8.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 264/14


KOSTITUZZJONI TAL-GRUPP INTERNAZZJONALI TA’ STUDJU FUQ IL-GOMMA

DAĦLA

Il-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ il-Grupp) ġie stabbilit fl-1944 bl-istatus ta’ organizzazzjoni internazzjanali rikonoxxuta fir-Renju Unit. Il-Grupp kien u għadu bbażat fis-Singapor, rikonoxxut bħala organizzazzjoni internazzjonali, mill-1 ta’ Lulju 2008.

I   Għanijiet

1.

Il-Grupp jipprovdi forum għad-diskussjoni ta’ kwistjonijiet li jaffettwaw il-produzzjoni u l-konsum, kif ukoll il-kummerċ, ta’ gomom naturali u sintetiċi. L-għan tal-Grupp huwa li tinġabar u titqassam informazzjoni statistika komprensiva dwar l-industrija tal-gomma fid-dinja, biex b’hekk tikber it-trasparenza fis-swieq tal-gomma u fix-xejriet tas-suq.

2.

Il-Grupp jista’ jikkopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra li huma rilevanti għall-kisba tal-għanijiet tiegħu.

II   Funzjonijiet

1.

Il-Grupp se jiltaqa’ perjodikament fil-ħin u fil-postijiet konvenjenti għall-Membri sabiex tiġi riveduta l-pożizzjoni statistika u biex jiġu diskussi l-problemi komuni tal-industrija tal-gomma.

2.

Il-Grupp għandu jagħmel jew jinkariga dawn ir-reviżjonijiet u studji dwar is-sitwazzjoni globali tal-gomma skont il-kunsiderazzjonijiet tagħha, b’kont meħud partikolarment tal-forniment ta’ informazzjoni komprensiva dwar il-pożizzjoni tad-domanda u l-provvista u l-iżvilupp probabbli tagħha.

III   Definizzjonijiet

1.

Il-“Grupp” tfisser il-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma (GISG).

2.

“Kapijiet ta’ Delegazzjoni” tfisser l-ogħla awtorità tal-Grupp magħmula mir-rappreżentanti tal-Membri.

3.

“Il-Pajjiż Ospitanti” tfisser il-Membru li miegħu l-Grupp ikkonkluda l-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali.

4.

Kull referenza f’din il-Kostituzzjoni għal “Membru” jew “Pajjiż” għandha titqies li tinkludi l-Unjoni Ewropea u kull organizzazzjoni intergovernattiva li għandha kompentenza esklussiva fuq materji koperti minn din il-Kostituzzjoni u r-responsabbiltajiet fir-rigward tan-negozjar, konklużjoni u applikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali, b’mod partikolari, ftehimiet dwar merċi.

5.

Is-Summit Dinji dwar il-Gomma huwa konferenza pubblika għall-industrija u l-gvernijiet organizzata mill-GISG.

6.

Produttur tal-gomma naturali huwa kwalunkwe Membru li l-produzzjoni minnu ta’ gomma naturali tkun aktar mill-konsum tal-gomma naturali.

7.

Konsumatur tal-gomma huwa kwalunkwe Membru għajr produttur ta’ gomma naturali.

8.

Il-gomma naturali hija l-prodott li ġej mil-latex mis-siġra Hevea brasiliensis.

9.

Il-gomma sintetika tinkludi elastomeri tat-termoset, abbażi tal-proċess tal-polimerizzazzjoni, li huwa l-assemblar kimiku tal-monomeri biex jiffurmaw polimeru.

10.

Il-gomma hija gomma naturali jew gomma sintetika, esklużi forom riċiklati ta’ gomma.

11.

“Maġġoranza sempliċi” tfisser maġġoranza ta’ voti.

IV   Kwartieri Ġenerali

Il-Kwartieri Ġenerali tal-Grupp għandhom ikunu fit-territorju ta’ Membru u l-Grupp għandu jkollu hemmhekk Segretarjat biex iwettaq ix-xogħol tiegħu.

V   Sħubija

1.

Is-sħubija għall-Grupp għandha tkun miftuħa għall-Pajjiżi interessati fil-produzzjoni jew fil-konsum, jew fil-kummerċ, ta’ gomom naturali u sintetiċi.

2.

Għandu jkun hemm żewġ kategoriji ta’ sħubija fil-Grupp, jiġifieri l-produtturi tal-gomma naturali u l-konsumaturi tal-gomma.

VI   Obbligazzjonijiet tal-Membri

1.

Il-membri għandhom jagħmlu l-aħjar sforzi tagħhom biex jipprovdu lis-Segretarjat bl-istatistika eżatta dwar il-produzzjoni u l-konsum, kif ukoll il-kummerċ, tal-gomma fit-territorji rispettivi tagħhom u b’informazzjoni oħra li tkun rilevanti għall-istimi attwali u għax-xejriet fil-ġejjieni.

2.

Jekk Membru ma jkunx ipprovda, għal sentejn konsekuttivi, statistika korretta u l-informazzjoni meħtieġa u ma tingħata l-ebda spjegazzjoni sodisfaċenti, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jieħdu l-azzjoni li jqisu xierqa.

VII   Drittijiet ta’ Vot u Proċeduri

1.   Il-Membri flimkien għandu jkollhom għadd totali ta’ 100 vot.

2.   Il-voti għandhom jitqassmu fost il-Membri b’konformità mas-sehem annwali rispettiv tal-kontribuzzjonijiet tagħhom.

3.   Kull meta tinbidel is-sħubija jew meta d-drittijiet ta’ vot ta’ kwalunkwe Membru jiġu sospiżi jew mogħtija lura skont xi dispożizzjoni, il-voti għandhom jiġu kkalkulati mill-ġdid u mqassma mill-ġdid lill-Membri qabel ma dawn jerġgħu jivvutaw.

4.   Kull Membru għandu jkun intitolat li jitfa’ l-għadd ta’ voti li jkollu, u l-ebda Membru ma għandu jkun intitolat li jaqsam il-voti tiegħu.

5.   Permezz ta’ ittra lill-President tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni, lill-Kumitat tal-Istatistika u tal-Ekonomija jew kwalunkwe kumitat ieħor, kull produttur ta’ gomma naturali jista’ jawtorizza kull produttur ta’ gomma naturali ieħor u kull konsumatur tal-gomma jista’ jawtorizza kull konsumatur tal-gomma ieħor biex jirrappreżenta l-interessi tiegħu u biex jitfa’ l-voti tiegħu fi kwalunkwe laqgħa.

6.   Il-preżenza ta’ maġġoranza sempliċi ta’ Membri li tinkludi tal-inqas żewġ produtturi tal-gomma naturali u żewġ konsumaturi tal-gomma għandha tkun neċessarja biex tikkostitwixxi kworum f’kull laqgħa tal-Grupp.

7.   Proċeduri tal-votazzjoni

7.1.

Id-deċiżjonijiet fil-laqgħat kollha għandhom, fejn possibli, isiru b’kunsens mingħajr voti kontrarji, oġġezzjonijiet formali jew riservi dwar il-pożizzjoni. Il-Presidenti tal-laqgħat għandhom, f’kull waqt, jagħmlu minn kollox biex jiksbu konsensus għad-deċiżjonijiet kollha, u f’każ ta’ riservi dwar il-pożizzjoni, għandu jingħata biżżejjed ħin - dejjem jekk ikun possibli - sabiex jinkisbu kompromess u konsensus.

7.2.

Jekk, fl-opinjoni tal-President tal-laqgħa, ma jkun hemm l-ebda possibbiltà li jinkiseb konsensus fuq xi kwistjoni, din għandha titpoġġa għal vot.

7.3.

Ġeneralment, il-votazzjoni għandha ssir sabiex tinżamm it-trasparenza massima fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, u skont id-diskrezzjoni biss tal-President tal-laqgħa għandha ssir jew bil-wiri tal-idejn jew permezz ta’ sejħa. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-President jista’ jiddeċiedi li hemm bżonn ta’ vot sigriet jew ta’ vot postali tas-sħubija xierqa. Il-President jista’ jitlob li jsir vot sigriet dwar it-talba ta’ Membru wieħed jew aktar.

7.4.

Ġeneralment, id-deċiżjonijiet bil-vot, skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 7.5 u 7.6 hawn taħt, għandhom isiru b’maġġoranza sempliċi ta’ dawk preżenti u li jivvutaw, sakemm ikun hemm vot affermattiv minn tal-inqas żewġ produtturi tal-gomma naturali u żewġ konsumaturi tal-gomma naturali. Meta Membru jastjeni, huwa għandu jitqies li ma jkunx xeħet il-voti tiegħu.

Fejn Membru jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, u jitfa’ l-voti tiegħu f’laqgħa, dan il-Membru għandu, għall-finijiet tal-paragrafi 7.4, 7.5 u 7.6 ta’ dan l-Artikolu, ikun ikkunsidrat bħala preżenti u li qed jivvota.

7.5.

Deċiżjonijiet bil-vot dwar:

(a)

l-għażla tas-Segretarju Ġenerali;

(b)

l-approvazzjoni tal-baġit; u

(c)

is-sospensjoni tad-drittijiet ta’ Membru kif imsemmi fl-Artikolu XIV, paragrafu 4,

għandhom jeħtieġu maġġoranza sempliċi fi ħdan il-grupp tal-produtturi tal-gomma naturali kif ukoll fi ħdan il-grupp tal-konsumaturi tal-gomma li jkunu preżenti u li jivvutaw; u barra minn hekk, dawn il-voti flimkien għandhom jirrappreżentaw tal-inqas maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ dawk preżenti u li jivvutaw.

7.6.

Deċiżjonijiet li jikkonċernaw:

(a)

ir-reviżjoni jew it-terminazzjoni tal-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali;

(b)

l-emenda jew it-terminazzjoni tal-Kostituzzjoni;

(c)

il-lokalità tal-Kwartieri Ġenerali; u

(d)

l-approvazzjoni tal-abbozz tal-kontijiet verifikati,

għandhom jiġu determinati biss b’konsensus.

VIII   Is-Summit Dinji dwar il-Gomma

Il-Grupp għandu jiltaqa’ kull sena fit-territorju ta’ Membru. Madankollu, meta s-Summit Dinji dwar il-Gomma jkun organizzat fit-territorju ta’ pajjiż li mhuwiex Membru, il-laqgħat tal-Grupp jistgħu minflok jinżammu hemmhekk. Jekk l-ebda stedina ma tkun riċevuta u aċċettata, is-Summit Dinji dwar il-Gomma għandu jinżamm fil-Pajjiż Ospitanti. Pajjiżi mhux Membri, konsulenti tal-Industrija u esperti u osservaturi oħrajn jistgħu jiġu mistiedna biex jattendu s-Summit Dinji dwar il-Gomma.

IX   Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni

1.

Il-Membri li jikkostitwixxu l-Grupp għandhom jaħtru rappreżentant kull wieħed li jista’ jkun akkumpanjat minn konsulenti fi kwalunkwe laqgħa tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

2.

Il-President u l-Viċi-President għandhom ikunu eletti mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni u għandhom jibqgħu fil-kariga għal sentejn finanzjarji tal-Grupp; għandhom ikunu eliġibbli biex jerġgħu jiġu eletti għal terminu ieħor.

3.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jiltaqgħu fil-Kwartieri Ġenerali jew f’post ieħor skont kif jiddeċiedu huma.

4.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jiltaqgħu tal-inqas darba fl-ewwel nofs tas-sena kalendarja u f’dawk iż-żminijiet li jiġu stabbiliti mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

5.

Jekk ir-rappreżentant tiegħu ma jkunx jista’ jkun preżenti għal laqgħa tal-Grupp, kull Membru jista’ jkun rappreżentat b’sostitut. Dan is-sostitut għandhu jingħata l-istess privileġġi bħar-rappreżentant, inklużi d-drittijiet ta’ vot.

6.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu jaħtru kumitati jew bords konsultattivi oħrajn li jitqiesu neċessarji minn żmien għal żmien u għandhom jiddeterminaw is-sħubija u l-funzjonijiet tagħhom.

7.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jaħtru awdituri indipendenti biex jivverifikaw il-kontijiet tal-Grupp.

8.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jawtorizzaw it-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ dawk l-istudji dwar il-pożizzjoni dinjija tal-gomma u dwar suġġetti oħrajn li huma jqisu neċessarji.

9.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jadottaw ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp.

X   Is-Segretarjat u s-Segretarju Ġenerali

1.

Is-Segretarjat huwa stabbilit biex ix-xogħol tal-Grupp jitwettaq b’mod xieraq.

2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun il-kap eżekuttiv tas-Segretarjat u jkun responsabbli lejn il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għax-xogħol tiegħu.

3.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jiġi maħtur mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għal terminu ta’ erba’ snin, li jiġġedded għal terminu ieħor sa’ erba’ snin. Ir-regoli għall-għażla għandhom jiġu deċiżi mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

4.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet tas-Segretarju Ġenerali.

5.

Il-funzjonijiet tas-Segretarjat huma:

(a)

li jipprovdi l-aħjar informazzjoni possibbli dwar statistika u kwistjonijiet ekonomiċi usa’ relatati mal-gomma;

(b)

li jipprovdi u jimplimenta l-programm ta’ ħidma;

(c)

li jipprovdi kollegament, bejn il-laqgħat, bejn il-Membri dwar kwistjonijiet fuq il-gomma;

(d)

li jagħmel il-preparazzjonijiet neċessarji għal-laqgħat; u

(e)

li jżomm kuntatt ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u industriji oħrajn li xogħolhom hu rilevanti u ta’ interess għax-xogħol tal-Grupp.

XI   Il-Kumitat tal-Istatistika u tal-Ekonomija

1.

Il-Kumitat tal-Istatistika u tal-Ekonomija għandu jikkonsisti fil-Membri kollha li jixtiequ jipparteċipaw fih.

2.

Il-Kumitat għandu juża l-għarfien tal-Bord Konsultattiv tal-Industrija.

3.

Il-Membri fi ħdan il-Kumitat għandhom jaħtru l-President u l-Viċi President minn fosthom jew mill-Bord Konsultattiv tal-Industrija. Dawn l-uffiċjali għandhom jaqdu dmirijiethom għal sentejn finanzjarji u għandhom ikunu eliġibbli biex jerġgħu jiġu eletti għal terminu ieħor.

4.

Il-Kumitat għandu jiltaqa’ tal-inqas darba f’kull sena kalendarja - u f’dawk l-okkażjonijiet li jistgħu jiġu stabbiliti mill-Kumitat.

5.

Il-Kumitat għandu:

(a)

janalizza u jirrivedi d-dejta tal-istatistika pprovduta mis-Segretarjat dwar il-pożizzjonijiet ta’ forniment/domanda;

(b)

japprova, josserva u jirrivedi l-Programm ta’ Ħidma tas-Segretarjat, billi jqis l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet magħmula lilu mill-Bord Konsultattiv tal-Industrija; u

(c)

jirrakkomanda lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni dwar il-bidu, il-kontinwazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-karti mħejjija fil-Programm ta’ Ħidma inkluża l-preżentazzjoni ta’ dan ir-rapport lill-Kapijiet ta’ Delegazzjonijiet għall-approvazzjoni.

XII   Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija

1.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom iwaqqfu Bord Konsultattiv tal-Industrija biex jipprovdi mod ta’ komunikazzjoni b’parteċipazzjoni mill-partijiet kollha tas-settur tal-gomma, inklużi l-industrija, il-kummerċ, l-akkademja, ir-riċerka u t-teknoloġija. Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu proċedura trasparenti biex jintgħażlu l-membri tal-Bord Konsultattiv tal-Industrija.

2.

Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija għandu jagħżel il-President u l-Viċi President tiegħu. Dawn l-uffiċjali għandhom jaqdu dmirijiethom għal sentejn finanzjarji u għandhom ikunu eliġibbli biex jerġgħu jiġu eletti għal terminu ieħor.

3.

Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija għandu:

(a)

jikkontribwixxi opinjonijiet u rakkomandazzjonijiet lejn it-twaqqif tal-programm ta’ ħidma tas-Segretarjat;

(b)

jgħin lill-Kumitat tal-Istatistika u tal-Ekonomija fil-monitoraġġ u r-reviżjoni tal-programm ta’ ħidma tas-Segretarjat;

(c)

jgħin lill-Kumitat tal-Istatistika u tal-Ekonomija fil-valutazzjoni tal-proposti tal-proġetti ffinanzjati minn entitajiet oħra; u

(d)

jagħmel rapporti u rakkomandazzjonijiet kif meqjusa xierqa lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

4.

Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija għandu jiltaqa’ tal-inqas darba fis-sena u f’dawk iż-żminijiet li jiġu stabbiliti mill-Bord Konsultattiv tal-Industrija. Il-Membri għandu jkollhom status ta’ osservaturi fil-laqgħat tal-Bord Konsultattiv tal-Industrija kif xieraq.

5.

Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija kif rappreżentat mill-President jew mill-Viċi President tiegħu għandu jkun osservatur fil-laqgħat kollha tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni kif xieraq.

XIII   Status

1.

Il-Grupp għandu jkollu personalità ġuridika. Għandu, b’mod partikolari, jkollu l-kapaċità li jikkuntratta, jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u li jressaq proċeduri legali taħt il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali konkluż bejn il-Pajjiż Ospitanti u l-Grupp.

2.

L-istatus, privileġġi u immunitajiet tal-Grupp, tas-Segretarju Ġenerali tiegħu, tal-persunal u l-esperti tiegħu, u r-rappreżentanti tal-Membri waqt li qegħdin fit-territorju tal-Pajjiż ospitanti għall-iskop li jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, għandhom ikunu regolati mill-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali konkluż bejn il-Pajjiż Ospitanti u l-Grupp.

XIV   Il-Baġit u r-Regoli Finanzjarji

1.

Il-membri għandhom, fuq bażi miftiehma, jikkontribwixxu l-introjtu meħtieġ għall-attivitajiet tal-Grupp. Is-somom kollha dovuti mill-Membri għandhom ikunu fil-valuta tal-pajjiż ospitanti.

2.

Mill-baġit annwali approvat, 60 % għandhom jintlaħqu mill-kontribuzzjonijiet bażiċi kif imħallsa f’ammonti ugwali mill-Membri kollha. Il-bilanċ ta’ 40 % tal-baġit approvat għandu jitħallas mill-Membri bi proporzjoni għall-medja tal-produzzjoni jew tal-konsum tagħhom (liema hu l-akbar) ta’ gomma fit-tliet snin kalendarji preċedenti għas-sena finanzjarja in kwistjoni. Fin-nuqqas tal-istatistika meħtieġa, is-Segretarju Ġenerali għandu jiddetermina skont l-aħjar informazzjoni disponibbli, il-kontribuzzjoni li għandha titħallas u għandu jistieden lill-Membri kkonċernati biex jaqblu ma’ din il-valutazzjoni.

3.

Membri ġodda li jingħaqdu mal-Grupp matul is-sena finanzjarja għandhom iħallsu kontribuzzjoni pro rata (fix-xahar) għall-bqija tas-sena. Il-kontribuzzjonijiet li jirċievu l-Membri l-ġodda ma għandhomx jaffettwaw il-kontribuzzjonijiet mill-Membri eżistenti fis-sena finanzjarja in kwistjoni, iżda għandhom jitqiesu fil-valutazzjoni tal-kontribuzzjonijiet fis-sena ta’ wara.

4.

Membri li għandhom sentejn kontribuzzjoni mhux imħallsa għandu jkollhom id-drittijiet tagħhom sospiżi sa meta jitħallsu l-arretrati u l-kontribuzzjonijiet tas-sena attwali, sakemm il-Grupp ma jiddeċidiex mod ieħor.

XV   Emendi

1.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu, b’kunsens skont l-Artikolu VII, paragrafu 7.6, jadottaw emendi għal din il-Kostituzzjoni. Is-Segretarjat għandu jinnotifika lill-Membri bl-emendi.

2.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jispeċifikaw id-data u l-proċeduri għall-applikazzjoni tal-emendi.

XVI   It-Tisħib, l-Irtirar u l-Esklużjoni mill-Grupp

1.

It-Tisħib mal-Grupp għandu jsir permezz ta’ notifika lis-Segretarju Ġenerali.

2.

Mat-tisħib, l-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li tissemma fl-Artikolu III, paragrafu 4, għandha tiddepożita dikjarazzjoni lis-Segretarjat, li tkun inħarġet mill-awtorità xierqa ta’ tali organizzazzjoni, li tispeċifika n-natura u l-grad ta’ kompetenza tagħha dwar il-kwistjonijiet regolati minn din il-Kostituzzjoni, u għandha tinforma lis-Segretarjat bi kwalunkwe bidla sostanzjali f’tali kompetenza. Fejn l-Unjoni Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva tiddikjara kompetenza esklussiva fuq il-kwistjonijiet kollha regolati minn din il-Kostituzzjoni, l-Istati Membri ta’ dawn l-organizzazzjonijiet ma għandhomx ikunu eliġibbli biex isiru membri tal-Grupp u dawk li huma Membri għandhom jirtiraw mill-Grupp.

3.

L-avviż tal-irtirar minn Membru għandu jasal għand is-Segretarju Ġenerali bil-miktub sal-1 ta’ Novembru biex ikun effettiv fit-30 ta’ Ġunju tas-sena kalendarja sussegwenti. Il-Membri li javżaw wara l-1 ta’ Novembru għandhom ikunu responsabbli għall-kontribuzzjonijiet tas-sħubija għas-sena finanzjara ta’ wara.

4.

Jekk il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jiddeċiedu li Membru jkun qed jikser l-obbligi tiegħu skont din il-Kostituzzjoni, ikunu jistgħu, b’konsensus, jeskludu dak il-Membru mill-Grupp. Il-Membru li jkun kiser l-obbligi tiegħu ma għandux jivvota f’dawn il-kwistjonijiet.

5.

L-obbligi finanzjarji lejn il-Grupp li jkunu twettqu minn Membru skont din il-Kostituzzjoni qabel l-irtirar jew l-esklużjoni tiegħu ma għandhomx jintemmu permezz ta’ rtirar jew esklużjoni.

6.

Membru li jkun irtira mill-Grupp jew li ġie eskluż minnu ma għandux ikun intitolat għal kwalunkwe sehem mir-rikavat tax-xoljiment jew mill-assi l-oħra tal-Grupp u lanqas ma għandu tali Membru jkun responsabbli għall-ħlas ta’ kwalunkwe parti tad-defiċit, jekk ikun hemm, tal-Grupp mat-terminazzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni.

XVII   Terminazzjoni

1.

Din il-Kostituzzjoni għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni ma jiddeċidux b’kunsens li jtemmuha.

2.

Minkejja t-terminazzjoni ta’ din il-Kostituzzjoni, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jibqgħu f’tali funzjoni għal perjodu ta’ mhux aktar minn 18-il xahar sabiex iwettqu x-xoljiment tal-Grupp, inkluż il-ħlas tal-kontijiet, u, skont id-deċiżonijiet rilevanti li għandhom jittieħdu b’konsensus skont l-Artikolu VII, paragrafu 7.6, matul dak il-perjodu għandhom ikollhom dawk is-setgħat u funzjonijiet skont kif jista’ jkun meħtieġ għal dawn il-finijiet.


IR-REGOLI TA' PROĊEDURA TAL-GRUPP INTERNAZZJONALI TA' STUDJU FUQ IL-GOMMA

DAĦLA

Ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Grupp Internazzjoni ta’ Studju fuq il-Gomma huma formulati kif meħtieġ fil-Kostituzzjoni tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma, taħt il-paragrafu 9 tal-Artikolu IX. Dawn ir-Regoli ta’ Proċedura ġew adottati mill-Grupp fil-laqgħa tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni li nżammet nhar il-… fil-…

1.   Regoli ta’ Proċedura Finanzjarji

Is-sena finanzjarja għandha tkun mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Ġunju.

1.1.   Il-Kontribuzzjonijiet ta’ Sħubija

1.1.1.

Il-Kontribuzzjonijiet ta’ sħubija għandhom ikunu dovuti kull sena fl-1 ta’ Lulju mar-riċezzjoni tal-fattura uffiċjali mis-Segretarjat.

1.1.2.

Jekk Membru ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni tiegħu kompletament sal-1 ta’ Diċembru, is-Segretarju Ġenerali għandu jagħmel talba urġenti għall-ħlas immedjat.

1.1.3.

Jekk il-ħlas ma jsirx kompletament sal-1 ta’ Frar, is-Segretarju Ġenerali għandu jirrapporta l-arretrati lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni. Sussegwentement il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jikkunsidraw is-sospensjoni tad-drittijiet kollha għall-vot tal-Membru, ħlief meta jivvotaw fuq kwistjonijiet li jirriżultaw direttament minn deċiżjoni li jiġi xolt il-Grupp.

1.1.4.

Jekk il-ħlas ma jsirx kompletament sal-1 ta’ April, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom, sakemm fiċ-ċirkostanzi partikolari ma jiddeċidux mod ieħor, jissospendu s-servizzi kollha mogħtija mis-Segretarjat lill-Membru.

1.1.5.

Jekk Membru ma ħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu kompletament sal-aħħar tas-sena finanzjarja, il-valur tal-ħlas dovut għandu jinżamm billi jiżdied bir-rata annwali ta’ inflazzjoni fil-Pajjiż Ospitanti użata fil-kalkolu tal-baġit għal kull sena li għaliha l-ħlas jibqa' f'arretrati, sakemm il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni ma jiddeċidux mod ieħor.

1.1.6.

Il-ħlas rivedut għandu jiġi kkalkolat u notifikat lill-Membru mis-Segretarju Ġenerali fl-aħħar ta’ kull kwart tas-sena finanzjarja.

1.1.7.

L-ebda deċiżjoni jew azzjoni li tittieħed taħt id-dispożizzjonijiet ta’ din il-klawżola ma għandha tippreġudika d-drittijiet tal-Membru.

1.2.   Kont Bankarju

1.2.1.

Għandu jinżamm kont bankarju fil-Pajjiż Ospitanti f'isem il-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma.

1.2.2.

Il-kont bankarju għandu jitħaddem b'ċekkijiet/servizzi bankarji elettroniċi approvati

(a)

mis-Segretarju Ġenerali;

(b)

fin-nuqqas tiegħu mill-Kap tal-Ekonomija u tal-Istatistika, jew

(c)

fin-nuqqas tagħhom, mir-rappreżentant maħtur tal-Pajjiż Ospitanti lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

1.2.3.

Fejn jinqabeż il-limitu ta’ SGD 15 000, iċ-ċekkijiet/servizzi bankarji elettroniċi jeħtieġu żewġ firem, firma waħda tkun mis-Segretarjat u waħda mir-rappreżentant maħtur tal-Pajjiż Ospitanti lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

1.2.4.

Il-kontijiet tas-Segretarjat għandhom jinżammu mill-Kap tal-Maniġment u l-Amministrazzjoni.

1.2.5.

Is-Segretarjat jissorvelja l-kontijiet tal-bank rilevanti kollha li jitħaddmu fil-Pajjiż Ospitanti.

1.2.6.

Il-flus kollha riċevuti għandhom jiġu ddepożitati minnufih fil-Bank. Is-Segretarju Ġenerali għandu jżomm kont li dejjem ikollu l-istess bilanċ (impress account) għal spejjeż u riċevuti ta’ ammonti żgħar sal-ammont ta’ SGD 1 000.

1.3.   Ir-Regoli għall-Offerti

Is-Segretarjat għandu jipprovdi servizzi permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin, abbażi tal-Valur Stmat ta’ Akkwist (EPV) iddeterminat. Is-Segretarjat ma għandux “jaqsam” l-EPV biex jevita konformità mal-proċeduri ta’ akkwist.

1.3.1.

Xiri ta’ Valur Żgħir għall-EPV li ma jaqbżux S$3 000/- GST-esklussiv. Ix-xiri jista' jsir b'mod dirett mill-fornitur meta (a) il-prezz tal-oġġetti (merċi jew servizzi) jkun magħruf jew minn xiri preċedenti jew (b) prezzijiet iffissati mill-fornituri, il-midja jew kwalunkwe sors ieħor ta’ informazzjoni affidabbli, eż. fuljetti, l-Internet. Il-prezz ta’ dawn l-oġġetti għandu jkun raġonevoli wkoll.

1.3.2.

Fl-akkwist permezz ta’ Kwotazzjonijiet għall-EPV li mhumiex aktar minn S$70 000/- GST- esklussiv, is-Segretarjat għandu jagħmel sejħa għal kwotazzjonijiet minn tal-inqas 3 fornituri xierqa, u fejn hu fattibbli jieħu l-offerta bl-irħas prezz. Il-ġustifikazzjonijiet għandhom ikunu dokumentati b'mod xieraq jekk l-offerta bl-irħas prezz ma tintgħażilx għall-akkwist. L-approvazzjoni tas-Segretarju Ġenerali hija meħtieġa għal kwalunkwe deċiżjoni dwar l-akkwist.

1.3.3.

L-akkwist permezz ta’ Sejħa għall-Offerti għall-EPV li huma aktar minn S$70 000/- GST-esklussiv. Is-Segretarjat għandu jagħmel sejħa għall-offerti minn tal-inqas tliet fornituri xierqa. Is-Segretarjat għandu jagħti lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni rapport ta’ evalwazzjoni tas-sejħiet tal-offerti bir-rakkomandazzjonijiet u l-osservazzjonijiet neċessarji. L-approvazzjoni tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni hija meħtieġa għal kwalunkwe deċiżjoni dwar l-akkwist.

1.4.   Il-Ħatra tal-Awdituri

1.4.1.

Il-ħatra tal-awdituri skont il-paragrafu 7 tal-Artikolu IX tal-Kostituzzjoni għandha ssir fuq ir-rakkomandazzjoni tas-Segretarju Ġenerali li għandu jkun responsabbli għall-monitoraġġ tax-xogħol tal-awdituri. Kull erba' snin is-Segretarju Ġenerali għandu jistieden kwotazzjonijiet minn tal-inqas tliet kumpaniji tal-verifika li jkunu legalment kwalifikati.

1.4.2.

Il-kontijiet li ġew ivverifikati b'mod indipendenti għandhom ikunu disponibbli għall-Membri mill-aktar fis possibbli wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara dik id-data, u għandhom jitqiesu għall-approvazzjoni mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni fis-sessjoni tagħhom li tmiss, kif ikun xieraq. Sinteżi tal-kontijiet u tal-karta ta’ bilanċ ivverifikati għandha tkun ippubblikata fuq il-websajt tal-GISG.

1.5.   Il-Baġit

1.5.1.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun responsabbli għat-tfassil u t-tressiq ta’ abbozz ta’ baġit għas-sena finanzjarja sussegwenti lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għall-approvazzjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

1.5.2.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jkun responsabbli mit-tressiq tal-baġit approvat lill-Membri.

1.5.3.

L-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ għajxien tal-Membri li jattendu l-laqgħat tal-Grupp għandhom jitħallsu mill-Membri rispettivi.

1.6.   Rendikont Annwali tal-Kontijiet

1.6.1.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jiċċirkula lill-Membri kollha, kemm jista' jkun malajr wara t-tmiem ta’ sena finanzjarja, Rendikont Annwali tal-Kontijiet. Wara l-approvazzjoni mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni, ir-Rendikont Annwali tal-Kontijiet għandu jkun ċertifikat mill-President jew mill-Viċi President, mis-Segretarju Ġenerali u mill-awdituri.

1.6.2.

Il-kont, debitament iffirmat u ċertifikat, għandu jinżamm għand is-Segretarjat.

2.   Laqgħat tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni

2.1.

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu jżommu sezzjonijiet speċjali kull meta jkunu mitluba biex jagħmlu dan minn maġġoranza sempliċi tal-membri tagħhom, jew mis-Segretarju Ġenerali bil-kunsens tal-President.

2.2.

L-avviż ta’ kwalunkwe sessjoni, l-aġenda provviżorja u l-ispjegazzjoni bil-miktub għas-sessjoni għandhom jiġu komunikati lill-Membri mis-Segretarju Ġenerali b'konsultazzjoni mal-President mill-anqas 30 jum minn qabel, bl-eċċezzjoni ta’ każi ta’ emerġenza, meta avviż għandu jkun ikkomunikat mill-anqas 15-il jum qabel. F'każi ta’ emerġenza, l-avviż għandu jiddikjara n-natura tal-emerġenza.

2.3.

L-aġenda provviżorja għal kull sessjoni għandha tkun ippreparata mis-Segretarju Ġenerali b'konsultazzjoni mal-President. Jekk Membru jkun jixtieq li kwistjoni partikolari tiġi diskussa f'sessjoni, il-Membru għandu, fejn possibbli, jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali 60 jum qabel ma tibda s-sessjoni, waqt li jinkludi f'dik in-notifikazzjoni spjegazzjoni bil-miktub.

2.4.

Kull Membru għandu jagħmel ħiltu biex jinnotifika lis-Segretarju Ġenerali, mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel it-tnedija tas-sessjoni, bl-ismijiet tad-delegati, is-sostituti u l-konsulenti maħtura biex jirrappreżentawh f'sessjoni.

3.   Ħatra tas-Segretarju Ġenerali

3.1.

Il-ħatra tas-Segretarju Ġenerali mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni skont l-Artikolu X, paragrafu 3, tal-Kostituzzjoni għandha ssir abbażi ta’ rakkomandazzjoni minn Bord tal-Għażla li jkun inħatar għal dak l-iskop.

3.2.

Il-Bord tal-Għażla għandu jiġi stabbilit mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni, normalment tal-inqas tnax-il xahar qabel l-iskadenza tal-mandat tas-Segretarju Ġenerali preżenti.

3.3.

Il-Bord tal-Għażla għandu jinkludi l-President u l-Viċi President tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni, li għandhom ikunu l-President u l-Viċi President rispettivament, tal-Bord, u kwalunkwe Membru ieħor li jixtieq jipparteċipa fih.

3.4.

Is-Segretarju Ġenerali li jkun fil-kariga għandu jattendi l-laqgħat tal-Panel tal-Għażla bħala konsulent mingħajr drittijiet ta’ vot.

3.5.

Il-kostijiet u l-ispejjeż kollha li jintefqu minħabba l-attendenza fil-laqgħat tal-Bord tal-Għażla u l-parteċipazzjoni fil-proċedura tal-għażla mir-rappreżentazzjoni tagħhom għandhom jitħallsu mill-Membri.

3.6.

Il-Bord tal-Għażla għandu jaqbel dwar il-kriterji tal-għażla u jaqbel dwar l-avviż għall-post ta’ Segretarju Ġenerali. L-avviż għandu jiġi ppubblikat fil-midja internazzjonali adegwata kif ukoll permezz ta’ kanali tal-GISG. L-avviż għandu jkun disponibbli għall-Membri kollha li jiżguraw ċirkolazzjoni fil-pajjiżi tagħhom.

3.7.

L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali li għandu jkun responsabbli għall-aspetti amministrattivi tal-proċess ta’ reklutaġġ.

3.8.

Il-Bord tal-Għażla għandu jiltaqa' kif meħtieġ sabiex titħejja lista qasira ta’ mhux aktar minn sitt kandidati għal intervista. L-applikanti għandhom ikunu ta’ nazzjonalità tal-Membri jew ċittadini tagħhom.

3.9.

L-intervisti mal-kandidati li jiġu inklużi fil-lista qasira għandhom jinżammu bil-għan li jintagħżel b'mod unanimu jew b'konsensus kandidat bil-kwalitajiet neċessarji ta’ esperjenza, personalità, imparzjalità u l-kapaċità li jaħdem b'mod effettiv ma’ uffiċjali ta’ grad għoli ta’ Membri jew gvernijiet oħrajn, ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u privati, għal rakkommandazzjoni lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għall-ħatra bħala Segretarju Ġenerali. Kandidat sostitut għandu jiġi ppreżentat fil-każ li l-kandidat magħżul ma jkunx jista' jieħu l-karigu minħabba mard jew raġunijiet oħrajn. F'każ li ma jkunx hemm qbil fuq kandidat wieħed, jistgħu jiġu ppreżentati lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni żewġ kandidati magħżula b'konsensus.

3.10.

It-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħatra u tal-kuntratt għandhom jiġu ddeterminati mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

3.11.

It-terminazzjoni bikrija tal-kuntratt għal raġuni għandha teħtieġ maġġoranza sempliċi fi ħdan il-grupp tal-produtturi tal-gomma naturali kif ukoll fi ħdan il-grupp tal-konsumaturi tal-gomma preżenti u li jivvutaw; u barra minn hekk, dawn il-voti flimkien għandhom jirrappreżentaw tal-inqas maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ dawk preżenti u li jivvutaw.

4.   Ix-Xogħol tas-Segretarjat

4.1.

Fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, is-Segretarjat ma għandux jieħu sehem f'attivitajiet li jistgħu jippreżentaw kunflitt ta’ interess.

4.2.

Is-Segretarjat ma għandux ifittex jew jirċievi istruzzjonijiet minn Membru jew awtorità individwali li tkun esterna għall-Grupp. Is-Segretarju Ġenerali u l-persunal għandhom joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' tirrifletti b'mod ikrah fuq il-pożizzjonijiet tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli lejn il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

4.3.

Kull Membru għandu jirrispetta r-responsabbiltajiet tas-Segretarjat Ġenerali u tal-persunal l-ieħor u ma għandux jipprova jinfluwenzahom fil-qadi ta’ dmirijiethom.

4.4.

Is-Segretarjat għandu jagħmel ħiltu biex jassigura li l-ebda nformazzjoni pubblikata ma tippreġudika l-kunfidenzjalità tal-operati ta’ persuni jew azjendi li jipproduċu, jipproċessaw, jikkummerċjalizzaw jew jixtru l-gomma.

4.5.

Is-Segretarjat jippubblika regolarment Bulletin Statistiku dwar il-Gomma u Rapport tal-Industrija dwar il-Gomma kif ukoll rapporti dwar proġetti u studji.

5.   Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija

5.1.

Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija għandu jinkludi mhux aktar minn tletin persuna maħtura għall-għarfien partikolari tagħhom mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin. Is-sħubija tista' tiġġedded għal perjodu ieħor ta’ tliet snin.

5.2.

Wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni li l-kompożizzjoni tal-Bord Konsultattiv tal-Industrija tiġi mġedda, is-Segretarjat għandu jistieden nomini għall-kandidati għall-Bord Konsultattiv tal-Industrija minn Membri, mill-Bord Konsultattiv tal-Industrija u minn membri assoċjati.

5.3.

Is-Segretarjat għandu jagħmel rakkomandazzjoni dwar dawn il-kandidati lill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għall-kunsiderazzjoni u l-ħatra.

5.4.

Il-ħatriet il-ġodda għandhom jibdew permezz tad-deċiżjoni tal-Kapijiet ta’ Delegazzjoni.

5.5.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jiffaċilita l-laqgħat tal-Bord Konsultattiv tal-Industrija.

5.6.

Il-Bord Konsultattiv tal-Industrija għandu jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu li jkunu konsistenti mad-dispożizzjoni tal-Kostituzzjoni tal-Grupp Internazzjonali ta’ Studju fuq il-Gomma u dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

5.7.

B'referenza għall-Kostituzzjoni, l-istatus ta’ osservatur fil-laqgħat kollha tal-Grupp għandhom jeskludu diskussjonijiet relatati ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali, baġit u kwistjonijiet finanzjarji.

5.8.

L-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ għajxien tal-membri tal-Bord Konsultattiv tal-Industrija li jattendu l-laqgħat għandhom jitħallsu minnhom stess.

6.   Il-Membri Assoċjati

6.1.

Is-Sħubija Assoċjata għandha tkun disponibbli għal kull kumpanija jew organizzazzjoni b'interess fl-industrija tal-gomma ma’ ħlas tal-miżata annwali xierqa tas-sħubija.

6.2.

Il-miżata annwali għas-sħubija hija ta’ S$3 000 għall-organizzazzjonijiet jew individwi bbażati fit-territorju tal-Membri u S$6 000 għal dawk fit-territorju ta’ dawk il-pajjiżi li mhumiex Membri.

6.3.

Il-Membri Assoċjati huma intitolati għal aċċess ħieles għall-informazzjoni kollha disponibbli fuq il-websajt għall-membri Assoċjati. Kull talba addizzjonali trid issir bi ħlas.

7.   Is-Summit Dinji dwar il-Gomma

Meta l-Grupp jirrivedi stedina biex jospita lis-Summit Dinji dwar il-Gomma minn pajjiż mhux Membru jew minn pajjiż Membru, il-Grupp għandu jikkunsidra l-istedina u jaċċetta biss meta jkun hemm biżżejjed fondi.

8.   Emendi u Reviżjoni

Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu f'kull mument jemendaw jew jirrivedu dawn ir-Regoli ta’ Proċedura biss b'konsensus.