Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa
Official Journal L 016 , 19/01/2013 P. 0002 - 0006
TRADUZZJONI Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru li jipprovdi qafas ġenerali għall-kooperazzjoni msaħħa L-UNJONI EWROPEA (UE) u L-ORGANIZZAZZJONI EWROPEA GĦAS-SIGURTÀ TAN-NAVIGAZZJONI BL-AJRU (EUROCONTROL) Minn hawn ‘il quddiem imsejħin "il-Partijiet", WARA LI KKUNSIDRAW it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "TFUE"), u b’mod partikolari l-Artikoli 218 u 220 tiegħu, WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-EUROCONTROL dwar il-Kooperazzjoni għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru tat- 13 ta’ Diċembru 1960, kif emendata mill-Protokoll iffirmat fi Brussell fit- 12 ta’ Frar 1981 (minn hawn ‘il quddiem imsejħa "l-Konvenzjoni tal-EUROCONTROL"), u b’mod partikolari l-Artikoli 7.2 u 11.3 tagħha, WARA LI KKUNSIDRAW il-Miżura Nru 11/174 tat- 12 ta’ Mejju 2011 meħuda mill-Kummissjoni Permanenti tal-EUROCONTROL li tiddelega l-awtorità lill-Aġenzija biex tiftaħ in-negozjati għall-konklużjoni ta’ Ftehim ta’ Livell Għoli mal-UE u l-Miżura Nru 12/181 tal- 10 ta’ Mejju 2012 meħuda mill-Kummissjoni Permanenti tal-EUROCONTROL li tapprova l-Ftehim innegozjat, WARA LI KKUNSIDRAW il-kuntesti istituzzjonali u legali preżenti rispettivi tal-Partijiet u l-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew (SES, Single European Sky) fl-UE u lil hinn minnha, WARA LI KKUNSIDRAW il-kompetenza mogħtija lill-UE f’materji relatati mas-SES, WARA LI KKUNSIDRAW ir-rwol tal-EUROCONTROL bħala l-organizzazzjoni intergovernattiva pan-Ewropea ċivili u militari speċjalizzata fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM, air traffic management), BILLI l-Partijiet jikkondividu l-viżjoni tal-ksib ta’ netwerk Ewropew ottimu u integrat tal-ATM, li joffri, fil-fażijiet kollha tat-trasport bl-ajru, u flimkien ma’ mezzi oħra tat-trasport, livell għoli ta’ sigurtà, kosteffiċjenza, kapaċità u ħarsien ambjentali għall-benefiċċju tal-passiġġieri u taċ-ċittadini, BILLI l-leġiżlazzjoni tal-UE tagħti lill-Kummissjoni Ewropea għadd ta’ kompiti relatati mal-implimentazzjoni tas-SES, li għalihom huwa meħtieġ appoġġ mingħand l-esperti, BILLI l-EUROCONTROL evolva, mill-1960 ‘l hawn, f’ċentru uniku ta’ ħila fil-qasam tal-ATM, u ġab miegħu dimensjonijiet militari u pan-Ewropej bħala valur miżjud u għajnuna lill-Istati fit-twettiq ta’ servizzi u funzjonijiet tal-qasam pubbliku, u billi dan għandu jkompli jgħin lill-Istati Membri tiegħu, inkluż fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn tal-UE u jkompli jipprovdi pjattaforma pan-Ewropea biex jiġi ffaċilitat it-tisħiħ tal-kooperazzjoni militari fil-qasam tal-ATM, BILLI l-leġiżlazzjoni tal-UE tistipula li l-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ mandati lill-EUROCONTROL sabiex dan jiżviluppa regoli ta’ implimentazzjoni relatati mal-istabbiliment tas-SES, BILLI l-UE tirrikonoxxi l-kontribut essenzjali tal-EUROCONTROL biex jappoġġa lill-UE fir-rwol tagħha bħala regolatur sabiex jiġu implimentati s-SES u politiki relatati oħrajn tal-UE, BILLI l-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) u l-EUROCONTROL, fit- 8 ta’ Mejju 2003, ikkonkludew Memorandum ta’ Kooperazzjoni, BILLI l-Kummissjoni Ewropea u l-EUROCONTROL, fit- 22 ta’ Diċembru 2003, ikkonkludew Memorandum dwar qafas għall-kooperazzjoni, BILLI L-EUROCONTROL inħatar, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad- 29 ta’ Lulju 2010, bħala l-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni tas-SES, skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2010, u l-EUROCONTROL aċċetta din il-ħatra permezz tad-Direttiva Nru 10/74 tal-Kummissjoni Permanenti tal- 15 ta’ Settembru 2010, BILLI L-EUROCONTROL inħatar, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas- 7 ta’ Lulju 2011, bħala l-Maniġer tan-Netwerk għall-funzjonijiet tan-netwerk tal-ATM, skont ir-Regolament (UE) Nru 677/2011, u l-EUROCONTROL aċċetta din il-ħatra permezz tad-Direttiva Nru 11/77 tal-Kummissjoni Permanenti tal- 1 ta’ Settembru 2011, BILLI l-Partijiet għandhom relazzjoni u storja ta’ kooperazzjoni li ilha għaddejja fil-qasam tal-ATM u fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn, u huma jixtiequ jsaħħu din ir-relazzjoni u jikkoordinaw bis-sħiħ aktar azzjonijiet, BILLI l-Partijiet għandhom jiżguraw li jkun hemm is-sinerġiji u jevitaw ix-xogħol doppju f’materji tal-ATM relatati mas-sigurtà u fi kwistjonijiet ambjentali, BILLI l-applikazzjoni fit-tul tal-ftehimiet eżistenti bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-EUROCONTROL għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ dan il-Ftehim u, fejn huwa xieraq, għandha tiġi kkonfermata u msaħħa permezz tiegħu, BILLI l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhiex twassal għal finanzjament doppju tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni msemmija f’dan il-Ftehim u għalhekk ma għandhiex twassal għal kontribuzzjoni nominali min-naħa tal-UE għall-baġit tal-EUROCONTROL, BILLI l-għan tal-UE huwa li twessa’ l-kopertura ġeografika tas-SES lil hinn mill-UE, BILLI, mingħajr preġudizzju għar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet u l-Istati Membri rispettivi tagħhom u mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tal-EUROCONTROL u t-TFUE rispettivament, ta’ min jistabbilixxi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni kumplimentari li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku bejn l-UE u l-EUROCONTROL fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, u tar-riċerka u l-iżvilupp, bil-ħsieb li l-ħila u l-appoġġ tal-EUROCONTROL jintużaw b’mod aħjar, BILLI l-appoġġ ipprovdut mill-EUROCONTROL lill-UE għandu jkun konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, tal-imparzjalità u tal-indipendenza, BILLI għandha tiġi ffaċilitata l-evoluzzjoni tal-organizzazzjoni tal-EUROCONTROL, b’mod partikolari, billi din tallinja ruħha b’mod progressiv biex tgħin lill-UE fl-implimentazzjoni tas-SES bil-ħsieb li tittejjeb il-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk tal-ATM Ewropew, FTIEHMU DWAR DAN LI ĠEJ: 1. KAMP TA’ APPLIKAZZJONI ĠENERALI 1.1 Il-Partijiet jiftiehmu li jsaħħu u jikkonsolidaw il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-EUROCONTROL sabiex l-EUROCONTROL ikun jista’ jgħin lill-UE fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati tal-UE fl-UE u lil hinn minnha f’dawk l-Istati li jaqblu li jintrabtu bis-SES. 1.2 Il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri bħala membri tal-EUROCONTROL jew tal-UE. 2. GĦANIJIET L-għanijiet ta’ dan il-Ftehim huma: - li jiġu stabbiliti l-elementi ewlenin ta’ kooperazzjoni msaħħa bejn il-Partijiet sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni f’waqtha u konsistenti tas-SES fl-UE u lil hinn minnha f’dawk l-Istati li jaqblu li jintrabtu bis-SES, u li tiġi stabbilita sistema effiċjenti tat-trasport bl-ajru permezz ta’ attivitajiet li jirriflettu l-kompiti u r-responsabbiltajiet rispettivi tal-Partijiet; - li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni ċivili u militari meħtieġa dwar l-ATM fis-SES; - li tiġi rrikonoxxuta u użata l-ħila tal-EUROCONTROL, inkluża l-kooperazzjoni ċivili u militari, biex l-UE tkun megħjuna fl-implimentazzjoni tas-SES u ta’ politiki relatati oħrajn, b’mod partikolari fl-oqsma tal-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, u tar-riċerka u l-iżvilupp, sabiex tittejjeb il-prestazzjoni tan-netwerk tal-ATM Ewropew; - li jiġi rrikonoxxut il-valur tal-fatt li l-EUROCONTROL jibqa’ jwettaq, kif xieraq, attivitajiet u funzjonijiet li jappoġġaw l-implimentazzjoni tas-SES; - li tiġi stabbilita l-kooperazzjoni meħtieġa biex ikun appoġġat u ffaċilitat l-involviment ta’ Stati li mhumiex membri tal-UE fis-SES, bil-ħsieb li l-implimentazzjoni tas-SES titwessa’ lil hinn mill-UE u li, progressivament, il-qafas leġiżlattiv tas-SES jibda jiġi applikat fl-istati kollha li huma membri tal-EUROCONTROL; - li jiġu żgurati s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni tax-xogħol imwettaq mill-EASA f’materji tal-ATM relatati mas-sigurtà u fi kwistjonijiet ambjentali, inkluż, fejn ikun xieraq, permezz tal-iżvilupp ta’ mekkaniżmi sodi ta’ kooperazzjoni bejn l-EASA u l-EUROCONTROL, filwaqt li jitqiesu r-responsabbiltajiet pan-Ewropej tal-EUROCONTROL. 3. OQSMA TA’ KOOPERAZZJONI 3.1 L-oqsma ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim huma dawk meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-SES, inkluż is-SESAR, u ta’ politiki relatati oħrajn tal-UE, b’mod partikolari l-ambjent, inkluż it-tibdil fil-klima, u l-politiki ta’ riċerka u żvilupp marbutin mal-ATM. 3.2 Il-kooperazzjoni għandha tittratta s-suġġetti li ġejjin: a) il-Blokok Funzjonali tal-Ispazju tal-Ajru; b) l-Awtoritajiet Superviżjorji Nazzjonali; c) l-appoġġ fil-qasam tas-sigurtà tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS), inkluż l-appoġġ lill-EASA, kif stipulat fl-Artikolu 2; d) il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ċivili u militari; e) il-koordinazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari mal-ICAO u ma’ stati li mhumiex Stati Membri tal-Partijiet; f) is-Servizzi ta’ Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru u ta’ Komunikazzjoni/Navigazzjoni/Sorveljanza (ATM/CNS), inkluż fl-ispazju; g) l-istatistika u d-dejta relatati mat-trasport bl-ajru; h) il-kwistjonijiet ambjentali relatati mal-avjazzjoni; i) il-politika tal-ajruporti. 3.3 Il-kooperazzjoni tista’ tittratta wkoll is-suġġetti li ġejjin: a) is-sigurtà tal-ATM; b) il-politika tal-ispettru; c) is-Sistemi tal-Ajru Mingħajr Ekwipaġġ (UAS). 3.4 Is-suġġetti u l-modalitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom ikunu ddefiniti f’aktar dettall f’Annessi separati ta’ dan il-Ftehim. 4. METODI TA’ KOOPERAZZJONI 4.1 Il-Ftehim ser jiġi esegwit permezz tal-metodi ta’ kooperazzjoni li ġejjin: a) l-għoti ta’ appoġġ reċiproku; b) mekkaniżmi għall-kooperazzjoni msaħħa, il-mekkaniżmi u l-uffiċċji ta’ kollegament, u l-koordinazzjoni ta’ studji u programmi u l-attivitajiet konġunti; c) mekkaniżmi għall-ġbir u l-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni, dejta u statistika, kif ikun xieraq; d) il-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni fuq materji tekniċi fil-livell ta’ ħidma fil-kuntest tal-ICAO. 4.2 Fir-rigward tal-aspetti militari tas-SES, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċessi rilevanti ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati jintużaw bl-aħjar mod. 4.3 Il-koordinazzjoni u l-iffaċilitar tal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jitwettqu mill-Aġenzija tal-EUROCONTROL f’isem din l-organizzazzjoni, u mill-Kummissjoni Ewropea f’isem l-UE. L-EUROCONTROL jista’ jappoġġa wkoll korpi oħra tal-UE, kif xieraq, permezz ta’ strumenti speċifiċi, bil-ħsieb li jittejbu kemm jista’ jkun il-ħila u r-riżorsi eżistenti u li dawn jiġu integrati flimkien. 5. KONSULTAZZJONI U INFORMAZZJONI 5.1 Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin regolarment sabiex jikkoordinaw bis-sħiħ l-attivitajiet tagħhom li huma relatati ma’ dan il-Ftehim. Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra, mingħajr preġudizzju għall-proċessi rispettivi tagħhom ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, bi kwalunkwe inizjattiva li tkun rilevanti għal dan il-Ftehim fl-oqsma tal-kooperazzjoni msemmija fl-Artikolu 3 u li tista’ tkun ta’ interess għall-Parti l-oħra. 5.2 Il-Partijiet għandhom jiskambjaw l-informazzjoni li tista’ tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, suġġett għar-regoli rispettivi tagħhom. Ħlief meta jkun stipulat mod ieħor, il-Partijiet ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni skambjata b’rabta ma’ dan il-Ftehim lil kwalunkwe persuna, ħlief lil dawk impjegati magħhom jew li huma uffiċjalment intitolati jittrattaw it-tali informazzjoni, u lanqas ma għandhom jużawha għal għanijiet kummerċjali. It-tali żvelar għandu jsir biss sal-punt li jkun meħtieġ għall-għan ta’ dan il-Ftehim u għandu jsir b’mod strettament kunfidenzjali. 5.3 Il-korpi rilevanti tal-Partijiet għandhom jiltaqgħu flimkien, jekk ikun meħtieġ, biex jiskambjaw l-opinjonijiet tagħhom. 6. KUNFIDENZJALITÀ 6.1 Kull Parti għandha tieħu l-prekawzjonijiet raġonevoli kollha meħtieġa biex tipproteġi l-informazzjoni li tkun waslitilha taħt dan il-Ftehim u l-Annessi tiegħu minn żvelar mhux awtorizzat. Meta tipprovdi l-informazzjoni lill-Parti l-oħra, Parti tista’ tagħżel il-partijiet tal-informazzjoni li hija tqis li ma jistgħux jiġu żvelati. 6.2 Il-Partijiet jiftiehmu li jissalvagwardjaw, sal-punt li jkun meħtieġ skont ir-regoli rispettivi tagħhom, il-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata li tkun waslitilhom mingħand il-Parti l-oħra b’applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, jekk ikun hemm. 6.3 B’mod partikolari, suġġetti għar-regoli rispettivi tagħhom, il-Partijiet ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni li tkun waslitilhom mingħand il-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim u li tkun meqjusa bħala informazzjoni proprjetarja. It-tali informazzjoni għandha tkun immarkata bħala informazzjoni proprjetarja kif xieraq skont ir-regoli rispettivi tagħhom. 6.4 Il-Partijiet għandhom jiftiehmu rigward arranġamenti tax-xogħol dwar proċeduri ulterjuri għall-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata pprovduta skont dan il-Ftehim, kif meħtieġ. It-tali proċeduri għandhom jinkludu l-possibbiltà li kull Parti tivverifika liema miżuri ta’ protezzjoni l-Parti l-oħra tkun daħħlet fis-seħħ. 7. ĠESTJONI TAL-FTEHIM 7.1 Qed jitwaqqaf Kumitat Konġunt, magħmul minn rappreżentant minn kull Parti, li jista’ jkollu miegħu osservaturi mill-Istati Membri tal-Partijiet u esperti. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli għall-funzjonament tajjeb ta’ dan il-Ftehim. 7.2 Għandha ssir laqgħa tal-Kumitat Konġunt mill-anqas darba fis-sena biex tiġi vvalutata u eżaminata l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u din għandha tiġi organizzata b’mod kosteffiċjenti. Kull Parti tista’ ssejjaħ laqgħa tal-Kumitat Konġunt fi kwalunkwe mument. 7.3 Il-Kumitat Konġunt jista’ jqis kwalunkwe materja relatata mal-funzjonament u mal-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, għandu jkun responsabbli biex: a) jirriżolvi kwalunkwe kwistjoni relatata mal-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim; b) iqis modi kif tista’ tittejjeb l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet għall-emendar tiegħu, kif xieraq; c) jidentifika oqsma ġodda ta’ kooperazzjoni; d) jadotta u jemenda l-Annessi u l-arranġamenti tax-xogħol li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim; e) jirriżolvi kwalunkwe differenza jew disputa relatata mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. 7.4 Il-Kumitat Konġunt għandu jaħdem abbażi ta’ ftehim bejn ir-rappreżentanti tal-Partijiet. 7.5 Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu. 8. FINANZJAMENT 8.1 Il-Parti li tkun qed titlob lill-Parti l-oħra twettaq attivitajiet ta’ appoġġ taħt dan il-Ftehim għandha tiżgura l-finanzjament tat-tali attivitajiet. 8.2 L-aspetti finanzjarji relatati mal-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim għandhom jiġu ddefiniti skont ir-regoli applikabbli għall-baġits rispettivi tal-Partijiet. Il-Partijiet għandhom jikkonkludu ftehimiet separati b’rabta ma’ dan, fejn ikun xieraq. 9. RELAZZJONIJIET ESTERNI U KOOPERAZZJONI 9.1 Kull Parti għandha tinforma lill-Parti l-oħra bl-attivitajiet tagħha ta’ dimensjoni internazzjonali li jkunu rilevanti għal dan il-Ftehim u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Parti l-oħra. 9.2 Kull meta jkun xieraq, Parti tista’ tikkonsulta lill-Parti l-oħra dwar kwalunkwe materja li tkun rilevanti għall-attivitajiet internazzjonali tagħha. 10. RIŻOLUZZJONI TA’ DISPUTI 10.1 Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex jirriżolvu kwalunkwe differenza li jkun hemm bejniethom li tkun ġejja mill-kooperazzjoni tagħhom taħt dan il-Ftehim. 10.2 F’każ li xi differenza tibqa’ ma tirriżolviex, kull Parti tista’ tressaq id-disputa quddiem il-Kumitat Konġunt, li għandu jikkonsulta dwar il-kwistjoni bil-għan li jirriżolviha permezz tan-negozjar. 11. SKAMBJU TA’ PERSUNAL Suġġetti għar-regoli u l-proċeduri rispettivi tagħhom, il-Partijiet jistgħu jiskambjaw u jissekondaw il-persunal kif meħtieġ biex iwettqu l-attivitajiet deskritti f’dan il-Ftehim jew fl-Annessi tiegħu. It-tali skambji kollha għandhom isiru skont it-termini u l-kundizzjonijiet li l-Partijiet ikunu qablu dwarhom. 12. ANNESSI L-Annessi ta’ dan il-Ftehim għandhom jiffurmaw parti integrali minnu. 13. DĦUL FIS-SEĦĦ U TERMINAZZJONI 13.1 Sa meta jidħol fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jiġi applikat fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar. 13.2 Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ meta l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin, bil-miktub, li l-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu jkunu tlestew u huwa għandu jibqa’ fis-seħħ sa ma jiġi tterminat. 13.3 Dan il-Ftehim jista’ jiġi tterminat fi kwalunkwe waqt minn kull Parti. It-tali terminazzjoni għandha ssir b’notifika bil-miktub mibgħuta sitt xhur bil-quddiem minn Parti waħda lill-Parti l-oħra, sakemm in-notifika ta’ terminazzjoni msemmija ma tiġix irtirata b’kunsens reċiproku min-naħa tal-Partijiet qabel jiskadi dan il-perjodu. Magħmul fi Brussell fi, Għall-Unjoni Ewropea Għall-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sigurtà tan-Navigazzjoni bl-Ajru --------------------------------------------------