22011A0326(01)

Ftehim Proviżorju dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan min-naħa l-oħra

Official Journal L 080 , 26/03/2011 P. 021 - 041


TRADUZZJONI

Ftehim Proviżorju

dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan min-naħa l-oħra

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-FAĦAM U L-AZZAR U L-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA, minn issa ‘il quddiem imsejħin "il-Komunità",

minn naħa waħda, u

T-TURKMENISTAN,

min-naħa l-oħra,

BILLI ġie inizjalat Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan min-naħa l-oħra fl- 24 ta’ Mejju 1997;

BILLI l-għan tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni huwa li jsaħħaħ u jkabbar ir-relazzjonijiet stabbiliti preċedentement, b’mod partikolari bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Unjoni tar-Repubbliki Sovjetiċi Soċjalisti dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika ffirmat fit- 18 ta’ Diċembru 1989;

BILLI jeħtieġ li jiġi żgurat żvilupp rapidu tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Partijiet;

BILLI għal dan l-għan jeħtieġ li jiġu implimentati malajr kemm jista’ jkun, permezz ta’ Ftehim Proviżorju, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni dwar il-kummerċ u materji relatati mal-kummerċ;

BILLI d-dispożizzjonijiet imsemmijin għandhom, kif meħtieġ, jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika;

BILLI jeħtieġ li jiġi żgurat illi sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni u l-istabbiliment tal-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika jista’ jeżerċita l-poteri assenjati mill-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni lill-Kunsill ta’ Kooperazzjoni, li huma meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim Proviżorju;

IDDEĊIDEW li jikkonkludu dan il-Ftehim u għal dan l-għan ħatru bħala l-plenipotenzjarji tagħhom:

Il-KOMUNITÀ EWROPEA:

IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-FAĦAM U L-AZZAR:

IL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA:

IT-TURKMENISTAN:

LI, wara li skambjaw il-Pjeni Poteri tagħhom, li nstabu li kienu f’forma tajba u korretta,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TITOLU I

PRINĊIPJI ĠENERALI

[FSK Turkmenistan: Titolu I]

Artikolu 1

[FSK Turkmenistan: Artikolu 2]

Ir-rispett għad-demokrazija u għad-drittijiet fundamentali u tal-bniedem, kif definiti fil-Dikjarazzjoni universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, fl-Att Finali ta’ Ħelsinki u fil-Karta ta’ Pariġi għal Ewropa Ġdida, kif ukoll il-prinċipji tal-ekonomija tas-suq, inklużi dawk imniżżla fid-dokumenti tal-Konferenza ta’ Bonn dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (CSCE), isejsu l-politika interna u esterna tal-Partijiet u jikkostitwixxu element essenzjali ta’ dan il-Ftehim.

TITOLU II

KUMMERĊ F’MERKANZIJA

[FSK Turkmenistan: Titolu III]

Artikolu 2

[FSK Turkmenistan: Artikolu 7]

1. Il-Partijiet għandhom jikkonċedu lil xulxin it-trattament ta’ nazzjon l-aktar favorit fl-oqsma kollha rigward:

- dazji doganali u imposti applikati fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni, inkluż il-metodu ta’ ġbir ta’ tali dazji u imposti;

- dispożizzjonijiet relatati mal-approvazzjoni doganali, it-transitu, l-imħażen u t-trasbord;

- taxxi u imposti interni oħra ta’ kull tip applikati direttament jew indirettament għal merkanzija importata;

- metodi ta’ ħlas u t-trasferiment ta’ tali ħlasijiet relatati ma’ kummerċ f’merkanzija;

- ir-regoli relatati mal-bejgħ, ix-xiri, it-trasport, id-distribuzzjoni u l-użu ta’ merkanzija fis-suq domestiku.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw għal:

(a) il-vantaġġi mogħtijin bl-għan li tinħoloq unjoni doganali jew żona ta’ kummerċ ħieles jew għall-ħolqien ta’ tali unjoni jew żona;

(b) il-vantaġġi mogħtija lil pajjiżi partikolari skont ir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) u skont arranġamenti internazzjonali oħra favur pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw;

(ċ) il-vantaġġi konċessi lil pajjiżi li jmissu magħhom sabiex jiffaċilitaw it-traffiku fil-fruntieri.

3. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw, matul perijodu transitorju li jiskadi fil- 31 ta’ Diċembru 1998, għall-vantaġġi definiti fl-Anness I mogħtija mit-Turkmenistan lil stati oħra li rriżultaw mix-xoljiment tal-URSS.

Artikolu 3

[FSK Turkmenistan: Artikolu 8]

1. Il-Partijiet jaqblu li l-prinċipju ta’ transitu liberu huwa kondizzjoni essenzjali għall-ilħuq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim.

F’konnessjoni ma’ dan kull Parti għandha tiżgura transitu mingħajr restrizzjoni permezz ta’ jew minn ġot-territorju tagħha ta’ merkanzija li toriġina fit-territorju doganali tal-parti l-oħra jew destinata għat-territorju doganali tal-Parti l-oħra.

2. Ir-regoli deskritti fl-Artikolu V, il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 tal-GATT huma applikabbli bejn il-Partijiet.

3. Ir-regoli li jinsabu f’dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għal kull regola speċjali relatata ma’ setturi speċifiċi, b’mod partikolari bħalma hu t-trasport, jew prodotti miftiehma bejn il-Partijiet.

Artikolu 4

[FSK Turkmenistan: Artikolu 9]

Mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minn konvenzjonijiet internazzjonali dwar l-ammissjoni temporanja ta’ merkanzija, li jorbtu ż-żewġ Partijiet, kull Parti għandha wkoll tagħti lill-Parti l-oħra eżenzjoni mill-imposti u d-dazji fuq merkanzija ammessa temporanjament fil-każijiet u skont il-proċeduri stipulati minn kwalunkwe konvenzjoni internazzjonali oħra dwar din il-materja li torbotha, f’konformità mal-leġislazzjoni tagħha. Għandhom jiġu kkunsidrati l-kondizzjonijiet taħt liema l-obbligi li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni jkunu ġew aċċettati mill-Parti in kwestjoni.

Artikolu 5

[FSK Turkmenistan: Artikolu 10]

1. Merkanzija li toriġina fit-Turkmenistan għandha tiġi importata fil-Komunità libera mir-restrizzjonijiet kwantitattivi u minn miżuri ta’ effett ekwivalenti, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 10 u 11 ta’ dan il-Ftehim.

2. Merkanzija li toriġina fil-Komunità għandha tiġi importata fit-Turkmenistan libera mir-restrizzjonijiet kwantitattivi kollha u minn miżuri ta’ effett ekwivalenti, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7, 10 u 11 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 6

[FSK Turkmenistan: Artikolu 11]

Il-merkanzija għandha tiġi nnegozjata bejn il-Partijiet bi prezzijiet relatati mas-suq.

Artikolu 7

[FSK Turkmenistan: Artikolu 12]

1. Fejn xi prodott ikun qed jiġi importat fit-territorju ta’ xi wieħed mill-Partijiet fi kwantitajiet hekk miżjuda jew taħt kondizzjonijiet li joħolqu jew jheddu li joħolqu ħsara lill-produtturi domestiċi ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti direttament kompetittivi, il-Komunità jew it-Turkmenistan, skont min ikun konċernat, jista’ jieħu l-miżuri addattati skont il-proċeduri u l-kondizzjonijiet li ġejjin.

2. Qabel jittieħdu xi miżuri, jew fil-każi li għalihom japplika l-paragrafu 4, kemm jista’ jkun malajr wara, il-Komunità jew it-Turkmenistan, skont il-każ, għandhom jipprovdu lill-Kumitat Konġunt l-informazzjoni rilevanti kollha bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ Partijiet kif previst fit-Titolu IV.

3. Jekk, bħala riżultat tal-konsultazzjonijiet, il-Partijiet ma jilħqux ftehim fi żmien 30 jum mir-riferiment lill-Kumitat Konġunt dwar azzjonijiet sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni, il-Parti li tkun talbet għall-konsultazzjonijiet għandha tkun libera li tirrestrinġi l-importazzjoni tal-prodotti involuti safejn u sakemm u għat-tul taż-żmien li jkun meħtieġ għall-prevenzjoni jew ir-rimedju tal-ħsara, jew li tadotta miżuri xierqa oħra.

4. F’ċirkostanzi kritiċi fejn id-dewmien x’aktarx li jikkawża ħsara li tkun diffiċli tissewwa, il-Partijiet jistgħu jieħdu l-miżuri qabel il-konsultazzjonijiet, bil-kondizzjoni li għandhom jiġu offruti konsultazzjonijiet immedjatament wara li tittieħed din l-azzjoni.

5. Fil-għażla tal-miżuri skont dan l-Artikolu, il-Partijiet għandhom jagħtu prijorità lil dawk li joħolqu l-inqas tfixkil għall-ksib tal-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

6. Xejn f’dan l-Artikolu m’għandu jippreġudika jew b’xi mod jaffettwa t-teħid minn kwalunkwe Parti, ta’ miżuri anti-dumping jew miżuri korrettivi skont l-Artikolu VI tal-GATT 1994, il-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994, il-Ftehim dwar Sussidji u Miżuri Korrettivi jew il-leġislazzjoni interna relatata ma’ dan.

Artikolu 8

[FSK Turkmenistan: Artikolu 13]

Il-Partijiet jimpenjaw lilhom infushom li jikkunsidraw l-iżvilupp tad-dispożizzjonijiet f’dan il-Ftehim dwar il-kummerċ f’merkanzija bejniethom, skont kif jippermettu ċ-ċirkostanzi, inkluża s-sitwazzjoni li tinħoloq mill-adeżjoni futura tat-Turkmenistan għall-WTO. Il-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 17 jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar dawn l-iżviluppi tal-Partijiet li jistgħu jidħlu fis-seħħ, meta aċċettati, bis-saħħa ta’ ftehim bejn il-Partijiet skont il-proċeduri rispettivi tagħhom.

Artikolu 9

[FSK Turkmenistan: Artikolu 14]

Il-Ftehim m’għandux jipprekludi projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet jew merkanzija fi transitu ġġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku jew sigurtà pubblika; il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti; il-protezzjoni tar-riżorsi naturali; il-protezzjoni ta’ teżori nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, industrijali jew kummerċjali jew ir-regoli relatati mad-deheb u l-fidda. Tali projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx, madankollu, jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija dwar il-kummerċ bejn il-Partijiet.

Artikolu 10

[FSK Turkmenistan: Artikolu 15]

Dan it-Titolu m’għandux japplika għall-kummerċ fi prodotti tat-tessuti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 50 sa 63 tan-Nomenklatura Kombinata. Il-kummerċ f’dawn il-prodotti għandu jkun regolat bi ftehim separat, inizjalat fit- 30 ta’ Diċembru 1995 u applikat proviżorjament mill- 1 ta’ Jannar 1996.

Artikolu 11

[FSK Turkmenistan: Artikolu 16]

1. Il-kummerċ fil-prodotti koperti bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar għandu jiġi regolat mid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 5.

2. Għandu jiġi stabbilit grupp ta’ kuntatt dwar materji dwar il-faħam u l-azzar, li jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità minn naħa waħda, u rappreżentanti tat-Turkmenistan min-naħa l-oħra.

Il-grupp ta’ kuntatt għandu jiskambja informazzjoni, fuq bażi regolari, dwar il-materji kollha tal-faħam u l-azzar li huma ta’ interess għall-Partijiet.

Artikolu 12

[FSK Turkmenistan: Artikolu 17]

Il-kummerċ f’materjali nukleari ser isir skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Jekk meħtieġ, il-kummerċ f’materjali nuklejari għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ Ftehim speċifiku li għandu jiġi konkluż bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u t-Turkmenistan.

TITOLU III

ĦLASIJIET, KOMPETIZZJONI U DISPOŻIZZJONIJIET EKONOMIĊI OĦRA

[FSK Turkmenistan: Titolu IV]

Artikolu 13

[FSK Turkmenistan: Artikolu 39(1)]

Il-Partijiet jimpenjaw lilhom infushom li jawtorizzaw, f’munita faċilment konvertibbli, kull ħlas kurrenti bejn residenti tal-Komunità u tat-Turkmenistan konnessi mal-moviment ta’ merkanzija, magħmula skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 14

[FSK Turkmenistan: Artikolu 41(4)]

Il-Partijiet jaqblu li jeżaminaw metodi sabiex japplikaw il-liġijiet rispettivi tagħhom dwar il-kompetizzjoni fuq bażi miftiehma f’dawk il-każijiet li jolqtu l-kummerċ ta’ bejniethom.

Artikolu 15

[FSK Turkmenistan: Artikolu 40(1)]

Skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu u tal-Anness II, it-Turkmenistan għandu jkompli jtejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali sabiex tipprovdi, sal-aħħar tal-ħames sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, livell ta’ protezzjoni simili għal dak previst fil-Komunità b’atti Komunitarji, b’ mod partikolari dawk imsemmija fl-Anness II, inklużi mezzi effettivi għall-infurzar ta’ tali drittijiet.

Artikolu 16

L-assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali bejn l-awtoritajiet tal-Partijiet għandha ssir skont il-Protokoll anness ma’ dan il-Ftehim.

TITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI, ĠENERALI U FINALI

[FSK Turkmenistan: Titolu XI]

Artikolu 17

Il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u l-Unjoni tar-Repubbliki Soċjalisti Sovjetiċi dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika ffirmat fit- 18 ta’ Diċembru 1989 għandu jwettaq il-kompiti assenjati lilu b’dan il-Ftehim sakemm jiġi stabbilit il-Kunsill ta’ Kooperazzjoni previst fl-Artikolu 77 tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni.

Artikolu 18

Il-Kumitat Konġunt jista’, għall-finijiet tal-ilħuq tal-objettivi ta’ dan il-Ftehim, jagħmel rakkomandazzjonijiet fil-każijiet previsti fih.

Huwa għandu jfassal ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu bi ftehim bejn il-Partijiet.

Artikolu 19

[FSK Turkmenistan: Artikolu 81]

Meta jeżamina kwalunkwe kwistjoni fi ħdan il-qafas ta’ dan il-Ftehim fir-rigward ta’ dispożizzjoni li tirreferi għal Artikolu ta’ wieħed mill-Ftehimiet li jistabbilixxu d-WTO, il-Kumitat Konġunt għandu jieħu kont sakemm ikun possibbli tal-interpretazzjoni li ġeneralment tingħata lill-Artikolu in kwistjoni mill-Membri tad-WTO.

Artikolu 20

[FSK Turkmenistan: Artikolu 85]

1. Fl-ambitu ta’ dan il-Ftehim, kull Parti timpenja lilha nfisha li tiżgura li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi tal-Parti l-oħra jkollhom aċċess liberu minn kull diskriminazzjoni fir-rigward taċ-ċittadini nazzjonali tagħha għall-qrati kompetenti u l-organi amministrattivi tal-Partijiet sabiex jiddefendu d-drittijiet individwali tagħhom u d-drittijiet tal-proprjetà tagħhom, inklużi dawk relatati mal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali.

2. Fil-limiti tal-poteri rispettivi tagħhom, il-Partijiet:

- għandhom jinkoraġġixxu l-adozzjoni tal-arbitraġġ biex jissolva tilwim li jirriżulta minn transazzjonijiet kummerċjali u ta’ kooperazzjoni konklużi minn operaturi ekonomiċi tal-Komunità u dawk tat-Turkmenistan;

- jiftiehmu li fejn jiġi sottomess tilwim għall-arbitraġġ, kull parti fit-tilwim tista’, għajr fejn ir-regoli taċ-ċentru magħżul tal-arbitraġġ magħżul mill-partijiet jipprevedi mod ieħor, tagħżel l-arbitratur tagħha, irrispettivament miċ-ċittadinanza tiegħu, u li t-tielet arbitratur li jippresjiedi jew l-arbitratur waħdieni jista’ jkun ċittadin ta’ Stat terz;

- għandhom jirrakkomandaw li l-operaturi ekonomiċi tagħhom jagħżlu b’kunsens reċiproku l-liġi applikabbli għall-kuntratti tagħhom;

- għandhom jinkoraġġixxu li jintużaw ir-regoli tal-arbitraġġ elaborati mill-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi Internazzjonali tal-Kummerċ (Uncitral) u arbitraġġ minn kwalunkwe ċentru ta’ stat firmatarju għall-Konvenzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Infurzar ta’ Sentenzi tal-Arbitraġġ Esteri li saret fi New York fl- 10 ta’ Ġunju 1958.

Artikolu 21

[FSK Turkmenistan: Artikolu 86]

Xejn f’dan il-Ftehim m’għandu jtellef Parti milli tieħu kwalunkwe miżura:

(a) li tqis neċessarja għall-prevenzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni kontra l-interessi essenzjali tagħha ta’ sigurtà;

(b) li huma relatati mal-produzzjoni ta’, jew il-kummerċ f’armi, munizzjon jew materjal tal-gwerra jew riċerka, żvilupp jew produzzjoni meħtieġa għal finijiet ta’ difiża, dment li l-miżuri ma jolqtux ħażin il-kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni rigward prodotti li mhumiex intenzjonati għal finijiet speċifikament militari;

(ċ) li tikkunsidra essenzali għas-sigurtà tagħha nfisha fil-każ ta’ disturbi serji interni li jaffettwaw iż-żamma tal-liġi u tal-ordni, fi żmien ta’ gwerra jew ta’ tensjoni internazzjonali serja li tikkostwixxi theddida ta’ gwerra jew sabiex twettaq l-obbligi li tkun aċċettat bil-għan li tinżamm il-paċi u s-sigurtà internazzjonali;

(d) li tikkunsidra meħtieġa sabiex tirrispetta l-obbligi internazzjonali tagħha u l-impenji fil-kontroll ta’ merkanzija u tekonoloġija industrijali ta’ użu doppju.

Artikolu 22

[FSK Turkmenistan: Artikolu 87]

1. Fl-oqsma koperti minn dan il-Ftehim u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjoni speċjali inkluża fihom:

- l-arranġamenti applikati mit-Turkmenistan fir-rigward tal-Komunità m’għandhomx jirriżultaw fi kwalunkwe diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, iċ-ċittadini tagħhom jew il-kumpanniji u d-ditti tagħhom;

- l-arranġamenti applikati mill-Komunità fir-rigward tat-Turkmenistan m’għandhomx jirriżultaw fi kwalunkwe diskriminazzjoni bejn iċ-ċittadini Turkmeni jew il-kumpanniji jew id-ditti Turkmeni.

2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 huma mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Partijiet li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-leġislazzjoni fiskali tagħhom għal persuni li jħallsu t-taxxa u li ma jkunux f’sitwazzjonijiet identiċi rigward il-post ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 23

[FSK Turkmenistan: Artikolu 88]

1. Kull Parti tista’ tirreferi lill-Kumitat Konġunt kull tilwim rigward l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

2. Il-Kumitat Konġunt jista’ jsolvi t-tilwim permezz ta’ rakkommandazzjoni.

3. Fil-każ li ma jkunx possibbli li jiġi solvut it-tilwim skont il-paragrafu 2, kull waħda mill-Partijiet tista’ tinnotifika lill-oħra bil-ħatra ta’ konċiljatur; il-Parti l-oħra għandha mbagħad taħtar it-tieni konċiljatur fi żmien xahrejn.

Il-Kumitat Konġunt għandu jaħtar it-tielet konċiljatur.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-konċiljaturi għandhom jittieħdu b’vot ta’ maġġoranza. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx jorbtu lill-Partijiet.

Artikolu 24

[FSK Turkmenistan: Artikolu 89]

Il-Partijiet jaqblu li jikkonsultaw mill-ewwel skont il-mezzi xierqa fuq talba ta’ wieħed mill-Partijiet biex jiddiskutu kwalunkwe materja li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew aspetti rilevanti oħra tar-relazzjonijiet bejn il-Partijiet.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu m’għandhom bl-ebda mod jaffettwaw u huma mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7, 23 u 28.

Artikolu 25

[FSK Turkmenistan: Artikolu 90]

It-trattament mogħti lit-Turkmenistan hawnhekk m’għandu fl-ebda każ ikun aktar favorevoli minn dak mogħti mill-Istati Membri lil xulxin.

Artikolu 26

[FSK Turkmenistan: Artikolu 92]

Sakemm il-materji koperti b’dan il-Ftehim ikunu koperti bit-Trattat dwar il-Karta tal-Enerġija u bil-Protokolli tiegħu, dan it-Trattat u dawn il-Protokolli għandhom japplikaw mad-dħul fis-seħħ tagħhom għal dawn il-materji iżda biss safejn din l-applikazzjoni tkun prevista fihom.

Artikolu 27

1. Dan il-Ftehim għandu jkun applikabbli sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni li ġie inizjalat fl- 24 ta’ Mejju 1997.

2. Kull Parti tista’ tirrinunzja dan il-Ftehim billi tinnotifika lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim ma jibqax japplika sitt xhur wara d-data ta’ tali notifika.

Artikolu 28

[FSK Turkmenistan: Artikolu 94]

1. Il-Partijiet għandhom jieħdu kull miżura ġenerali jew speċifika meħtieġa biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont il-Ftehim. Huma għandhom jaraw li l-objettivi stabbiliti fil-Ftehim jintlaħqu.

2. Jekk waħda mill-Partijiet taħseb li l-parti l-oħra naqset milli tissodisfa obbligu taħt il-Ftehim, tistà tieħu l-miżuri xierqa. Qabel ma tagħmel hekk, ħlief f’każi ta’ urġenza speċjali, trid tipprovdi lill-Kumitat Konġunt bl-informazzjoni rilevanti kollha għal eżami sħiħ tas-sitwazzjoni bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-Partijiet.

Fil-għażla ta’ dawn il-miżuri, għandha tingħata prijorità lil dawk illi jfixklu l-inqas il-funzjonament tal-Ftehim. Dawn il-miżuri għandhom jiġu notifikati immedjatament lill-Kumitat Konġunt jekk il-Parti l-oħra titlob hekk.

Artikolu 29

[FSK Turkmenistan: Artikolu 95]

L-Annessi I u II u l-Protokoll dwar assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali għandhom ikunu parti integrali ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 30

[FSK Turkmenistan: Artikolu 97]

Dan il-Ftehim għandu japplika, minn naħa waħda, għat-territorji li fihom jiġu applikati t-Trattati li jistabbilixxu l-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u bil-kondizzjonijiet stabbiliti f’dawk it-Trattati u, min-naħa l-oħra, għat-territorju tat-Turkmenistan.

Artikolu 31

Dan il-Ftehim huwa mfassal duplikatament b’dawn il-lingwi: Daniż, Olandiż, Ingliż, Finlandiż, Franċiż, Ġermaniż, Taljan, Spanjol, Svediż, Grieg, Portugiż u Turkmen, u kull test huwa ugwalment awtentiku.

Artikolu 32

Dan il-Ftehim għandu jiġi approvat mill-Partijiet skont il-proċeduri tagħhom stess.

Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data li fiha l-Partijiet jinnotifikaw lis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu tlestew.

Mad-dħul fis-seħħ tiegħu, u safejn ir-relazzjonijiet bejn it-Turkmenistan u l-Komunità huma kkonċernati, dan il-Ftehim għandu jissostitwixxi l-Artikolu 2, l-Artikolu 3, għajr għar-raba’ inċiż tiegħu, u l-Artikoli 4 sa 16 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Unjoni tar-Repubbliki Sovjetiċi Soċjalisti dwar il-Kummerċ u l-Kooperazzjoni Ekonomika u Kummerċjali ffirmat fi Brussell fit- 18 ta’ Diċembru 1989.

--------------------------------------------------

LISTA TA’ DOKUMENTI MEHMUŻA

ANNESS I : Lista indikattiva ta’ vantaġġi mogħtija mit-Turkmenistan lill- Istati Indipendenti skont l-Artikolu 2(3).

ANNESS II : L-atti tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali msemmijin fl-Artikolu 15.

Protokoll dwar assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali.

--------------------------------------------------

ANNESS I

Lista indikattiva ta’ vantaġġi mogħtija mit-Turkmenistan lill-Istati Indipendenti skont l-Artikolu 2(3)

1. Tassazzjoni fuq l-importazzjoni/esportazzjoni

Ma jinġabar l-ebda dazju fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni.

Is-servizzi bħall-approvazzjoni doganali, id-dazji tal-kummissjonijiet u oħrajn li jinġabru mid-Dwana ta’ Stat, l-Iskambju tal-Materja Prima ta’ Stat u l-Ispezzjoni Fiskali ta’ Stat mhumiex pagabbli fil-każ tal-merkanzija li ġejja:

- importazzjoni ta’ żrieragħ, ikel tat-trabi, oġġetti tal-ikel li jinbiegħu lill-popolazzjoni bi prezzijiet ikkontrollati mill-istat;

- merkanzija importata abbażi ta’ kuntratt u ffinanzjata mill-baġit statali tat-Turkmenistan.

2. Kondizzjonijiet tat-trasport u t-transitu

Rigward il-pajjiżi tal-KSI li huma Partijiet għall-Ftehim Multilaterali "dwar il-prinċipji u l-kondizzjonijiet ta’ relazzjonijiet fil-qasam tat-trasport" u/jew abbażi ta’ ftehimiet bilaterali dwar it-trasportazzjoni u t-transitu, ma jiġu applikati l-ebda taxxi jew miżati fuq bażi reċiproka għat-trasportazzjoni u l-approvazzjoni doganali ta’ merkanzija (inkluża merkanzija fi transitu) u għat-transitu ta’ vetturi.

Vetturi mill-Istati tal-KSI huma eżentati milli jħallsu kwalunkwe dazju meta jkunu fi transitu fit-territorju tat-Turkmentistan.

--------------------------------------------------

ANNESS II

Atti tal-proprjetà Intellettwali, Industrijali u Kummerċjali msemmijin fl-Artikolu 15

1. Atti Komunitarji msemmijin fl-Artikolu 15.

- L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal- 21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trademarks.

- Direttiva tal-Kunsill 87/54/KEE tas- 16 ta’ Diċembru 1986 dwar il-protezzjoni legali tat-topografiji ta’ prodotti semi-kondutturi.

- Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal- 14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter.

- Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1768/92 tat- 18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-ħolqien ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali.

- Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal- 14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel.

- Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas- 27 ta’ Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable.

- Direttiva tal-Kunsill 93/98/KEE tad- 29 Ottubru 1993 li tarmonizza d-dewmien ta’ protezzjoni ta’ drittijiet tal-awtur u ċerti liġijiet relatati.

- Direttiva tal-Kunsill 92/100/KEE tad- 19 ta’ Novembru 1992 dwar dritt ta’ kiri u dritt ta’ self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

- Regolament (KE) Nru 1610/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat- 23 ta’ Lulju 1996 dwar il-ħolqien ta’ kull ċertifikat supplimentari ta’ ħarsien għall-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti

- Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE tal- 11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases

- Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3295/94 tat- 22 ta’ Diċembru 1994 li jistabbilixxi miżuri li jipprojbixxu r-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, l-esportazzjoni, l-esportazzjoni mill-ġdid jew dħul għal proċedura sospensiva ta’ merkanzija falsifikata jew pirata.

2. Jekk jinqalgħu problemi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali kif indirizzati fl-Atti Komunitarji ta’ hawn fuq u li jaffettwaw il-kondizzjonijiet tan-negozju, għandhom isiru konsultazzjonijiet urġenti, fuq it-talba tal-Komunità jew tat-Turkmenistan, bil-ħsieb li jinstabu soluzzjonijiet reċiprokament sodisfaċenti.

--------------------------------------------------

Protokoll

dwar assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:

(a) "leġislazzjoni doganali" għandha tfisser kwalunkwe dispożizzjoni legali jew regolatorja applikabbli fit-territorju tal-Partijiet li jirregolaw l-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-transitu ta’ merkanzija u t-tqegħid tagħha taħt kwalunkwe proċedura doganali, inkluż il-miżuri ta’ projbizzjoni, restrizzjoni jew kontroll adottati mill-Partijiet imsemmija;

(b) "awtorità applikanti" tfisser awtorità amministrattiva kompetenti maħtura minn Parti għal dan il-fini u li tagħmel talba għal assistenza f’materji doganali;

(ċ) "l-awtorità rikjesta" tfisser awtorità amministrattiva kompetenti li tkun inħatret minn Parti għal dan il- fini u li tirċievi talba għal assistenza f’materji doganali;

(d) "data personali" tfisser l-informazzjoni kollha marbuta ma’ individwu indentifikat jew identifikabbli;

(e) "operazzjoni fi ksur tal-leġislazzjoni doganali" għandha tfisser kwalunkwe ksur jew tentattiv ta’ ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 2

Kamp ta’ Applikazzjoni

1. Il-Partijiet għandhom jassistu lil xulxin, fl-oqsma tal-kompetenza tagħhom, bil-mod u skont il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan il-Protokoll, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni doganali, b’mod partikolari permezz tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-investigazzjoni ta’ operazzjonijiet fi ksur ta’ dik il-leġislazzjoni.

2. L-assistenza f’materji doganali, kif imsemmija f’dan il-Protokoll, għandha tapplika għal kull awtorità amministrattiva tal-Partijiet li hija kompetenti għall-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Hija m’għandhiex tippreġudika r-regoli li jirregolaw assistenza reċiproka f’materji kriminali. Lanqas m’għandha tkopri informazzjoni miksuba taħt poteri eżerċitati fuq talba tal-awtoritajiet ġudizzjarji, ħlief fejn il-komunikazzjoni ta’ tali informazzjoni tkun awtorizzata mill-awtoritajiet imsemmija.

Artikolu 3

Assistenza fuq talba

1. Fuq it-talba tal-awtorita applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tgħaddilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tista’ tgħinha tiżgura l-konformità mal-leġislazzjoni doganali, inkluża informazzjoni dwar operazzjonijiet annotati jew ippjanati li jistgħu jkunu fi ksur ta’ tali leġislazzjoni.

2. Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha tinformaha jekk il-merkanzija esportata mit-territorju ta’ waħda mill-Partijiet kinitx importata kif suppost mit-territorju tal-Parti l-oħra, u tispeċifika, fejn xieraq, il-proċedura doganali applikata għall-merkanzija.

3. Fuq talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha, fil-qafas tal-liġijiet tagħha, tieħu l-passi meħtieġa biex tiżgura sorveljanza speċjali ta’:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma suspettati fuq raġunijiet validi li huma involuti jew li kienu involuti f’operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(b) postijiet fejn il-merkanzija tkun maħżuna b’mod li tagħti lok għal suspetti li hija maħsuba biex tintuża f’operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(ċ) movimenti ta’ merkanzija notifikati bħala li huma possibbilment iwasslu għal operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

(d) mezzi ta’ trasport li huma suspettati fuq bażi raġonevoli li intużaw jew li jistgħu jintużaw f’operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 4

Assistenza spontanja

Il-Partijiet għandhom jagħtu lil xulxin, fuq inizjattiva tagħhom stess u skont il-liġijiet tagħhom, regoli u strumenti legali oħrajn, b’assistenza jekk iqisu li jkun hemm bżonnha għall-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali, partikolarment meta jiksbu informazzjoni marbuta ma’:

- operazzjonijiet li huma jew jidhru li huma fi ksur ta’ leġislazzjoni bħal din u li jistgħu jkunu ta’ interess għall-Parti l-oħra;

- modi jew metodi ġodda użati biex jitwettqu tali operazzjonijiet;

- merkanzija magħrufa bħala li hija soġġetta għal operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

- persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma suspettati fuq raġunijiet validi li huma involuti jew li kienu involuti f’operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali;

- mezzi ta’ trasport li huma suspettati fuq raġunijiet validi li ntużaw, li jintużaw jew li jistgħu jintużaw f’operazzjonijiet fi ksur tal-leġislazzjoni doganali.

Artikolu 5

Kunsinna/Notifika

Fuq it-talba tal-awtorità applikanti, l-awtorità rikjesta għandha, skont il-leġislazzjoni tagħha, tieħu l-passi meħtieġa kollha sabiex:

- tikkunsinna d-dokumenti kollha;

- tinnotifika d-deċiżjonijiet kollha,

li jaqgħu fl-ambitu ta’ dan il-Protokoll lill-indirizzat, li joqgħod jew li huwa stabbilit fit-territorju tagħha. F’każ bħal dan, l-Artikolu 6(3) għandu japplika għat-talbiet għal komunikazzjoni jew notifika.

Artikolu 6

Forma u sustanza ta’ talbiet għal assistenza

1. It-talbiet skont dan il-Protokoll għandhom isiru bil-miktub. Huma għandhom ikunu akkompanjati mid-dokumenti meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-konformità mat-talba. Meta meħtieġ minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, talbiet orali jistgħu jiġu aċċettati, iżda għandhom jiġu kkonfermati immedjatament bil-miktub.

2. Talbiet skont il-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-awtorità applikanti li tagħmel it-talba;

(b) il-miżura rikjesta;

(ċ) l-objettiv u r-raġuni tat-talba;

(d) il-liġijiet, ir-regoli u l-elementi legali l-oħrajn involuti;

(e) indikazzjonijiet kemm jista’ jkun preċiżi u komprensivi dwar il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jkunu l-mira tal-investigazzjonijiet;

(f) sommarju tal-fatti rilevanti u tal-istħarriġ diġa’ mwettaq, ħlief fil-każijiet previsti fl-Artikolu 5.

3. It-talbiet għandhom jiġu sottomessi f’lingwa uffiċjali tal-awtorità rikjesta jew f’lingwa aċċettabbli għal dik l-awtorità.

4. Jekk talba ma tkunx skont ir-rekwiżiti formali, tista’ tintalab li tiġi korretta jew kompluta; iżda jistgħu jiġu ordnati miżuri ta’ prekawzjoni.

Artikolu 7

Eżekuzzjoni ta’ talbiet

1. Sabiex tikkonforma ma’ talba għal assistenza, l-awtorità rikjesta għandha tipproċedi, fil-limiti tal-kompetenza tagħha u tar-riżorsi disponibbli, daqs li kieku kienet qed taġixxi f’isimha proprju jew fuq talba ta’ awtoritajiet oħrajn ta’ dik l-istess Parti, billi tgħaddi l-informazzjoni li diġà jkollha, billi tagħmel l-investigazzjonijiet xierqa jew billi tirranġa sabiex dawn isiru. Din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għad-dipartiment amministrattiv li lilu tkun indirizzata t-talba mill-awtorità rikjesta meta din tal-aħħar ma tkunx tista’ taġixxi minn rajha.

2. It-talbiet għal assistenza għandhom isiru skont il-liġijiet, ir-regoli u l-istrumenti legali l-oħrajn tal-Parti rikjesta.

3. Uffiċjali awtorizzati kif xieraq ta’ Parti jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra involuta u soġġetti għall-kondizzjonijiet imniżżla minn din tal-aħħar, jiksbu mill-uffiċċji tal-awtorità rikjesta jew awtorità oħra għal liema l-awtorità rikjesta hija responsabbli, informazzjoni dwar operazzjonijiet li huma jew li jistgħu jkunu fi ksur tal-leġislazzjoni doganali li l-awtorità applikanti teħtieġ għall-fini ta’ dan il-Protokoll.

4. L-uffiċjali ta’ xi Parti jistgħu, bi ftehim mal-Parti l-oħra involuta u soġġetti għall-kondizzjonijiet preskritti minn din tal-aħħar, ikunu preżenti fl-investigazzjonijiet imwettqa fit-territorju ta’ din il-Parti tal-aħħar.

Artikolu 8

Forma li fiha għandha tiġi kkomunikata l-informazzjoni

1. L-awtorità rikjesta għandha tikkomunika r-riżultati tal-investigazzjonijiet lill-awtorità applikanti fil-forma ta’ dokumenti, kopji ċċertifikati ta’ dokumenti, rapporti u oħrajn bħal dawn.

2. Id-dokumenti previsti fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu sostitwiti b’informazzjoni kompjuterizzata prodotta fi kwalunkwe forma għall-istess fini.

3. Il-fajls u d-dokumenti oriġinali għandhom jintalbu biss f’każijiet fejn il-kopji ċċertifikati ma jkunux biżżejjed. L-oriġinali li jintbagħtu għandhom jiġu ritornati mal-ewwel opportunità.

Artikolu 9

Eċċezzjonijiet mill-obbligu li tingħata assistenza

1. Il-Partijiet jistgħu jirrifjutaw li jagħtu assistenza kif prevista f’dan il-Protokoll, fejn jekk jagħmlu dan:

(a) aktarx tiġi ppreġudikata s-sovranità tat-Turkmenistan jew dik ta’ Stat Membru li jkun intalab jipprovdi assistenza taħt dan il-Protokoll; jew

(b) aktarx li jkunu ppreġudikati l-ordni pubbliku, is-sigurtà jew interessi essenzjali oħra, b’mod partikolari fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 10(2); jew

(ċ) jiġu involuti regolamenti dwar il-valuta jew it-taxxa minbarra l-leġislazzjoni doganali; jew

(d) jinkiser sigriet industrijali, kummerċjali jew professjonali.

2. Fejn l-awtorità applikanti titlob assistenza li hi nnifisha ma tkunx tista’ tagħti kieku tintalab tagħmel dan, tiġbed l-attenzjoni ta’ dan il-fatt fit-talba tagħha. Hija għandha mbagħad titħalla għall-awtorità rikjesta li tiddeċiedi kif twieġeb għal talba bħal din.

3. Jekk tiġi rrifjutata l-assistenza, id-deċiżjoni u r-raġunijiet għandhom jiġu notifikati lill-awtorità applikanti mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Skambju ta’ informazzjoni u kunfidenzjalità

1. Kull informazzjoni kkomunikata fi kwalunkwe forma skont dan il-Protokoll għandha tkun kunfidenzjali u ristretta, skont ir-regoli applikabbli f’kull waħda mill-Partijiet. Hija għandha tkun koperta mill-obbligu ta’ segretezza uffiċjali u għandha tgawdi mill-protezzjoni estiża għal informazzjoni simili skont il-liġijiet rilevanti tal-Parti li tkun rċevietha u d-dispożizzjonijiet korrispondenti li japplikaw għall-istituzzjonijiet Komunitarji.

2. Data personali tista’ tiġi mibdula biss fejn il-Parti li tirċievi timpenja ruħha li tipproteġi din id-data b’tali mod li jkun mill-inqas ekwivalenti għall-mod applikabbli għal dak il-każ partikolari mill-Parti li tissupplixxi.

3. L-informazzjoni li tinkiseb għandha tintuża biss għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll. Fejn wieħed mill-Partijiet jitlob l-użu ta’ tali informazzjoni għal finijiet oħra, huwa għandu jitlob il-kunsens bil-miktub minn qabel tal-awtorità li pprovdiet l-informazzjoni. Tali użu mbagħad għandu jkun soġġett għar-restrizzjonijiet kollha stabbiliti minn dik l-awtortià.

4. Il-paragrafu 3 m’għandux jimpedixxi l-użu ta’ informazzjoni fi kwalunkwe proċedimenti ġudizzjarji jew amministrattivi sussegwentement stabbiliti minħabba nuqqas ta’ konformità mal-leġislazzjoni doganali. L-awtorità kompetenti li tkun tat dik l-informazzjoni għandha tiġi notifikata b’tali użu.

5. Il-Partijiet jistgħu, fir-reġistrazzjonijiet tagħhom tal-evidenza, ir-rapporti u t-testimonjanzi u fil-proċedimenti u l-akkużi miġjuba quddiem il-qrati, jużaw bħala evidenza informazzjoni miksuba u dokumenti konsultati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 11

Esperti u xiehda

Uffiċjal ta’ awtorità rikjesta jista’ jiġi awtorizzat sabiex jidher, fil-limiti tal-awtorizzazzjoni mogħtija, bħala espert jew xhud fi proċedimenti ġudizzjarji jew aministrattivi dwar materji koperti minn dan il-Protokoll fil-ġurisdizzjoni tal-Parti l-oħra, u biex jipproduċi oġġetti, dokumenti jew kopji ċertifikati tagħhom, skont kif jista’ jkun meħtieġ għall-proċedimenti. It-talba għad-dehra għandha tindika speċifikament dwar liema materji u bis-saħħa ta’ liema titolu jew kwalifika l-uffiċjal ser jiġi mistoqsi.

Artikolu 12

Spejjeż ta’ assistenza

Il-Partijiet għandhom jirrinunzjaw il-pretensjonijiet kollha ta’ bejn xulxin dwar ir-rimborż tal-ispejjeż imġarrba skont dan il-Protokoll, ħlief, kif xieraq, għall-ispejjeż għal esperti u xiehda u għal interpreti u tradutturi li ma jkunux impjegati tas-servizz pubbliku.

Artikolu 13

Applikazzjoni

1. L-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll għandha tiġi fdata lill-awtoritajiet doganali ċentrali tat-Turkmenistan minn naħa waħda u lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej u, fejn xieraq, lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri min-naħa l-oħra. Huma għandhom jiddeċiedu dwar il-miżuri prattiċi u l-arranġamenti meħtieġa kollha għall-applikazzjoni tiegħu, b’kont meħud tar-regoli fis-seħħ fil-qasam tal-protezzjoni ta’ data. Huma jistgħu jirrakkomandaw lill-korpi kompetenti l-emendi li jqisu li għandhom isiru għal dan il-Protokoll.

2. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin u sussegwentement iżommu lil xulxin informati bir-regoli dettaljati ta’ implementazzjoni li jiġu adottati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 14

Ftehimiet oħrajn

1. Wara li jittieħdu in konsiderazzjoni l-kompetenzi tal-Komunità Ewropea u tal-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll:

- m’għandhomx jaffettwaw l-obbligi tal-Partijiet taħt xi ftehim jew konvenzjoni internazzjonali oħra;

- għandhom jitqiesu komplementari għal ftehimiet dwar assistenza reċiproka li jkunu ġew jew li jistgħu jiġu konklużi bejn Stati Membri individwali u t-Turkmenistan; u

- m’għandhomx jaffetwaw id-dispożizzjoniet li jirregolaw il-komunikazzjoni bejn is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri dwar xi informazzjoni miksuba taħt dan il-ftehim li tista’ tkun ta’ interes għall-Komunità.

2. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jieħdu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet tal-ftehim bilaterali fuq assistenza reċiproka li ġie jew li jista’ jiġi konkluż bejn l-Istati Membri individwali u t-Turkmenistan safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar huma inkompatibbli ma’ dawk ta’ dan il-Protokoll.

3. Fir-rigward ta’ mistoqsijiet marbuta mal-applikabbiltà ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin sabiex isolvu materja fil-qafas tal-Kumitat Konġunt imsemmi fl-Artikolu 17 ta’ dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------

ATT FINALI

Il-Plenipotenzjarji tal-"KOMUNITÀ EWROPEA", il-"KOMUNITÀ EWROPEA TAL-FAĦAM U L-AZZAR" u l-"KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA", minn issa ’il quddiem imsejħin "il-Komunità",

minn naħa waħda, u

l-plenipotenzjarji tat-"TURKMENISTAN",

min-naħa l-oħra,

imlaqqgħin fi Brussell fl- 10 ta’ Novembru 1999 għall-iffirmar tal-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u materji relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim", addottaw it-testi li ġejjin:

il-Ftehim inklużi l-Annessi tiegħu u l-Protokoll li ġej:

Protokoll dwar assistenza amministrattiva reċiproka f’materji doganali.

Il-plenipotenzarji tal-Komunità u l-plenipotenzarji tat-Turkmenistan addottaw it-testi tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti elenkati hawn taħt u annessi għal dan l-Att Finali:

Dikjarazzjoni Konġunta dwar data personali

Dikjarazzjoni Konġunta rigward l-Artikolu 7 tal-Ftehim

Dikjarazzjoni Konġunta rigward l-Artikolu 8 tal-Ftehim

Dikjarazzjoni Konġunta rigward l-Artikolu 15 tal-Ftehim

Dikjarazzjoni Konġunta rigward l-Artikolu 28 tal-Ftehim

Il-plenipotenzarji tal-Komunità ħadu nota wkoll tad-Dikjarazzjoni Unilaterali elenkata hawn taħt u annessa għal dan l-Att Finali:

Dikjarazzjoni Unilaterali mit-Turkmenistan rigward il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali.

Magħmul fi Brussell, fl-għaxar jum ta’ Novembru fis-sena elf disa’ mija disgħa u disgħin.

Għall-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika

Għat-Turkmenistan

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni konġunta dwar data personali

Fl-applikazzjoni tal-ftehim, il-Partijiet huma konxji tal-ħtieġa ta’ protezzjoni adegwata tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ din id-data.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-artikolu 7 tal-ftehim

Il-Komunità u t-Turkmenistan jiddikjaraw li t-test tal-klawsola ta’ salvagwardja ma jiggarantix it-trattament ta’ salvagwardja tal-GATT.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-artikolu 8 tal-Ftehim

Sakemm it-Turkmenistan jaderixxi mad-WTO, il-Partijiet għandhom iwettqu konsultazzjonijiet fil-Kumitat Konġunt dwar il-linji politiċi tat-Turkmenistan dwar it-tariffi fuq importazzjoni, inklużi bidliet fil-protezzjoni tat-tariffi. B’mod partikolari, tali konsultazzjonijiet għandhom jiġu offruti qabel iż-żieda tal-protezzjoni tat-tariffi.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-artikolu 15 tal-Ftehim

Fil-limiti tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Partijiet jaqblu illi għall-fini ta’ dan il-Ftehim, il-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali tinkludi b’mod partikolari d-dritt tal-awtur, inkluż id-dritt tal-awtur fi programmi tal-kompjuters, u d-drittijiet qrib, id-drittijiet relatati ma’ brevetti, disinji industrijali, indikazzjonijiet ġeografiċi, inklużi l-ismijiet tal-oriġini, it-trademarks u l-marki ta’ servizzi, it-topografiji ta’ ċirkwiti integrati kif ukoll protezzjoni minn kompetizzjoni inġusta kif imsemmija fl-Artikolu 10a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali u l-protezzjoni ta’ informazzjoni mhux żvelata dwar kompetenzi.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-artikolu 28 tal-Ftehim

1. Il-Partijiet jaqblu, għall-fini ta’ interpretazzjoni korretta tiegħu u applikazzjoni prattika tiegħu, li t-terminu "każijiet ta’ urġenza speċjali" inkluż fl-Artikolu 28 tal-Ftehim ifisser każijiet ta’ ksur materjali tal-Ftehim minn waħda mill-Partijiet. Ksur materjali tal-Ftehim jikkonsisti minn:

(a) rifjut tal-Ftehim li mhux sanzjonat mir-regoli ġenerali tad-dritt internazzjonali

jew

(b) il-ksur tal-elementi essenzjali tal-Ftehim stabbiliti fl-Artikolu 1.

2. Il-Partijiet jaqblu illi l-"miżuri xierqa" msemmijin fl-Artikolu 28 huma miżuri meħudin skont id-dritt internazzjonali. Jekk parti tieħu miżuri f’każ ta’ urġenza speċjali kif previst fl-Artikolu 28, il-parti l-oħra tista’ tieħu opportunità mill-proċedura li tirrigwarda s-soluzzjoni ta’ tilwim.

--------------------------------------------------

Dikjarazzjoni unilaterali mit-turkmenistan dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali

It-Turkmenistan jiddikjara li:

1. Mat-tmiem tal-ħames sena wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, it-Turkmenistan għandu jaċċedi għall-konvenzjonijiet multilaterali dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali msemmijin fil-paragrafu 2 ta’ din id-Dikjarazzjoni li tagħha l-Istati Membri tal-Komunità huma partijiet jew li huma de facto applikati mill-Istati Membri skont id-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu f’dawn il-konvenzjonijiet.

2. Il-paragrafu 1 ta’ din id-Dikjarazzjoni jirrigwarda l-konvenzjonijiet multilaterali li ġejjin:

- il-Konvenzjoni ta’ Berna dwar il-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (Att ta’ Pariġi, 1971);

- il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Artisti, Produtturi ta’ Fonogrammi u Organizzazzjonijiet ta’ Xandara (Ruma, 1961);

- il-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali ta’ Marki (Att ta’ Stokkolma, 1967, u emendat fl-1979),

- il-Protokoll marbut mal-Ftehim ta’ Madrid dwar ir-Reġistrazzjoni Internazzjonali tat-Trademarks (Madrid, 1989);

- il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Merkanzija u Servizzi għall-finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Marki (Ġinevra 1977, emendat fl-1979);

- it-Trattat ta’ Budapest dwar ir-Rikonoxximent Internazzjonali tad-Depożitu ta’ Mikro-organiżmi għall-finijiet tal-Proċeduri ta’ Brevetti (1977, modifikat fl-1980);

- il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta’ Varjetajiet Ġodda ta’ Pjanti (UPOV) (Att ta’ Ġinevra, 1991).

3. It-Turkmenistan jikkonferma l-importanza li jagħti lill-obbligi li jirriżultaw mill-konvenzjonijet multilaterali li ġejjin:

- il-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali (Att ta’ Stokkolma, 1967 u emendat fl-1979);

- it-Trattat ta’ Kooperazzjoni dwar il-Brevetti (Washington 1970, emendat u modifikat fl-1979 u fl-1984).

4. Mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, it-Turkmenistan għandu jagħti lill-kumpanniji u ċ-ċittadini Komunitarji, fir-rigward tar-rikonoxximent u l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali, trattament mhux inqas favorevoli minn dak li jagħti lil kwalunkwe pajjiż terz taħt ftehimiet bilaterali.

5. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 m’għandhomx japplikaw għall-vantaġġi mogħtija mit-Turkmenistan lil kwalunkwe pajjiż terz fuq bażi reċiproka effettiva jew għall-vantaġġi mogħtija mit-Turkmenistan lil pajjiż ieħor tal-eks-Unjoni Sovjetika.

--------------------------------------------------

Skambju ta’ ittri bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkmenistan li jemenda l-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, fuq naħa waħda, u t-Turkmenistan, fuq in-naħa l-oħra, fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi

A. Ittra mill-Komunità Ewropea

Sinjur,

Il-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fl- 10 ta’ Novembru 1999.

L-Artikolu 31 tal-Ftehim Temporanju jindika l-verżjonijiet tal-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola, Żvediża u Turkmana bħala verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi ta’ dan il-ftehim.

Wara ż-żieda fin-numru ta’ lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, b’mod partikolari wara l-adeżjoni ta’ 12-il Stat Membru mal-Unjoni Ewropea mill-iffirmar tal-Ftehim Temporanju, huwa meħtieġ li l-verżjonijiet tal-lingwa Bulgara, Ċeka, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovakka u Slovena tal-Ftehim Temporanju jiġu indikati wkoll bħala verżjonijiet awtentiċi tal-Ftehim Temporanju u li l-Artikolu 31 tal-Ftehim Temporanju jiġi emendat kif meħtieġ.

Mehmuża ma’ din l-ittra ssib dawn il-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali.

Napprezza jekk tkun tista’ tesprimi l-aċċettazzjoni tat-Turkmenistan tal-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali bħala verżjonijiet lingwistiċ awtentiċi tal-Ftehim Temporanju u l-qbil tat-Turkmenistan mal-emenda korrispondenti tal-Artiklu 31 tal-Ftehim Temporanju.

Dan l-istrument se jidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tiegħu.

Jekk jogħġbok aċċetta l-assigurazzjoni tal-ogħla stima tiegħi.

Għall-Komunità Ewropea

B. Ittra mit-Turkmenistan

Sinjur,

Għandi l-unur ngħarrfek li rċevejt l-ittra tiegħek bid-data tal-lum u l-verżjonijiet lingwistiċi annessi tal-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra,li tgħid dan li ġej:

"Il-Ftehim Temporanju dwar kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar u l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, minn naħa waħda, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fl- 10 ta’ Novembru 1999.

L-Artikolu 31 tal-Ftehim Temporanju jindika l-verżjonijiet tal-lingwa Daniża, Olandiża, Ingliża, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Taljana, Portugiża, Spanjola, Żvediża u Turkmana bħala verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi ta’ dan il-ftehim.

Wara ż-żieda fin-numru ta’ lingwi uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea, b’mod partikolari wara l-adeżjoni ta’ 12-il Stat Membru mal-Unjoni Ewropea mill-iffirmar tal-Ftehim Temporanju, huwa meħtieġ li l-verżjonijiet tal-lingwa Bulgara, Ċeka, Estonjana, Ungeriża, Latvjana, Litwana, Maltija, Pollakka, Rumena, Slovakka u Slovena tal-Ftehim Temporanju jiġu indikati wkoll bħala verżjonijiet awtentiċi tal-Ftehim Temporanju u li l-Artikolu 31 tal-Ftehim Temporanju jiġi emendat kif meħtieġ.

Mehmuża ma’ din l-ittra ssib dawn il-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali.

Napprezza jekk tkun tista’ tesprimi l-aċċettazzjoni tat-Turkmenistan tal-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali bħala verżjonijiet lingwistiċ awtentiċi tal-Ftehim Temporanju u l-qbil tat-Turkmenistan mal-emenda korrispondenti tal-Artiklu 31 tal-Ftehim Temporanju.

Dan l-istrument se jidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tiegħu."

Għandi l-unur li nesprimi l-aċċettazzjoni tat-Turkmenistan tal-verżjonijiet lingwistiċi addizzjonali annessi ma’ dik l-ittra bħala verżjonijiet lingwistiċi awtentiċi tal-Ftehim Temporanju u l-qbil tat-Turkmenistan mal-emenda korrispondenti tal-Artikolu 31 tal-Ftehim Temporanju.

Kif stabbilit fl-ittra tiegħek, dan l-istrument se jidħol fis-seħħ fid-data tal-iffirmar tiegħu.

Jekk jogħġbok aċċetta l-assigurazzjoni tal-ogħla stima tiegħi.

Għat-Turkmenistan

--------------------------------------------------