21.9.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 251/1


Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka, dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali

Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim tad-19 ta’ Ottubru 2005 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġuriżdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (1) (minn hawn ‘il quddiem “il-Ftehim”), konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/325/KE (2), kulfejn jiġu adottati miżuri ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (3), id-deċiżjoni tad-Danimarka dwar jekk għandhiex timplimenta l-kontenut ta’ dawn il-miżuri jew le tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1142/2011 tal-10 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi l-Annessi X u XI ta’ mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (4) ġie adottat fl-10 ta’ Novembru 2011. F’konformità mal-Artikolu 3(2) tal-Ftehim, permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Jannar 2009, id-Danimarka diġà nnotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 (5) safejn dan jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 (6).

F’konformità mal-Artikolu 4 tal-Ftehim, permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Jannar 2012, id-Danimarka diġà nnotifikat lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħha li timplimenta l-kontenut tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011 se jkunu applikati għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u d-Danimarka (7).

Barra minn hekk, id-Danimarka għandha, permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Frar 2013 (wara l-ittra tad-9 ta’ Marzu 2011), innotifikat għall-aħħar darba lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħha taħt l-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 47(3) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 u talbet biex huma jkunu rikonoxxuti għall-finijiet tal-Annessi X u XI tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1142/2011.

Għalhekk, għall-finijiet tal-Anness X tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 stabbilita mill-Kummissjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009), l-awtoritajiet amministrattivi Daniżi rilevanti huma: L-Amministrazzjoni Reġjonali tal-Istat (Statsforvaltningen) u l-Ministru tal-Affarijiet Soċjali, it-Tfal u l-Integrazzjoni (it-Taqsima tal-Affarijiet tal-Familja tal-Bord Nazzjonali tal-Appelli Soċjali) (Social-, Børne- og Integrationsministeriet (Ankestyrelsen, Familieretsafdelingen)). Għall-finijiet tal-Anness XI tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 stabbilit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (l-Artikolu 47(3) tar-Regolament (KE) Nru 4/2009), l-awtorità rilevanti hija l-Ministeru tal-Ġustizzja (Justitsministeriet).

In-notifika tad-Danimarka tal-awtoritajiet kompetenti Daniżi li għandhom jitqiesu bħala awtoritajiet rilevanti taħt l-Annessi X u XI tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 stabbiliti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni joħloq obbligi reċiproċi bejn id-Danimarka u l-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-addattamenti preżenti għall-Artikolu 2(2)(b) u (c) tal-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)   ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.

(2)   ĠU L 120, 5.5.2006, p. 22.

(3)   ĠU L 12, 16.1.2001, p. 1.

(4)   ĠU L 293, 11.11.2011, p. 24.

(5)   ĠU L 7, 10.1.2009, p. 1.

(6)   ĠU L 149, 12.6.2009, p. 80.

(7)   ĠU L 195, 18.7.2013, p. 1.