1.12.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 331/52 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUMITAT UE-KOREA GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI
tas-27 ta’ Ġunju 2012
dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili kif meħtieġ bl-Artikolu 13.13 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra
(2012/741/UE)
IL-KUMITAT GĦALL-KUMMERĊ U L-IŻVILUPP SOSTENIBBLI,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, iffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Ottubru 2010 (minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13.13 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 13.13 tal-Ftehim jistipula li l-membri tal-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika minn kull Parti għandhom jiltaqgħu f’Forum tas-Soċjetà Ċivili. |
(2) |
L-għamla tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandha tkun b’mod li jkun hemm rappreżentanza bbilanċjata tal-membri tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika. |
(3) |
Il-Partijiet għandhom jaqblu b’deċiżjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli dwar l-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili sa mhux aktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-regoli tal-operat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, kif imfassla fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni huma b’dan stabbiliti.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ dakinhar tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2012.
Għall-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli
Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tar-Repubblika tal-Korea
Kyungduck AN
Sanghoon KIM
Kopresidenza tal-Kumitat għall-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Unjoni Ewropea
Peter THOMPSON
ANNESS
REGOLI TA’ OPERAT TAL-FORUM TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Artikolu 1
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili se jkun magħmul minn 12-il membru tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-UE u 12-il membru tal-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-Korea maħtura mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika nfushom. Il-membri jistgħu jkunu akkumpanjati minn konsulenti esperti. Ir-rappreżentanti tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili minn kull Parti għandhom jinkludu tal-inqas tliet rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet tan-negozju, trejdjunjins u organizzazzjonijiet tal-ambjent mhux governattivi rispettivament.
Artikolu 2
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jkollu kopresidenza mill-UE u mill-Korea. Il-kopresidenzi se jkunu maħtura mill-Grupp ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-UE u l-Grupp(i) ta’ Konsultazzjoni Domestika tal-Korea, rispettivament, fost il-parteċipanti tagħhom fil-Forum tas-Soċjetà Ċivili.
Il-kopresidenzi se jfasslu l-aġenda tal-laqgħat tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili, abbażi tat-talbiet mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, l-aġenda għandha tinkludi dawn il-punti regolari li ġejjin:
(a) |
Informazzjoni mill-Partijiet fuq l-implimentazzjoni tal-Kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli; |
(b) |
Rapporti tal-konsultazzjonijiet magħmula skont l-Artikolu 13.14 u dwar il-ħidma tal-Bord ta’ Esperti skont l-Artikolu 13.15. |
Artikolu 3
Il-Forum tas-Soċjetà Ċivili għandu jiltaqa’ tal-inqas darba f’sena, alternattivament fi Brussell u Seoul, sakemm ma jsirx ftehim mod ieħor mill-Partijiet. Tista’ tissejjaħ laqgħa straordinarja fuq talba ta’ wieħed mill-Gruppi ta’ Konsultazzjoni Domestika.