29.6.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 169/2


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u ir-Repubblika tal-Albanija li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija fl-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

L-UNJONI EWROPEA,

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-ALBANIJA

min-naħa l-oħra,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa l-“Partijiet”,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tieħu azzjoni fil-qasam tal-immaniġġar ta’ kriżijiet.

(2)

L-Unjoni Ewropea ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jkunux mistiedna jipparteċipaw f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet. Ir-Repubblika tal-Albanija tista’ taċċetta l-istedina tal-Unjoni Ewropea u toffri l-kontribut tagħha. F’tali każ, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost tar-Repubblika tal-Albanija.

(3)

Il-kondizzjonijiet rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jiġu stabbiliti fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni fil-ġejjieni, pjuttost milli dawk il-kondizzjonijiet jiġu definiti skont il-każ għal kull operazzjoni konċernata.

(4)

Tali ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, u ma għandux jiġġudika minn qabel in-natura speċifika tad-deċiżjonijiet tar-Repubblika tal-Albanija li tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

(5)

Tali ftehim għandu jindirizza biss operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fil-ġejjieni u għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim li possibbilment ikun diġà jeżisti li jirregolaw il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li tkun diġà nbdiet.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea li tistieden lir-Repubblika tal-Albanija biex tipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ladarba r-Repubblika tal-Albanija tkun iddeċidiet li tipparteċipa, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-kontribut propost tagħha lill-Unjoni Ewropea.

2.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni Ewropea tal-kontribut tar-Repubblika tal-Albanija għandha ssir b’konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Albanija.

3.   L-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi lir-Repubblika tal-Albanija b’indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lir-Repubblika tal-Albanija fil-formulazzjoni tal-offerta tagħha.

4.   L-Unjoni Ewropea għandha tikkomunika r-riżultat ta’ dik il-valutazzjoni lir-Repubblika tal-Albanija permezz ta’ ittra bil-ħsieb li tiżgura l-parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Albanija skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 2

Qafas

1.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandu jassoċja ruħu mad-Deċiżjoni tal-Kunsill li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li l-UE twettaq l-operazzjoni għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u ma’ kwalunkwe deċiżjoni oħra li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv meħtieġ.

2.   Il-kontribut tar-Repubblika tal-Albanija għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Status ta’ persunal u forzi

1.   L-istatus ta’ persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u/jew tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet mir-Repubblika tal-Albanija għandhom ikunu rregolati mill-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni, jekk disponibbli, konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat jew Stati li fihom titwettaq l-operazzjoni.

2.   L-istatus tal-persunal ikkontribwit għall-kwartieri ġenerali jew elementi ta’ kmand li jinstabu barra l-Istat(i) li fih(om) issir l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, għandu jiġi regolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u elementi ta’ kmand ikkonċernati u r-Repubblika tal-Albanija.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi/missjoni msemmi fil-paragrafu 1, ir-Repubblika tal-Albanija għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

4.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tkun responsabbli biex tirrispondi għal kwalunkwe talba konnessa mal-parteċipazzjoni f’operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, li tiġi minn jew tikkonċerna kwalunkwe membru tal-persunal tagħha. Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tkun responsabbli biex tressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinari, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tagħha, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għat-talbiet kollha, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu, telf jew distruzzjoni ta’ assi li jkunu proprjetà ta’/operati minn Parti jew oħra, jew korriment jew mewt ta’ persunal ta’ Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-dmirijiet uffiċjali tagħhom b’rabta mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina b’mod volontarju.

6.   Ir-Repubblika tal-Albanija tintrabat li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li fiha tipparteċipa r-Repubblika tal-Albanija, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni Ewropea tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta’ pretensjonijiet, għal kwalunkwe parteċipazzjoni futura tar-Repubblika tal-Albanija f’operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, u li tagħmel dan meta tkun qed tiffirma dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni kklassifikata

1.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tieħu miżuri adatti sabiex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun imħarsa skont ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li jinstabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (1) u skont gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE dwar operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jew il-Kap tal-Missjoni tal-UE dwar operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Fejn l-UE u r-Repubblika tal-Albanija jkunu kkonkludew ftehim dwar proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest ta’ operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tiżgura li l-persunal tagħha ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jidħol għall-missjoni tiegħu b’mod konformi ma’:

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

il-miżuri implimentattivi.

2.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tinforma fiż-żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet (“il-Kap tal-Missjoni”) u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (“ir-RGħ”) bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

3.   Persunal issekondat lill-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, vaċċinazzjoni u għandu jkun ċertifikat b’mod mediku li hu b’saħħtu għax-xogħol minn awtorità kompetenti mir-Repubblika tal-Albanija. Il-persunal issekondat lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandu jipproduċi kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni.

Artikolu 6

Linja ta’ kmand

1.   Il-persunal issekondat mir-Repubblika tal-Albanija għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f’moħħu biss l-interessi tal-operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-persunal kollu għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

3.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operattiv lill-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jieħu r-responsabbiltà u jeżerċita kmand u kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fuq il-post.

5.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tagħha ta’ kuljum.

6.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ amministrazzjoni ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jipparteċipaw fl-operazzjoni, skont l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1).

7.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-maniġġar ta’ kriżijiet. Meta jkun meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali konċernata.

8.   Għandu jiġi maħtur Punt Kontinġenti ta’ Kuntatt Nazzjonali (“NPC”) mir-Repubblika tal-Albanija biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni. L-NPC għandu jirraporta lill-Kap tal-Missjoni dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent.

9.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Albanija jekk huwa jkun għadu qed jikkontribwixxi lill-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet fid-data tat-tmiem tal-operazzjoni.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stabbilit fil-baġit operattiv tal-operazzjoni.

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Albanija għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-ftehim tal-missjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operattiv

1.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tal-Albanija lill-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi tal-formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-dħul nazzjonali gross minn hawn ‘il quddiem DNG tar-Repubblika tal-Albanija fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operattiv tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta’ referenza għall-baġit operattiv li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal tar-Repubblika tal-Albanija parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, ir-Repubblika tal-Albanija ma għandha tagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta’ għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika tal-Albanija minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li r-Repubblika tal-Albanija tipprovdi kontribuzzjoni sinifikattiva li hija essenzjali għal din l-operazzjoni; jew

(b)

ir-Repubblika tal-Albanija għandha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

5.   Għandu jiġi ffirmat arranġament dwar il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tar-Repubblika tal-Albanija għall-baġit operattiv tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet bejn il-Kap tal-Missjoni u s-servizzi amministrattivi rilevanti tar-Repubblika tal-Albanija. Dak l-arranġament għandu, inter alia, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-ammont ikkonċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(c)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F’OPERAZZJONIJIET MILITARI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA’ KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet

1.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tiżgura li l-forzi u l-persunal tagħha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jidħlu għall-missjoni tagħhom skont:

(a)

id-Deċiżjoni tal-Kunsill u emendi sussegwenti kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(b)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(c)

il-miżuri implementattivi.

2.   Persunal issekondat mir-Repubblika tal-Albanija għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu billi jżomm f’moħħu biss l-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet.

3.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tinforma lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE fi żmien debitu bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni.

Artikolu 10

Linja ta’ kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kmand Operattiv u Tattiku u/jew il-kontroll tal-forzi u tal-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat li jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandu jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ tmexxija ta’ kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri parteċipanti tal-Unjoni Ewropea.

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista’, wara konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Albanija, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribut tar-Repubblika tal-Albanija.

5.   Rappreżentant Militari Għoli (“SMR”) għandu jiġi maħtur mir-Repubblika tal-Albanija biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tagħha fl-operazzjoni militari ta’ mmaniġġar ta’ kriżijiet tal-UE. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forza tal-UE dwar il-materji kollha li jolqtu l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta’ kuljum tal-kontinġent tar-Repubblika tal-Albanija.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12 ta’ dan il-Ftehim, ir-Repubblika tal-Albanija għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni sakemm l-ispejjeż ma jkunux suġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1) ta’ dan il-Ftehim, kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/975/PESK tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-UE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta’ difiża (2).

2.   F’każ ta’ mewt, korriment, telf jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni, ir-Repubblika tal-Albanija għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens skont il-kondizzjonijiet previsti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi, imsemmi fl-Artikolu 3(1).

Artikolu 12

Kontribut għall-ispejjeż komuni

1.   Ir-Repubblika tal-Albanija għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE tal-immaniġġar ta’ kriżijiet.

2.   Il-kontribuzzjoni finanzjarja tar-Repubblika tal-Albanija għall-baġit operattiv għandha tiġi kkalkolata abbażi taż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-inqas ammont:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tad-DNG tar-Repubblika tal-Albanija fit-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun proporzjonali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mir-Repubblika tal-Albanija parteċipanti fl-operazzjoni għan-numru totali ta’ persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fil-kalkolu ta’ 2(b), fejn ir-Repubblika tal-Albanija tikkontribwixxi persunal għall-Operazzjoni jew il-Kwartieri Ġenerali ta’ Forza biss, il-proporzjon użat għandu jkun dak tal-persunal tagħha għal dak tan-numru totali tal-persunal rispettiv tal-kwartieri ġenerali. F’każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kontribwit mir-Repubblika tal-Albanija għal dak tal-persunal totali tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni Ewropea għandha, fil-prinċipju, teżenta lir-Repubblika tal-Albanija minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-ispejjeż komuni ta’ operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li r-Repubblika tal-Albanija tipprovdi kontribut sinifikattiv għall-assi u/jew għall-kapaċitajiet li jkunu essenzjali għall-operazzjoni; jew

(b)

ir-Repubblika tal-Albanija għandha DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta’ kwalunkwe Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

4.   Għandu jiġi konkluż arranġament bejn l-Amministratur previst fid-Deċiżjoni 2008/975/PESK, u l-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija. Dak l-arranġament għandu jinkludi inter alia dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont ikkonċernat;

(b)

l-arranġamenti għall-ħlas tal-kontribuzzjoni finanzjarja;

(c)

il-proċedura tal-verifika tal-kontijiet.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8(5) u 12(4) kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ għall-implementazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Albanija.

Artikolu 14

Non-konformità

Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż minn qabel ta’ xahar.

Artikolu 15

Riżoluzzjoni ta’ tilwim

It-tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġu riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod proviżorju mid-data tal-firma.

3.   Dan il-Ftehim għandu jkun suġġett għal reviżjoni regolari.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat abbażi ta’ ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet.

5.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi ddenunzjat minn kwalunkwe Parti b’notifika bil-miktub ta’ denunzja mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali denunzja għandu jkollha effett sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

Magħmul fi Brussell, fil-ħames jum ta’ Ġunju tas-sena elfejn u tnax, f’żewġ kopji, kull waħda minnhom bil-lingwa Ingliża.

Għall-Unjoni Ewropea

Għar-Repubblika tal-Albanija


(1)  ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.

(2)  ĠU L 345, 23.12.2008, p. 96.


TEST GĦAD-DIKJARAZZJONIJIET

Test għall-Istati Membri tal-UE:

“L-Istati Membri tal-UE li japplikaw Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li tipparteċipa fiha r-Repubblika tal-Albanija jagħmlu ħilithom, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw safejn ikun possibbli talbiet kontra r-Repubblika tal-Albanija għal korriment, mewt ta’ persunal, jew dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal mir-Repubblika tal-Albanija fit-twettiq tad-doveri tiegħu f’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew ta’ kondotta skorretta volontarja, jew

irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi li huma l-proprjetà tar-Repubblika tal-Albanija, bil-kondizzjoni li l-assi ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba skorretta volontarja ta’ persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet mir-Repubblika tal-Albanija li kienet qed tuża dawk l-assi.”.

Test għar-Repubblika tal-Albanija:

“Ir-Repubblika tal-Albanija filwaqt li tapplika Deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet tagħmel ħilitha, safejn is-sistema legali interna tagħhom tippermetti, biex tirrinunzja sa fejn ikun possibbli talbiet kontra kwalunkwe Stat ieħor li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet għal korriment, mewt ta’ persunal tiegħu, jew dannu lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li jkunu proprjetà tiegħu u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet jekk tali korriment, mewt, dannu jew telf:

kien ikkawżat minn persunal fl-eżekuzzjoni tad-doveri tagħhom b’konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja, jew

irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi li huma l-proprjetà ta’ Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet, bil-kondizzjoni li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni mal-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta’ persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta’ kriżijiet li jkun qed juża dawk l-assi.”.