8.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 309/23


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 140/2012

tat-13 ta’ Lulju 2012

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi barra mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ il-“Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim kien emendat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 122/2012 tal-15 ta’ Ġunju 2012 (1).

(2)

Ikun xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tiġi estiża sabiex tinkludi r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (2).

(3)

Ikun xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim tiġi estiża biex tkun tkopri l-qasam tal-isport.

(4)

Ir-Regolament (KE) Nru 401/2009 jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1210/90 (3), li hu inkorporat fil-Ftehim u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim.

(5)

Għaldaqstant, il-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu jiġi emendat sabiex din l-estensjoni tal-kooperazzjoni tkun tista’ sseħħ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim huwa emendat kif ġej:

1.

Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 3 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

L-Istati tal-EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fl-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, minn hawn ’il quddiem imsejħa l-‘Aġenzija’, u fin-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent, kif stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta’ Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent (*1).

(b)

L-Istati tal-EFTA jikkontribwixxu finanzjarjament għall-attivitajiet li hemm referenza għalihom fil-punt (a), f’konformità mal-Artikolu 82(1) u mal-Protokoll 32 tal-Ftehim.

(c)

Minħabba l-punt (b), l-Istati tal-EFTA jipparteċipaw bis-sħiħ fil-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija mingħajr ma jkollhom id-dritt għall-vot, u jkunu assoċjati mal-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku tal-Aġenzija.

(d)

It-terminu ‘Stat(i) Membru/i’ u termini oħra li jagħmlu referenza għall-entitajiet pubbliċi tagħhom imsemmija fl-Artikoli 4 u 5 tar-Regolament għandhom jinftiehmu b’tali mod li, apparti t-tifsira tagħhom fir-Regolament, ikunu jinkludu lill-Istati tal-EFTA u lill-entitajiet pubbliċi tagħhom.

(e)

Id-dejta ta’ natura ambjentali li tiġi pprovduta lill-Aġenzija jew li tirriżulta minnha, tkun tista’ tiġi ppublikata u tkun aċċessibbli għall-pubbliku, sakemm l-Istati tal-EFTA joffru livell ta’ protezzjoni għall-informazzjoni kunfidenzjali li jkun ugwali għal dak li jingħata fi ħdan il-Komunità.

(f)

L-Aġenzija jkollha personalità ġuridika. Fl-Istati kollha tal-Partijiet Kontraenti, tkun tgawdi mill-aktar kapaċità ġuridika estensiva li tingħata lill-persuni ġuridiċi skont il-liġijiet tagħhom.

(g)

L-Istati tal-EFTA japplikaw il-Protokoll tal-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għall-Aġenzija.

(h)

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 12(2)(a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ persunal ieħor tal-Komunitajiet Ewropej, iċ-ċittadini tal-Istati tal-EFTA li jgawdu mid-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini, jistgħu jiddaħħlu jaħdmu b’kuntratt mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija.

(i)

Bis-saħħa tal-Artikolu 79(3), il-Parti VII (id-Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim tapplika għal dan il-paragrafu.

(j)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għall-fini ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 401/2009, għandu japplika wkoll għal kull dokument tal-Aġenzija rigward l-Istati Membri tal-EFTA.

(*1)   ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.” "

2.

L-intestatura tal-Artikolu 4 (L-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ) tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“L-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim (*2).

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Atle LEIKVOLL


(1)   ĠU L 270, 4.10.2012, p. 46.

(2)   ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.

(3)   ĠU L 120, 11.5.1990, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15 Volum 01 pp. 396 - 401).

(*2)  L-ebda rekwiżiti kostituzzjonali ma huma indikati.