13.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/25


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 173/2012

tat-28 ta’ Settembru 2012

li temenda l-Anness XI (Komunikazzjoni elettronika, servizzi awdjoviżivi u soċjetà tal-informazzjoni) għall-Ftehim ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat mill-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (1) għandu jiġi inkorporat fil-Ftehim.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li hu inkorporat fil-Ftehim u li għalhekk għandu jitħassar skont il-Ftehim.

(3)

L-Anness XI għall-Ftehim ŻEE għandu għalhekk jiġi emendat kif adatt,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

It-test tal-punt 5cu (ir-Regolament (KE) Nru 717/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) fl-Anness XI għall-Ftehim ŻEE għandu jinbidel b’li ġej:

32012 R 0531: ir-Regolament (UE) Nru 531/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta’ komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet tal-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 1(6):

‘Fin-nuqqas ta’ rata tal-kambju tal-euro mal-króna Islandiża ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 173/2012 tat-28 ta’ Settembru 2012 li tinkorpora dan ir-Regolament fil-Ftehim ŻEE, ser tapplika r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Islandiż fl-istess ġurnata.

Għall-finijiet tal-limiti sussegwenti u t-tariffi massimi previsti fl-Artikolu 7(2), l-Artikolu 9(1) u l-Artikolu 12(1), ir-rati tal-kambju ta’ referenza applikati biex jiġu ddeterminati l-valuri riveduti, fil-każ tal-króna Islandiża u fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni korrispondenti mill-Bank Ċentrali Ewropew, ser ikunu dawk ippubblikati mill-Bank Ċentrali Islandiż xahrejn qabel id-data mil-liema l-valuri riveduti japplikaw.’

(b)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied fl-Artikolu 1(7):

‘Fin-nuqqas ta’ rata tal-kambju tal-euro mal-króna Islandiża ppubblikata mill-Bank Ċentrali Ewropew fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 173/2012 tat-28 ta’ Settembru 2012 li tinkorpora dan ir-Regolament fil-Ftehim ŻEE, ser tapplika r-rata tal-kambju ppubblikata mill-Bank Ċentrali Islandiż f’dik l-istess ġurnata.

Għall-finijiet tal-limiti sussegwenti u t-tariffi massimi previsti fl-Artikolu 8(2), l-Artikolu 10(2) u l-Artikolu 13(2), ir-rati tal-kambju ta’ referenza applikati biex jiddeterminaw il-valuri riveduti, fil-każ tal-króna Islandiża u fin-nuqqas ta’ pubblikazzjoni korrispondenti mill-Bank Ċentrali Ewropew, ser ikunu l-medja tar-rati tal-kambju ppubblikati mill-Bank Ċentrali Islandiż xahrejn, tlieta u erba’ qabel id-data mil-liema l-valuri riveduti japplikaw.’ ”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 bil-lingwa Islandiża u dik Norveġiża, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE ma’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Novembru 2012 jew fil-jum li jiġi wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (*), liema wieħed minnhom jiġi l-aktar tard.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fis-Suppliment taż-ŻEE tiegħu.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2012.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Atle LEIKVOLL


(1)  ĠU L 172, 30.6.2012, p. 10.

(2)  ĠU L 171, 29.6.2007, p. 32.

(*)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.