6.10.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 263/13 |
DEĊIŻJONI Nru 1/2010 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI TAL-AKP-UE
tal-21 ta’ Ġunju 2010
rigward l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel mal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE rivedut
(2010/595/UE)
IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (minn hawn ’il quddiem, “AKP”) min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1) u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005 (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim AKP-UE”) (2), u partikolarment l-Artikolu 94(1) tiegħu,
Billi:
(1) |
Il-Ftehim AKP-UE rivedut daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008 skont l-Artikolu 93, paragrafu 3, tiegħu. |
(2) |
L-Afrika t’Isfel, wara li ffirmat il-Ftehim AKP-UE rivedut fil-25 ta’ Ġunju 2005, ma ressqitx strument ta’ ratifikazzjoni taħt it-termini tal-Artikolu 93, paragrafu 4, sal-iskadenza tat-30 ta’ Ġunju 2009. |
(3) |
L-Artikolu 94 tal-Ftehim AKP-UE rivedut jistipula li kwalunkwe talba għal adeżjoni minn Stat għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE u approvata minnu. |
(4) |
L-Afrika t’Isfel ippreżentat talba għall-adeżjoni mal-Ftehim AKP-UE fit-23 ta’ Novembru 2009. |
(5) |
Konformement mar-Regoli ta’ Proċedura (3) tiegħu, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE stabbilit taħt il-Ftehim AKP-UE jista’ japprova talba għall-adeżjoni permezz tal-proċedura bil-miktub, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Approvazzjoni ta’ talba għall-adeżjoni
It-talba tar-Repubblika tal-Afrika t’Isfel biex taderixxi mal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù, fit-23 ta’ Ġunju 2000, u rivedut fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, hija b’dan approvata.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul f’Ouagadougou il-21 ta’ Ġunju 2010.
Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE
Il-President
P. BUNDUKU-LATHA
(1) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
(2) Ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Kotonù fit-23 ta’ Ġunju 2000 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27).
(3) ĠU L 95, 14.4.2005, p. 44.