikazzjoni tal-mezzi li bihom tkun ser tingħata prova jew evidenza prima facie taċ-ċittadinanza kif inhu stabbilit fl-Annessi 1 u 2 rispettivament;

(c)

f’każ ta’ ċittadni ta’ pajjiż terzi u ta’ persuni apolidi, tingħata indikazzjoni tal-mezzi li bihom tkun ser tingħata prova jew evidenza prima facie tal-kundizzjonijiet għar-riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi

(d)

terzi u persuni apolidi kif inhu previst fl-Annessi 3 u 4 rispettivament; ritratt tal-persuna li tkun se tiġi riammessa.

2.   Sa fejn ikun possibbli, l-applikazzjoni ta’ riammissjoni għandha jkollha fiha wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a)

dikjarazzjoni li tindika li l-persuna li tkun se tiġi ttrasferita jista’ jkollha bżonn għajnuna jew kura, sakemm il-persuna kkonċernata tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha għal din l-istqarrija;

(b)

kull miżura oħra ta’ protezzjoni jew sigurtà, jew informazzjoni dwar is-saħħa tal-persuna, li tista’ tkun meħtieġa fil-każ individwali ta’ trasferiment.

3.   Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet ta’ riammissjoni hija mehmuża bħala l-Anness 5 ta’ dan il-Ftehim.

4.   Aplikazzjoni ta’ riammissjoni tista’ tiġi sottomessa bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, inklużi dawk elettroniċi.

Artikolu 9

Mezzi ta’ evidenza dwar iċ-ċittadinanza

1.   Il-prova dwar iċ-ċittadinanza taħt l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) tista’ tiġi pprovduta b’mod partikolari permezz tad-dokumenti elenkati fl-Anness 1 ta’ dan il-Ftehim, inklużi dokumenti li l-validità tagħhom tkun skadiet b’massimu ta’ 6 xhur. Jekk tali dokumenti jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Armenja għandhom jirrikonoxxu b’mod reċiproku ċ-ċittadinanza mingħajr ħtieġa ta’ investigazzjoni ulterjuri. Il-prova taċ-ċittadinanza ma tistax tingħata permezz ta’ dokumenti foloz.

2.   Tista’ tiġi pprovduta evidenza prima facie taċ-ċittadinanza taħt l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) b’mod partikolari permezz tad-dokumenti elenkati fl-Anness 2 ta’ dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu ta’ validità tagħhom ikun skada. Jekk tali dokumenti jkunu ppreżentati, l-Istati Membri u l-Armenja għandhom iqisu li ċ-ċittadinanza ġiet stabbilita, sakemm ma jkunux jistgħu jippruvaw mod ieħor. L-evidenza prima facie taċ-ċittadinanza ma tistax tiġi pprovduta permezz ta’ dokumenti foloz.

3.   Jekk l-ebda mid-dokumenti elenkati fl-Annessi 1 jew 2 ma jistgħu jiġu ppreżentati, ir-rappreżentazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari kompetenti tal-Istat Rikjest ikkonċernat, fuq talba mill-Istat Rikjedenti li għandu jiġi inkluż fl-applikazzjoni ta’ riammissjoni, għandhom jintervistaw lill-persuna li għandha tiġi riammessa mingħajr dewmien żejjed, sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data tal-wasla tal-applikazzjoni ta’ riammissjoni taħt l-Artikolu 11(2), sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza tagħha. Il-proċedura għal dawn l-intervisti tista’ tiġi stabbilita fil-Protokolli ta’ implimentazzjoni previsti fl-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 10

Mezzi ta’ evidenza dwar ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi

1.   Il-prova dwar il-kundizzjonijiet ta’ riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi stipulati fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 6(1) għandha tiġi pprovduta b’mod partikolari permezz tal-evidenza elenkata fl-Anness 3 ta’ dan il-Ftehim; ma tistax tingħata permezz ta’ dokumenti foloz. Kwalunkwe prova bħal din għandha tkun rikonoxxuta b’mod reċiproku mill-Istati Membri u mill-Armenja mingħajr il-ħtieġa ta’ investigazzjoni ulterjuri.

2.   L-evidenza prima facie tal-kundizzjonijiet ta’ riammissjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terz u persuni apolidi stipulati fl-Artikolu 4(1) u fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata b’mod partikolari permezz tal-evidenza elenkata fl-Anness 4 ta’ dan il-Ftehim; ma tistax tingħata permezz ta’ dokumenti foloz. Jekk tiġi ppreżentata evidenza prima facie bħal din, l-Istati Membri u l-Armenja jqisu li l-kundizzjonijiet ikunu ġew stabbiliti, sakemm ma jkunux jistgħu jippruvaw mod ieħor.

3.   L-illegalità tad-dħul, tal-preżenza jew tar-residenza għandha tkun stabbilita permezz ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata fejn il-viża meħtieġa u permess ieħor ta’ residenza għat-territorju tal-Istat Rikjedenti jkunu nieqsa. Dikjarazzjoni mill-Istat Rikjedenti li l-persuna kkonċernata tkun instabet mingħajr id-dokumenti tal-ivvjaġġar, viża jew permess ta’ residenza meħtieġa għandha wkoll tkun ta’ evidenza prima facie tad-dħul, tal-preżenza jew tar-residenza illegali.

Artikolu 11

Limiti ta’ żmien

1.   L-applikazzjoni għal riammissjoni għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Istat Rikjest fi żmien massimu ta’ disa’ xhur minn meta l-awtorità kompetenti tal-Istat Rikjest issir taf li ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ma tissodisfax, jew ma għadhiex tissodisfa, il-kundizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, għall-preżenza jew għar-residenza. Jekk ikun hemm ostakli legali jew fattwali għas-sottomissjoni fil-ħin tal-applikazzjoni, il-limitu ta’ żmien, fuq talba tal-Istat Rikjedenti, għandu jiġi estiż iżda biss sakemm l-ostakli ma jkunux għadhom fis-seħħ.

2.   Għandha tingħata tweġiba bil-miktub għall-applikazzjoni ta’ riammissjoni

fi żmien jumejn ta’ xogħol jekk l-applikazzjoni tkun saret taħt il-proċedura aċċellerata (l-Artikolu 7(3));

fi żmien 12-il jum kalendarju fil-każijiet l-oħrajn kollha.

Dan il-limitu ta’ żmien għandu jibda jiddekorri mid-data tar-riċevuta tat-talba ta’ riammissjoni. Jekk ma jkunx hemm tweġiba f’dan il-limitu ta’ żmien, it-trasferiment għandu jitqies li jkun ġie miftiehem.

Applikazzjoni ta’ riammissjoni tista’ tiġi sottomessa bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, inklużi dawk elettroniċi.

3.   Ir-raġunijiet tar-rifjut tat-talba ta’ riammissjoni għandhom jingħataw bil-miktub.

4.   Wara li jkun ingħata l-qbil jew, fejn xieraq, wara li jiskadi t-terminu stabbilit fil-paragrafu 2, il-persuna kkonċernata għandha tiġi ttrasferita fi żmien tliet xhur. Fuq talba tal-Istat Rikjedenti, dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż biż-żmien meħtieġ biex jiġu indirizzati l-ostakli legali jew prattiċi.

Artikolu 12

Modalitajiet ta’ trasferiment u mezzi ta’ trasport

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(2), qabel ma jirritornaw persuna, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Rikjedenti jgħarrfu bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Rikjedenti, tal-inqas jumejn ta’ xogħol qabel, dwar id-data ta’ trasferiment, il-punt ta’ dħul, skorti possibbli u informazzjoni oħra relevanti għat-trasferiment.

2.   It-trasportazzjoni tista’ ssir bi kwalunkwe mezz, inkluż dak bl-ajru. Ir-ritorn bl-ajru ma jiġix ristrett għall-użu tal-linji nazzjonali tal-Armenja jew tal-Istati Membri u jista’ jseħħ bl-użu ta’ titjiriet skedati jew titjiriet charter. Fil-każ ta’ ritorn bl-iskorta, dawn l-iskorti ma jiġux limitati għal persuni awtorizzati tal-Istat Rikjedenti, sakemm dawn ikunu persuni awtorizzati mill-Armenja jew minn kwalunkwe Stat Membru.

3.   Jekk it-trasferiment isir bl-ajru, l-iskorti possibbli għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jiksbu l-viżi meħtieġa.

Artikolu 13

Riammissjoni bi żball

L-Istat Rikjedenti għandu jieħu lura kwalunkwe persuna riammessa mill-Istat Rikjest jekk jiġi stabbilit, fi żmien sitt xhur wara t-trasferiment tal-persuna kkonċernata, li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 6 ta’ dan il-Ftehim ma jkunux sodisfatti.

F’dawn il-każijiet ir-regoli proċedurali ta’ dan il-Ftehim għandhom japplikaw mutatis mutandis u tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha disponibbli li tirrigwarda l-identità u ċ-ċittadinanza attwali tal-persuna li għandha tittieħed lura.

TAQSIMA IV

OPERAZZJONIJIET TA’ TRANŻITU

Artikolu 14

Prinċipji

1.   L-Istati Membri u l-Armenja għandhom jillimitaw it-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi għal każijiet fejn dawn il-persuni ma jistgħux jintbagħtu lura direttament lejn l-Istat ta’ destinazzjoni.

2.   L-Armenja għandha tippermetti t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi jekk Stat Membru jitlob dan, u Stat Membru għandu jawtorizza t-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew ta’ persuni apolidi jekk l-Armenja titlob dan, jekk jiġi żgurat il-vjaġġ lejn Stati ta’ tranżitu oħrajn possibbli u r-riammissjoni tal-Istat ta’ destinazzjoni.

3.   It-tranżitu jista’ jiġi rifjutat mill-Armenja jew minn Stat Membru:

(a)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tkun f’riskju reali li tkun suġġetta għal tortura jew trattament inuman jew degradanti jew il-piena tal-mewt jew persekuzzjoni minħabba r-razza, ir-reliġjon, iċ-ċittadinanza, is-sħubija f’xi grupp soċjali partikolari jew il-konvinzjoni politika tagħha fl-Istat ta’ destinazzjoni jew Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

(b)

jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali fl-Istat Rikjest jew f’xi Stat ieħor ta’ tranżitu; jew

(c)

minħabba raġunijiet ta’ saħħa pubblika, sigurtà domestika, ordni pubblika jew interessi oħra nazzjonali tal-Istat Rikjest.

4.   L-Armenja jew Stat Membru jistgħu jirrevokaw kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa jekk iċ-ċirkustanzi msemmija fil-paragrafu 3 jirriżultaw jew joħorġu fid-deher aktar tard u jkunu ta’ xkiel fl-operazzjoni ta’ tranżitu, jew jekk ma jkunux aktar żgurati l-ivvjaġġar minn Stati ta’ tranżitu possibbli jew ir-riammissjoni mill-Istat ta’ destinazzjoni. F’dan il-każ, l-Istat Rikjedenti għandu jieħu lura liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew lill-persuna apolida, kif meħtieġ u mingħajr dewmien.

Artikolu 15

Proċedura ta’ tranżitu

1.   Trid tiġi sottomessa applikazzjoni għall-operazzjonijiet ta’ tranżitu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Rikjest bil-miktub u jrid ikun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a)

it-tip ta’ tranżitu (bl-ajru, bil-baħar jew bl-art), Stati oħra ta’ tranżitu possibbli u d-destinazzjoni finali prevista;

(b)

id-dettalji tal-persuna kkonċernata (pereżempju l-isem, il-kunjom, il-kunjom ta’ xebba, l-ismijiet l-oħra użati/li bihom kienet magħrufa jew psewdonimi, id-data tat-twelid, is-sess u – fejn possibbli – il-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza, il-lingwa, it-tip u n-numru tad-dokument tal-ivvjaġġar);

(c)

fejn hu maħsub li ser ikun il-punt tad-dħul, il-ħin tat-trasferiment u l-użu possibbli tal-iskorti;

(d)

dikjarazzjoni li fil-fehma tal-Istat Rikjedenti, il-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 14(2) huma sodisfatti, u li ebda raġuni għal ċaħda taħt l-Artikolu 14(3) ma hi magħrufa.

Formola komuni li għandha tintuża fl-applikazzjonijiet ta’ tranżitu tinsab mehmuża mal-Anness 6 ta’ dan il-Ftehim.

Applikazzjoni ta’ tranżitu tista’ tiġi sottomessa bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, inklużi dawk elettroniċi.

2.   Fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol wara li tiġi riċevuta l-applikazzjoni bil-miktub, l-Istat Rikjest għandu jinforma bil-miktub lill-Istat Rikjedenti dwar l-ammissjoni, jikkonferma l-post tad-dħul u l-ħin ippjanat tal-ammissjoni, jew jinfurmah dwar ir-rifjut ta’ ammissjoni u r-raġunijiet għal tali rifjut. Jekk ma tingħata ebda tweġiba fi żmien tlett ijiem ta’ xogħol, it-tranżitu għandu jitqies li jkun ġie miftiehem.

Tweġiba għal applikazzjoni ta’ tranżitu tista’ tiġi sottomessa bi kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni, inklużi dawk elettroniċi.

3.   Jekk l-operazzjoni ta’ tranżitu ssir bl-ajru, il-persuna li tkun ser tiġi riammessa u l-iskorti possibbli għandhom ikunu eżentati milli jkollhom viża ta’ tranżitu tal-ajruport.

4.   L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Rikjest għandhom, suġġett għal konsultazzjonijiet reċiproċi, jgħinu fl-operazzjonijiet ta’ tranżitu, b’mod partikolari permezz ta’ sorveljanza tal-persuni inkwistjoni u l-għoti ta’ kumditajiet xierqa għal dan il-fini.

5.   It-tranżitu tal-persuni għandu jsir fi żmien 30 jum mir-riċevuta tal-kunsens dwar it-talba.

TAQSIMA V

KOSTI

Artikolu 16

Kosti tat-trasport u t-tranżitu

Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtoritajiet kompetenti li jiġbru lura l-kosti marbuta mar-riammissjoni mingħand il-persuna li għandha tiġi riammessa jew partijiet terzi, il-kosti kollha tat-trasport imġarrba minħabba l-operazzjonijiet tar-riammissjoni u tat-tranżitu taħt dan il-Ftehim sal-fruntiera tal-Istat tad-destinazzjoni finali, għandhom jitħallsu mill-Istat Rikjedenti.

TAQSIMA VI

PROTEZZJONI TAD-DEJTA U RELAZZJONI MA’ OBBLIGI INTERNAZZJONALI OĦRA

Artikolu 17

Protezzjoni Tad-Dejta

Il-komunikazzjoni tad-dejta personali għandha sseħħ biss jekk komunikazzjoni bħal din tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Armenja jew Stat Membru skont il-każ. L-ipproċessar u t-trattament ta’ dejta personali f’każ partikolari għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet domestiċi tal-Armenja u, jekk il-kontrollur ikun awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, għad-dispożizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE u għal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru adottata taħt dik id-Direttiva. Addizzjonalment għandhom japplikaw ukoll il-prinċipji li ġejjin:

(a)

id-dejta personali trid tiġi pproċessata b’mod ġust u legali;

(b)

id-dejta personali trid tinġabar għall-iskop speċifikat, espliċitu u leġittimu tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u ma tiġix ipproċessata ulterjorment mill-awtorità li tikkomunikaha jew mill-awtorità li tirċeviha b’mod li ma jkunx kompatibbli ma’ dak l-iskop;

(c)

id-dejta personali trid tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva fir-rigward tal-għan li għalih tinġabar u/jew tiġi pproċessata ulterjorment; b’mod partikolari, id-dejta personali kkomunikata tista’ tkun biss dwar dan li ġej:

id-dettalji tal-persuna li tkun ser tiġi ttrasferita (pereżempju l-ismijiet, il-kunjomijiet, xi ismijiet preċedenti, ismijiet oħra użati/li bihom kienet magħrufa jew psewdonimi, is-sess, l-istat ċivili, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza attwali u kwalunkwe ċittadinanza preċedenti);

il-passaport, il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan (in-numru, il-perjodu ta’ validità, id-data tal-ħruġ, l-awtorità tal-ħruġ, il-post tal-ħruġ),

il-postijiet ta’ waqfien temporanju u itinerarji,

informazzjoni oħra meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna li tkun se tiġi trasferita jew biex jiġu eżaminati r-rekwiżiti għar-riammissjoni taħt dan il-Ftehim;

(d)

id-dejta personali trid tkun eżatta u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata;

(e)

id-dejta personali trid tinżamm b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-dejta għal mhux aktar mill-perjodu meħtieġ għall-fini li għalih tkun inġabret id-dejta jew li għalih tkun ġiet ipproċessata ulterjorment;

(f)

kemm l-awtorità li tikkomunika d-dejta kif ukoll l-awtorità li tirċeviha għandhom jieħdu kull pass raġonevoli biex jiżguraw kif xieraq ir-rettifika, it-tħassir jew l-imblukkar tad-dejta personali jekk l-ipproċessar ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, b’mod partikolari għaliex dik id-dejta ma tkunx xierqa, relevanti, preċiża jew tkun eċċessiva fir-rigward tal-iskop tal-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta’ kwalunkwe rettifika, tħassir jew imblukkar għall-Parti l-oħra;

(g)

fuq talba, l-awtorità li tirċievi d-dejta għandha tgħarraf lill-awtorità li tikkomunikaha dwar l-użu tad-dejta kkomunikata u r-riżultati miksuba minnha;

(h)

id-dejta personali tista’ tkun ikkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti. Komunikazzjoni ulterjuri lil korpi oħrajn teħtieġ il-kunsens preċedenti tal-awtorità li tikkomunikaha;

(i)

l-awtorità li tikkomunika u l-awtorità li tirċievi d-dejta huma obbligati li jirreġistraw bil-miktub il-komunikazzjoni u l-wasla tad-dejta personali.

Artikolu 18

Relazzjoni ma’ obbligi oħra internazzjonali

1.   Dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni, l-Istati Membri tagħha u l-Armenja li jirriżultaw mil-liġi internazzjonali, fosthom mill-konvenzjonijiet internazzjonali li tagħhom ikunu parti, b’mod partikolari mill-istrumenti internazzjonali elenkati fl-Artikolu 2, u:

il-konvenzjonijiet internazzjonali li jiddeterminaw l-Istat responsabbli li jeżamina l-applikazzjonijiet għall-asil li jkunu ġew sottomessi,

il-konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-estradizzjoni u t-tranżitu,

il-konvenzjonijiet u l-ftehimiet internazzjonali multilaterali dwar ir-riammissjoni ta’ ċittadini barranin.

2.   Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni r-ritorn ta’ persuna taħt arranġamenti formali jew informali oħrajn.

TAQSIMA VII

IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

Artikolu 19

Kumitat konġunt tar-riammissjoni

1.   Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu assistenza reċiproka fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, huma għandhom jistabbilixxu kumitat konġunt tar-riammissjoni (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-kumitat”) li se jkollu, b’mod partikolari, il-kompitu:

(a)

li jissorvelja, u jiskambja informazzjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, bl-esklużjoni ta’ dejta personali;

(b)

li jindirizza kwistjonijiet li jqumu mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet f’dan il-Ftehim;

(c)

li jiddeċiedi dwar arranġamenti ta’ implimentazzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta’ dan il-Ftehim;

(d)

li jkollu skambji ta’ informazzjoni regolari dwar il-Protokolli ta’ implimentazzjoni mfassla mill-Istati Membri individwali u l-Armenja taħt l-Artikolu 20;

(e)

li jagħmel rakkomandazzjonijiet għal emendi għal dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu.

2.   Id-deċiżjonijiet tal-kumitat jorbtu lill-Partijiet Kontraenti.

3.   Il-kumitat ikun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u l-Armenja.

4.   Il-kumitat jiltaqa’ meta meħtieġ fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet Kontraenti.

5.   Il-kumitat jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 20

Protokolli ta’ Implimentazzjoni

1.   Mingħajr preġudizzju għall-applikabbiltà diretta tal-Ftehim preżenti, fuq talba ta’ Stat Membru jew l-Armenja, l-Armenja u Stat Membru għandhom ifasslu Protokoll ta’ implimentazzjoni li jkopri, fost l-oħrajn:

(a)

il-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti, il-punti fejn tinqasam il-fruntiera u l-iskambju ta’ punti ta’ kuntatt;

(b)

il-kundizzjonijiet għal ritorni skortati, inkluż it-tranżitu ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni apolidi bi skorta;

(c)

il-mezzi u d-dokumenti addizzjonali ma’ dawk elenkati fl-Annessi 1 sa 4 ta’ dan il-Ftehim;

(d)

il-modalitajiet għar-riammissjoni bi proċedura aċċelerata;

(e)

il-proċedura għal intervisti.

2.   Il-Protokolli ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li jiġi nnotifikat il-kumitat konġunt tar-riammissjoni msemmi fl-Artikolu 19.

3.   L-Armenja taqbel li kwalunkwe dispożizzjoni ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni mfassal ma’ Stat Membru partikolari tiġi applikata anke fir-relazzjonijiet tagħha ma’ kwalunkwe Stat Membru ieħor fuq talba minn dan tal-aħħar. L-Istati Membri jaqblu li japplikaw kwalunkwe dispożizzjoni ta’ Protokoll ta’ implimentazzjoni konkluż minn wieħed minnhom anke fir-relazzjonijiet tagħhom mal-Armenja, fuq talba ta’ din tal-aħħar, suġġetta għall-fattibilità prattika tal-applikazzjoni tagħha mal-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 21

Relazzjoni ma’ ftehimiet jew arranġamenti bilaterali tal-Istati Membri dwar ir-riammissjoni

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim jew arranġament bilaterali dwar ir-riammissjoni ta’ persuni li jirrisjedu mingħajr awtorizzazzjoni li jkun ġie jew jista’ jiġi, taħt l-Artikolu 20, konkluż bejn l-Istati Membri individwali u l-Armenja, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar ma jkunux kompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Ftehim.

TAQSIMA VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Applikazzjoni territorjali

1.   Suġġett għall-paragrafu 2, dan il-Ftehim japplika fit-territorju li fih huma applikabbli t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u fit-territorju tal-Armenja.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u tal-Irlanda biss taħt notifika mill-Unjoni Ewropea lill-Armenja għal dak il-għan. Dan il-Ftehim ma japplikax fit-territorju tar-Renju tad-Danimarka.

Artikolu 23

Dħul fis-seħħ, tul ta’ żmien u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jiġi rratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti taħt il-proċeduri rispettivi tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta’ meta l-aħħar Parti Kontraenti tkun innotifikat lill-oħra li tlestew il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Dan il-Ftehim għandu japplika għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u għall-Irlanda fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data tan-notifika msemmija fl-Artikolu 22(2).

4.   Il-Ftehim huwa b’dan konkluż għal perjodu bla limitu.

5.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat b’kunsens reċiproku tal-Partijiet Kontraenti. L-emendi jiġu mfassla fil-forma ta’ protokolli separati, li jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim, u għandhom jidħlu fis-seħħ taħt il-proċedura stipulata f’dan l-Artikolu.

6.   Kull Parti Kontraenti tista’, billi tinnotifika b’mod uffiċjali lill-Parti Kontraenti l-oħra u wara konsultazzjoni preċedenti tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 19, kompletament jew parzjalment, temporanjament tissospendi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Is-sospensjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tieni jum wara l-jum ta’ tali notifika.

7.   Kull Parti Kontraenti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti Kontraenti l-oħra b’mod uffiċjali. Dan il-Ftehim ma jibqax japplika sitt xhur wara d-data ta’ tali notifika.

Artikolu 24

Annessi

L-Annessi 1 sa 6 jiffurmaw parti integrali minn dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell fid-dsatax-il jum ta’ April fis-sena elfejn u tlettax, f’żewġ eżemplari, bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Olandiża, Ingliża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ungeriża, Taljana, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża u Armena, b’kull test ikun ugwalment awtentiku.

За Европейския съюз

Por la Unión Europea

Za Evropskou unii

For Den Europæiske Union

Für die Europäische Union

Euroopa Liidu nimel

Για την Ευρωπαϊκή Ένωση

For the European Union

Pour l'Union européenne

Per l'Unione europea

Eiropas Savienības vārdā –

Europos Sąjungos vardu

Az Európai Unió részéről

Għall-Unjoni Ewropea

Voor de Europese Unie

W imieniu Unii Europejskiej

Pela União Europeia

Pentru Uniunea Europeană

Za Európsku úniu

Za Evropsko unijo

Euroopan unionin puolesta

För Europeiska unionen

Image

Image

Image

За Pепублика Армения

Por la República de Armenia

Za Arménskou republiku

For Republikken Armenien

Für die Republik Armenien

Armeenia Vabariigi nimel

Για της Δημοκρατίας της Αρμενίας

For the Republic of Armenia

Pour la République d'Arménie

Per la Repubblica di Armenia

Armēnijas Republikas vārdā –

Armėnijos Respublikos vardu

Örmény Köztársaság részéről

Għall-Repubblika tal-Armenja

Voor de Republiek Armenië

W imieniu Republiki Armenii

Pela República da Arménia

Pentru Republica Armenia

Za Arménsku republiku

Za Republiko Armenijo

Armenian tasavallan puolesta

För Republiken Armenien

Image

Image


(1)  B’konformità mal-formola stabbilita fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-UE tat-30 ta’ Novembru 1994.

(2)  Ibid.

(3)  Ibid.


ANNESS 1

LISTA KOMUNI TAD-DOKUMENTI LI L-PREŻENTAZZJONI TAGĦHOM HIJA KKUNSIDRATA BĦALA PROVA TAĊ-ĊITTADINANZA

(Artikoli 3(1), 5(1) u 9(1))

passaporti ta’ kwalunkwe tip (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti surrogati inklużi l-passaporti tat-tfal),

karti tal-identità ta’ kwalunkwe tip (li jinkludu dawk temporanji u proviżorji),

ċertifikati taċ-ċittadinanza u dokumenti uffiċjali oħrajn li jsemmu jew li jindikaw iċ-ċittadinanza b’mod ċar.


ANNESS 2

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI L-PREŻENTAZZJONI TAGĦHOM HIJA KKUNSIDRATA BĦALA PROVA PRIMA FACIE TAĊ-ĊITTADINANZA

(Artikoli 3(1), 5(1) u 9(2))

dokumenti elenkati fl-Anness 1 li l-validità tagħhom tkun skadiet b’aktar minn 6 xhur,

fotokopji ta’ kwalunkwe dokument imniżżel fl-Annes 1 ta’ dan il-Ftehim,

liċenzji tas-sewqan jew fotokopji tagħhom,

ċertifikati tat-twelid jew fotokopji tagħhom,

karti tal-identità tal-kumpanija jew fotokopji tagħhom,

dikjarazzjoni ta’ xhieda,

dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna kkonċernata u l-lingwa mitkellma minnha, anke permezz ta’ riżultat ta’ test uffiċjali,

kwalunkwe dokument ieħor li jista’ jgħin biex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza tal-persuna kkonċernata,

marki tas-swaba’,

laissez-passer maħruġ mill-Istat Rikjest,

kotba tas-servizz u karti tal-identità militari,

kotba tar-reġistrazzjoni tal-baħħara u karti tas-servizz tal-kaptani,

il-konferma tal-identità b’riżultat ta’ tfittxija mwettqa fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (1),

fil-każ ta’ Stati Membri li ma jużawx is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, l-identifikazzjoni pożittiva stabbilita mir-reġistri tal-applikazzjonijiet għal viża ta’ dawk l-Istati Membri.


(1)  Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).


ANNESS 3

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI HUMA KKUNSIDRATI BĦALA PROVA TAL-KUNDIZZJONIJIET GĦAR-RIAMMISSJONI TA’ ĊITTADINI TA’ PAJJIŻI TERZI U PERSUNI APOLIDI

(Artikoli 4(1), 6(1) u 10(1))

viża u/jew permess ta’ residenza maħruġ mill-Istat Rikjest,

timbri tad-dħul/tluq jew endorsjar simili fid-dokument tal-ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata jew evidenza oħra tad-dħul/ħruġ (pereżempju evidenza fotografika).


ANNESS 4

LISTA KOMUNI TA’ DOKUMENTI LI HUMA KKUNSIDRATI BĦALA EVIDENZA PRIMA FACIE TAL-KUNDIZZJONIJIET GĦAR-RIAMMISSJONI TA’ ĊITTADINI TA’ PAJJIŻI TERZI U PERSUNI APOLIDI

(Artikoli 4(1), 6(1) u 10(2))

deskrizzjoni maħruġa mill-awtoritajiet relevanti tal-Istat Rikjedenti, tal-post u ċ-ċirkustanzi li taħthom il-persuna kkonċernata tkun ġiet interċettata wara li tkun daħlet fit-territorju ta’ dak l-Istat,

informazzjoni dwar l-identità u/jew soġġorn ta’ persuna li tkun ġiet ipprovduta minn organizzazzjoni internazzjonali (pereżempju UNHCR),

rapporti/konferma ta’ informazzjoni minn membri tal-familja, sħab fil-vjaġġ, eċċ.,

dikjarazzjoni mill-persuna kkonċernata,

marki tas-swaba’,

dokumenti, ċertifikati u kontijiet ta’ kwalunkwe tip (pereżempju kontijiet tal-lukandi, karti tal-appuntament għat-tobba/dentisti, karti ta’ dħul għal istituzzjonijiet pubbliċi/privati, ftehimiet tal-kiri tal-karozzi, irċevuti tal-karti tal-kreditu, eċċ.) li juru b’mod ċar li l-persuna kkonċernata tkun qagħdet fit-territorju tal-Istat Rikjest,

biljetti bl-isem u/jew listi tal-passiġġiera ta’ passaġġi bl-ajru, bil-ferrovija, bil-kowċ jew bil-baħar li juru l-preżenza tal-itinerarju tal-persuna kkonċernata fit-territorju tal-Istat Rikjest,

informazzjoni li turi li l-persuna kkonċernata użat is-servizzi tal-posta jew aġenzija tal-ivvjaġġar,

dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula, b’mod partikolari, mill-impjegati tal-awtorità tal-fruntieri u xhieda oħrajn li jistgħu jixhdu li l-persuna kkonċernata tkun qasmet il-fruntiera,

dikjarazzjoni uffiċjali mill-persuna kkonċernata fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi.


ANNESS 5

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

ANNESS 6

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-artikoli 3(3) u 5(3)

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw li, taħt il-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza tar-Repubblika tal-Armenja u tal-Istati Membri, mhuwiex possibbli li ċittadin tar-Repubblika tal-Armenja jew tal-Unjoni Ewropea li jiċċaħħad miċ-ċittadinanza tiegħu.

Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw lil xulxin fi żmien xieraq jekk tinbidel din is-sitwazzjoni legali.


Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Repubblika tal-Islanda

Il-Partijiet Kontraenti jinnutaw ir-relazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Islanda, b’mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehim tat-18 ta’ Mejju 1999 dwar l-assoċjazzjoni ta’ dan il-pajjiż mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa xieraq li r-Repubblika tal-Armenja tikkonkludi ftehim dwar riammissjoni mar-Repubblika tal-Islanda bl-istess termini ta’ dan il-Ftehim.