18.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 106/28


DEĊIŻJONI Nru 1/2012 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA

tal-20 ta’ Frar 2012

li temenda l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 4 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti oriġinarji” u dwar il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva

(2012/198/UE)

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 39 tal-Protokoll 4 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 4 (1) għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (2) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim"), jippermetti, soġġett għal ċerti kondizzjonijiet, ir-rifużjoni tad-dazji doganali jew ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti, jew l-eżenzjoni minnhom, sal-31 ta' Diċembru 2009.

(2)

Biex tiġi żgurata ċ-ċarezza, il-previdibbiltà ekonomika fit-tul u ċ-ċertezza legali għall-operaturi ekonomiċi, il-Partijiet għall-Ftehim qablu li jestendu l-perijodu ta' applikazzjoni tal-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 4 għall-Ftehim bi tliet snin, b'effett mill-1 ta' Jannar 2010.

(3)

Minbarra dan, ir-rati ta' ħlasijiet doganali attwalment applikabbli fit-Tuneżija għandhom jiġu aġġustati sabiex jiġu allineati ma' dawk li japplikaw fl-Unjoni Ewropea.

(4)

Il-Protokoll 4 għall-Ftehim għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(5)

Billi l-Artikolu 15(7) tal-Protokoll 4 għall-Ftehim ma jibqax japplika wara l-31 ta' Diċembru 2009, din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 15(7) tal-Protokoll Nru 4 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta' "prodotti oriġinarji" u dwar il-metodi ta' kooperazzjoni amministrattiva huwa sostitwit b'dan li ġej:

"7.   Minkejja l-paragrafu 1, it-Tuneżija tista', ħlief għal prodotti li jaqgħu fi ħdan il-Kapitoli 1 sa 24 tas-Sistema Armonizzata, tapplika arranġamenti għal rifużjoni ta', jew eżenzjoni minn, dazji doganali jew ħlasijiet li għandhom effett ekwivalenti, applikabbli għal materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta' prodotti oriġinarji, soġġett għad-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandha tinżamm rata ta' 4 % ta' ħlas doganali fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-Kapitoli 25 sa 49 u 64 sa 97 tas-Sistema Armonizzata, jew kwalunkwe rata aktar baxxa li tkun fis-seħħ fit-Tuneżija;

(b)

għandha tinżamm rata ta' 8 % ta' ħlas doganali fir-rigward tal-prodotti li jaqgħu fi ħdan il-Kapitoli 50 sa 63 tas-Sistema Armonizzata, jew kwalunkwe rata aktar baxxa li tkun fis-seħħ fit-Tuneżija.

Dan il-paragrafu għandu japplika sal-31 ta' Diċembru 2012 u jista' jiġi rivedut bi qbil komuni.".

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika mill-1 ta' Jannar 2010.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2012.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija

Il-President

C. ASHTON


(1)  ĠU L 260, 21.9.2006, p. 3.

(2)  ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.