|
23.11.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/17 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUMITAT KONĠUNT BEJN L-UE U L-ISVIZZERA
tal-11 ta’ Settembru 2012
li jadotta l-liġijiet interni tal-Kumitat Konġunt u li jistabbilixxi grupp ta’ ħidma
(2012/716/UE)
IL-KUMITAT KONĠUNT,
Wara li kkunsidra l-Ftehim konkluż bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-25 ta’ Ġunju 2009 dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta’ oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta’ sigurtà (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 19(4) u (5) tiegħu,
FTIEHEM KIF ĠEJ:
KAPITOLU I
LIĠIJIET INTERNI
Artikolu 1
Kompożizzjoni u presidenza
Il-kumitat konġunt huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentatnti tal-Konfederazzjoni Svizzera. Il-presidenza tkun alternata bejn il-partijiet kontraenti kull sena kalendarja.
Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi infurmat dwar min ikun ippjanat li se jieħu sehem fid-delegazzjoni ta’ kull parti kontraenti.
Jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu, il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden esperti għal-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdulu l-informazzjoni speċifika mitluba.
Artikolu 2
Segretarjat
Ix-xogħol tas-segretarjat tal-Kumitat Konġunt jagħmlu l-President. Il-korrispondenza kollha ddestinata għall-Kumitat Konġunt, inklużi talbiet biex jiddaħħlu punti fl-aġenda tal-laqgħat tiegħu, għandha tiġi indirizzata lill-President tiegħu.
Artikolu 3
Laqgħat
Ladarba tkun kisbet il-kunsens taż-żewġ Partijiet Kontraenti, il-Presidenza tal-Kumitat Konġunt għandha tistabbilixxi d-data u l-post tal-laqgħat. Il-laqgħat jalternaw bejn Brussell u l-Isvizzera.
Artikolu 4
L-aġenda tal-laqgħat
Il-President għandu jfassal l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa. Din għandha tinbagħat lill-Partijiet Kontraenti mhux aktar tard minn 10 ijiem qabel il-bidu tal-laqgħa.
L-aġenda provviżorja għandu jkun fiha l-punti li t-talba biex jiddaħħlu tkun waslet għand il-President almenu 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. Id-dokumenti ta’ referenza għandhom jaslu għand iż-żewġ Partijiet Kontraenti mill-inqas sebat ijiem qabel il-laqgħa. Dawn il-limti ta’ żmien jistgħu jitqassru f’każ ta’ urġenza, dment li ż-żewġ Partijiet Kontraenti jaqblu.
Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa.
Artikolu 5
Ir-reklamar
Sakemm ma jintlaħaqx qbil mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt m’għandhomx ikunu pubbliċi.
Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu kunfidenzjali.
Artikolu 6
Minuti
Wara kull laqgħa, il-President iħejji l-minuti. L-abbozz tal-minuti għandu jingħadda lill-Kumitat Konġunt għall-approvazzjoni. Wara li jiġu adottati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u tintbagħat kopja lill-Partijiet Kontraenti.
Artikolu 7
L-adozzjoni tal-istrumenti
Ir-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 21 tal-ftehim għandhom ikunu intestati “rakkommandazzjoni” u “deċiżjoni”, segwiti b’numru serjali, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni ġenerali dwar is-suġġett tagħhom. Dawn għandhom jiġu ffirmati mill-President u jiġu kkomunikati lill-Partijiet Kontraenti.
Artikolu 8
Proċedura bil-miktub
F’każijiet ta’ urġenza, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jistgħu jiġu adottati permezz tal-proċedura bil-miktub, dment li jagħtu l-kunsens tagħhom għal dan iż-żewġ Partijiet Kontraenti.
Artikolu 9
Spejjeż
Kull Parti Kontraenti għandha tħallas l-ispejjeż li jirriżultawlha minn sehemha fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.
Artikolu 10
Lista ta’ deċiżuri
Il-Kumitat Konġunt għandu jistabbilixxi l-lista ta’ arbitri anzjani kif mitlub mill-Anness III ta’ mal-Ftehim, fi żmien xahrejn mid-deċiżjoni tiegħu li jissottometti każ ta’ nuqqas ta’ qbil għall-arbitraġġ kif previst fl-Artikolu 29(3) tal-Ftehim.
KAPITOLU II
GRUPP TA’ ĦIDMA
Artikolu 11
Grupp ta’ ħidma dwar il-proċeduri u l-miżuri doganali ta’ sigurtà
Għandu jinħoloq grupp ta’ ħidma bir-responsabbiltà li jassisti lill-Kumitat fit-twettiq tad-doveri tiegħu fl-oqsma koperti mill-Kapitoli II (proċeduri) u III (miżuri doganali ta’ sigurtà) tal-Ftehim.
Artikolu 12
Liġijiet interni tal-grupp ta’ ħidma
L-Artikoli minn 1 sa 6 u 9 ta’ din id-Deċiżjoni għandhom japplikaw mutatis mutandis għal-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma.
Artikolu 13
Id-dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Settembru 2012.
Għall-Kumitat konġunt
Il-President
Antonis KASTRISSIANAKIS