29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/61


DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUMITAT SPEĊJALI UE-ĊILÌ DWAR KOOPERAZZJONI DOGANALI U REGOLI TAL-ORIĠINI

tas-27 ta’ Marzu 2012

relatata mal-Anness III tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, fuq in-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti ta’ oriġini u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

(2012/346/UE)

IL-KUMITAT SPEĊJALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim iffirmat fit-18 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa waħda, u r-Repubblika taċ-Ċilì, fuq in-naħa l-oħra (1) (“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”), u b’mod partikolari t-termini “territorju doganali tal-Komunità” l-Artikolu 36(2) tal-Anness III tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti ta’ oriġini u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva,

Billi:

(1)

L-Anness III tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli tal-oriġini għall-prodotti li joriġinaw fit-territorji tal-Partijiet f’dak il-Ftehim.

(2)

L-Anness III tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jirreferi għat-terminu “Komunità” fit-test tiegħu.

(3)

Għall-għanjiet tal-Anness III tal Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, hu kkunsidrat xieraq li wieħed jiddefinixxi t-termini “Komunità” u “territorju doganali tal-Komunità” sabiex wieħed jiżgura l-applikazzjoni territorjali korretta ta’ dak l-Anness permezz ta’ Nota ta’ Spjegazzjoni annessa miegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-iskopijiet tal-Artikolu 36(2) tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, it-terminu “territorju doganali tal-Komunità” għandu jkopri t-territorju doganali tal-Komunità Ewropea (issa l-Unjoni Ewropea) kif indikat fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2), mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe emenda futura jew tħassir ta’ leġiżlazzjoni eżistenti.

Din in-Nota ta’ Spjegazzjoni għall-Anness III għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Titolu VII dwar Ceuta u Melilla ta’ dak l-Anness.

Artikolu 2

Għall-għanjiet tal-Anness III tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, it-terminu “Komunità” tfisser it-territorju doganali tal-Kommunità Ewropea (issal-Unjoni Ewropea) kif stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ sittin jum wara d-data li fiha l-aħħar Parti tkun innotifikat li r-rekwiżiti interni tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkunu ġew milħuqa.

Magħmul f’Santjago, iċ-Ċilì, is-27 ta’ Marzu 2012.

F’isem il-Kumitat Speċjali

Il-President

Paulina NAZAL


(1)  ĠU L 352, 30.12.2002, p. 3.

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992. p. 1.