Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu
Official Journal L 195 , 27/07/2010 P. 5 - 14
TRADUZZJONI Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu L-UNJONI EWROPEA min-naħa waħda, u L-ISTATI UNITI TAL-AMERIKA, min-naħa l-oħra, Minn hawn ‘il quddiem imsejjħa "il-Partijiet", XEWQANA li jipprevjenu u jiġġieldu kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, b’mod partikolari bil-kondiviżjoni reċiproka ta’ informazzjoni, bħala mezz ta’ protezzjoni għas-soċjetatjiet demokratiċi rispettivi tagħhom u l-valuri, drittijiet, u libertajiet komuni tagħhom; FILWAQT LI JFITTXU li jtejbu u jinkoraġġixxu l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-ispirtu ta’ sħubija transatlantika; FILWAQT LI JFAKKRU l-konvenzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1373 (2001) u d-direttivi tagħha li l-Istati kollha għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jipprevjenu t-twettieq ta’ atti terroristiċi, inkluż l-għoti ta’ twissijiet fil-ħin lil Stati oħra pemezz ta’ skambju ta’ informazzjoni; li l-Istati għandhom jagħtu lil xulxin l-akbar livell ta’ assistenza b’rabta mal-investigazzjonijiet kriminali jew proċeduri kriminali relatati mal-finanzjament jew sostenn għal atti terroristiċi; li l-Istati għandhom isibu mezzi biex jintensifikaw u jaċċeleraw l-iskambju ta’ informazzjoni operattiva; li l-Istati għandhom jagħmlu skambju ta’ informazzjoni b’konformità mal-liġi internazzjonali u nazzjonali; u li l-Istati għandhom jikkooperaw, b’mod partikolari permezz ta’ arranġamenti bilaterali u multilaterali, biex jipprevjenu u jrażżnu attakki terroristiċi u biex jittieħdu passi kontra dawk li jikkommettu attakki bħal dawn; FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu ("TFTP") tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti kien strumentali fl-identifikazzjoni u l-qbid ta’ terroristi u l-finanzjaturi tagħhom u ġġenera bosta indizji li tqassmu lill-awtoritajiet kompetenti madwar id-dinja għall-finijiet tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’valur partikolari għall-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ("Stati Membri"); FILWAQT LI JINNUTAW l-importanza tat-TFTP fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu fl-Unjoni Ewropea u bnadi oħra, u r-rwol importanti tal-Unjoni Ewropea fl-iżgurar li l-fornituri maħtura għas-servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali jqiegħdu għad-dispożizzjoni data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea li huma meħtieġa għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, soġġett għal konformità stretta ma’ salvagwardji dwar il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali; FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-Artikolu 6(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, id-dritt tal-privatezza rigward l-ipproċessar tad- data personali kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-prinċipji tal-proporzjonalità u l-ħtieġa rigward id-dritt għar-rispett għal ħajja privata u tal-familja, ir-rispett għall-privatezza, u l-protezzjoni tad- data personali taħt l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-Konvenzjoni Nru 108 tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku ta’ Data Personali, u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM il-firxa tal-protezzjonijiet ta’ privatezza fl-Istati Uniti tal-Amerika ("Stati Uniti"), kif jidher fil-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti, u fil-leġiżlazzjoni kriminali u ċivili, fir-regolamenti u fil-politiki għal perjodu twil tagħha, li huma infurzati u miżmuma b’kontrolli u bilanċi applikati mit-tliet fergħat tal-gvern; FILWAQT LI JISĦQU dwar il-valuri komuni li jirregolaw il-privatezza u l-protezzjoni ta’ data personali fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti tal-Amerika, inkluża l-importanza li ż-żewġ Partijiet jagħtu lill-proċess ġust u d-dritt għal tfittxija ta’ rimedji effettivi għal azzjoni governattiva mhux adatta; FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM l-interess reċiproku fil-konklużjoni malajr ta’ ftehim vinkolanti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti abbażi ta’ prinċipji komuni li jirrigwardaw il-protezzjoni tad-data personali meta tiġi trasferita għall-finijiet ġenerali tal-infurzar tal-liġi, filwaqt li jiftakru l-importanza li jitqies bir-reqqa l-effett tiegħu fuq ftehimiet preċedenti u l-prinċipju tar-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv fuq bażi mhux diskriminatorja; FILWAQT LI JINNUTAW il-kontrolli u s-salvagwardji stretti ħafna li jintużaw mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-ġestjoni, l-użu u d-disseminazzjoni ta’ data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji f’konformità mat-TFTP, kif deskritt fir-rappreżentazzjonijiet tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal- 20 ta’ Lulju 2007 u r-Reġistru Federali tal-Istati Uniti fit- 23 ta’ Ottubru 2007, li jirriflettu l-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea fil-ġlieda kontra t-terroriżmu globali; FILWAQT LI JIRRIKONOXXU ż-żewġ reviżjonijiet u rapporti komprensivi tal-persuna indipendenti maħtura mill-Kummissjoni Ewropea biex tikkonferma l-konformità mas-salvagwardji tat-TFTP dwar il-protezzjoni tad-data, li jikkonkludu li l-Istati Uniti kienet konformi mal-prattiki deskritti fir-Rappreżentanzzjonijiet tagħha u kif ukoll li t-TFTP ikun iġġenera benefiċċji ta’ sigurtà sinifikanti għall-Unjoni Ewropea u li kienet indispensabbli mhux biss fl-investigar ta’ attakki terroristiċi, iżda wkoll biex ikun hemm prevenzjoni ta’ numru ta’ attakki terroristiċi fl-Ewropa u bnadi oħra; FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 5 ta’ Mejju 2010 dwar ir-Rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill biex tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti biex titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti d-data dwar messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu; FILWAQT LI JFAKKRU li, biex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tagħha, kwalunkwe persuna irrispettivament min-nazzjonalità tista’ tressaq ilment quddiem awtorità indipendenti għall-protezzjoni tad-data, awtorità oħra simili, qorti jew tribunal indipendenti u imparzjali, biex tfittex rimedji effettivi; FILWAQT LI JŻOMMU F’MOĦĦHOM li r-rimedju amministrattiv u ġudizzjaru mhux diskriminatorju hu disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għall-użu ħażin ta’ data personali, inkluż taħt l-Att dwar il-Proċedura Amministrattiva tal-1946, l-Att dwar l-Ispettur Ġenerali tal-1978, ir-Rakkomandazzjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Att tal-Kummissjoni 9/11 tal-2007, l-Att dwar Frodi u Abbuż bil-Kompjuter, u l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni; FILWAQT LI JFAKKRU li bil-liġi fl-Unjoni Ewropea klijenti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji huma infurmati li data personali li tinsab fir-rekords ta’ transazzjonijiet finanzjarji tista’ tiġi ttrasferita lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri jew pajjiżi terzi għall-finijiet tal-infurzar tal-liġi u li din in-notifika tista’ tinkludi informazzjoni rigward it-TFTP; FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-prinċipju ta’ proporzjonalità li qed jiggwida dan il-Ftehim u li hu implimentat mill-Unjoni Ewropea u kif ukoll mill-Istati Uniti; fl-Unjoni Ewropea kif meħud mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, il-ġurisprudenza applikabbli tagħha, u l-leġiżlazzjoni tal-UE u tal-Istat Membru; u fl-Istati Uniti permezz tal-ħtiġijiet tar-raġonevolezza meħuda mill-Kostituzzjoni tal-Istati Uniti u mil-liġijiet federali u tal-istat, u l-ġurisprudenza interpretattiva tagħhom, kif ukoll permezz ta’ projbizzjonijiet fuq l-eċċessività (overbreadth) ta’ digrieti li jagħtu aċċess lill-investigaturi finanzjarji għal informazzjoni finanzjarja (production orders) u dwar azzjoni arbitrarja mill-uffiċjali tal-gvern; FILWAQT LI JAFFERMAW li dan il-Ftehim ma jikkostitwix preċedent għal xi arranġamenti futuri bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, jew bejn kwalunkwe waħda mill-Partijiet u kwalunkwe Stat, fir-rigward tal-ipproċessar u t-trasferiment ta’ data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji jew xi forma oħra ta’ data, jew fir-rigward tal-protezzjoni tad-data; FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Fornituri Maħtura huma marbuta bir-regoli tal-UE jew nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data li huma ġeneralment applikabbli, dawn ir-regoli huma maħsuba biex jipproteġu l-individwi rigward l-ipproċessar tad-data personali tagħhom, taħt is-superviżjoni ta’ Awtoritajiet ta’ Protezzjoni tad-Data b’mezz konsistenti mad-dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ dan il-Ftheim; u FILWAQT LI JKOMPLU JAFFERMAW li dan il-Ftehim huwa mingħajr preġudizzju għal infurzar ieħor tal-liġi jew ftehimiet biex ikun hemm kondiviżjoni ta’ informazzjoni jew ta’ arranġamenti bejn il-Partijiet jew bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri, FTIEHMU KIF ĠEJ: Artikolu 1 Fini tal-Ftehim 1. Il-fini ta’ dan il-Ftehim huwa li jiġi żgurat, b’rispett sħiħ għall-privatezza, il-protezzjoni tad-data personali, u kondizzjonijiet oħra stabbiliti f’dan il-Ftehim, li: (a) messaġġi dwar pagamenti finanzjarji li jirreferu għal trasferimenti finanzjarji u data relatata maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea minn fornituri ta’ servizzi internazzjonali ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji, li huma maħtura b’mod konġunt skont dan il-Ftehim, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-fini esklussiv tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; u (b) informazzjoni rilevanti miksuba permezz tat-TFTP titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri, jew għad-dispożizzjoni tal-Europol jew tal-Eurojust, għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. 2. L-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, u l-Istati Membri tagħha għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa fl-awtorità tagħhom biex iwettqu d-dispożizzjonijiet u jiksbu l-fini ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 2 Kamp ta’ applikazzjoni Kondotta marbuta mat-Terroriżmu jew il-Finanzjament tat-Terroriżmu Dan il-Ftehim japplika biex jinkisbu u jiġu użati l-messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata bil-ħsieb tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni ta’: (a) Atti ta’ persuna jew entità li jinvolvu vjolenza, jew li huma b’xi mod perikolużi għall- ħajja tal-bniedem jew joħolqu riskju ta’ ħsara għall-proprjetà jew l-infrastruttura, u li, minħabba n-natura u l-kuntest tagħhom, huwa raġonevolment maħsub li jitwettqu bil-għan li: (i) jintimidaw jew jikkostrinġu popolazzjoni; (ii) jintimidaw, jisfurzaw, jew jikkostrinġu gvern jew organizzazzjoni internazzjonali biex taġixxi jew tastjeni milli taġixxi; jew (iii) joħolqu nuqqas ta’ stabbiltà serju jew ikissru l-istrutturi fundamentali politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi jew soċjali ta’ pajjiz jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali, (b) Persuna jew entità li tassisti, tisponsorja, jew tipprovdi sostenn finanzjarju, materjali jew teknoloġiku għal, jew servizzi finanzjarji jew servizzi oħrajn għal, jew b’appoġġ għal, l-atti deskritti fis-subparagrafu (a); (ċ) Persuna jew entità li tipprovdi jew tiġbor fondi, bi kwlunkwe mezz, dirett jew indirett, bil-ħsieb li għandhom jintużaw jew bl-għarfien li dawn se jintużaw, kollha kemm huma jew parti minnhom, sabiex jitwettaq kwalunkwe wieħed mill-atti deskritti fis- subparagrafi (a) jew (b); jew (d) Persuna jew entità li tgħin, tassisti jew tipprova twettaq atti deskritti fis-subparagrafi (a), (b) jew (c). Artikolu 3 Żgurar tal-Forniment tad-Data mill-Fornituri Maħtura Il-Partijiet, b’mod konġunt jew individwali, għandhom jiżguraw, f’konformità ma’ dan il-Ftehim u b’mod partikolari mal-Artikolu 4, li l-entitajiet maħtura b’mod konġunt mill-Partijiet taħt dan il-Ftehim bħala fornituri ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali ("Fornituri Maħtura") iqiegħdu għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti messaġġi dwar pagamenti finanzjarji mitluba u data relatata li huma meħtieġa għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu ("Data Provduta"). Il-Fornituri Maħtura għandhom jiġu identifikati fl-Anness għal dan il-Ftehim u jistgħu jiġu aġġornati, kif meħtieġ, bi skambju ta’ noti diplomatiċi. Kwalunkwe emendi għal dan l-Anness għandhom jiġu ppubblikati kif xieraq f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Artikolu 4 Talbiet mill-Istati Uniti għall-Ksib ta’ Data mill-Fornituri Maħtura 1. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jordna u jinnotifika production orders ("Talbiet"), taħt l-awtorità tal-liġi tal-Istati Uniti, lill-Fornitur Maħtur preżenti fit-territorju tal-Istati Uniti sabiex jikseb id-data meħtieġa għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu li tkun maħżuna fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. 2. It-Talba (flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti supplimentari) għandha: (a) tidentifika b’mod ċar kemm jista’ jkun id-data, inklużi l-kategoriji speċifiċi tad-data mitluba, li huma meħtieġa għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tal-finanzjament tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; (b) tissostanzja b’mod ċar il-ħtieġa tad-data; (ċ) titfassal b’attenzjoni kbira biex jiġi minimizzat l-ammont tad-data mitluba, filwaqt li titqies l-analiżi, passata u kurrenti ta’ riskju ta’ terroriżmu, iffukata fuq tipi ta’ messaġġi u ġeografija kif ukoll dak li hu perċepit bħala theddid terroristiku u l-vulnerabbilitajiet u tal-analiżi ġeografika, tat-theddid u tal-vulnerabbiltà; u (d) ma tfittixx data relatata maż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (SEPA). 3. Wara li tiġi nnotifikata t-Talba lill-Fornitur Maħtur, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu fl-istess ħin jagħti lill-Europol kopja tat-Talba flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti supplimentari. 4. Wara li l-Europol tirċievi din il-kopja, għandha tivverifika, bħala kwistjoni ta’ urġenza, jekk din it-Talba hijiex konformi mal-ħtiġijiet tal-paragrafu 2. L-Europol għandha tinnotifika lill-Fornitur Maħtur li kkonfermat li t-Talba hija konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2. 5. Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, ladarba l-Europol tkun ikkonfermat li t-Talba hija konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafu 2, it-Talba għandu jkollha effett legali vinkolanti kif previst taħt il-liġi tal-Istati Uniti, fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fl-Istati Uniti. Għalhekk il-Fornitur Maħtur ikun awtorizzat u meħtieġ li jipprovdi d-data lid- Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. 6. Il-Fornitur Maħtur għandu, minnufih wara, jipprovdi d-data (jiġifieri, fuq "bażi lineari" (push basis)) direttament lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Il-Fornitur Maħtur għandu jżomm reġistru dettaljat tad-data kollha trasmessa lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għall-fini ta’ dan il-Ftehim. 7. Ladarba d-data tkun ġiet ipprovduta skont dawn il-proċeduri, il-Fornitur Maħtur għandu jitqies li kien konformi ma’ dan il-Ftehim u mar-rekwiżiti legali l-oħra kollha applikabbli fl-Unjoni Ewropea relatati mat-trasferiment ta’ din id-data mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti. 8. Il-Fornituri Maħtura għandu jkollhom ir-rimedji kollha amministrattivi u ġudizzjarji disponibbli taħt il-liġi tal-Istati Uniti għal dawk li jirċievu t-Talbiet tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. 9. Il-Partijiet għandhom jikkordinaw b’mod konġunt rigward il-modalitajiet tekniċi meħtieġa għas-sostenn tal-proċess ta’ konferma tal-Europol. Artikolu 5 Salvagwardji Applikabbli għall-Ipproċessar tad-Data Pprovduta Obbligi ġenerali 1. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura li d-Data Pprovduta tiġi pproċessata skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura l-protezzjoni ta’ data personali permezz tas-salvagwardji li ġejjin, li għandhom japplikaw mingħajr diskriminazzjoni, b’mod partikolari abbażi ta’ nazzjonalità jew pajjiż ta’ residenza. 2. Id-Data Pprovduta għandha tiġi pproċessata b’mod esklussiv għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. 3. It-TFTP ma jinvolvix u m’għandux jinvolvi data mining jew kwalunkwe tip ieħor ta’ ġbir ta’ informazzjoni algoritmiku jew awtomatizzat jew iffiltrar kompjuterizzat. Sigurtà u Integrità tad-Data 4. Biex jiġi impedit l-aċċess mhux awtorizzat, jew il-kxif jew it-telf tad-data jew kwalunkwe forma mhux awtorizzata ta’ pproċessar: (a) Id-Data Pprovduta għandha tinżamm f’ambjent fiżiku sigur, maħżuna b’mod separat minn kwalunkwe data oħra, u miżmuma b’sistemi ta’ livell għoli u kontrolli ta’ intrużjoni fiżika; (b) Id-Data Pprovduta m’għandha tkun interkonnessa mal-ebda bażi tad-data oħra; (ċ) L-aċċess għad-Data Pprovduta għandu jiġi limitat għall-analisti li jinvestigaw it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu u għall-persuni involuti fl-appoġġ tekniku, fil-ġestjoni, u fis-sorveljanza tat-TFTP; (d) Id-Data Pprovduta m’għandha tkun soġġetta għal ebda manipulazzjoni, alterazzjoni jew żieda; u (e) M’għandha ssir ebda kopja tad-Data Pprovduta, ħlief għall-finijiet ta’ back-up ta’ rkupru minn diżastru; Proċessar Meħtieġ u Proporzjonat ta’ Data 5. It-tiftix kollu tad-Data Pprovduta għandu jiġi bbażat fuq informazzjoni jew evidenza li tkun diġà teżisti li turi raġuni biex wieħed jemmen li hemm rabta bejn is-suġġett tat-tiftixa u t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; 6. Kull tiftixa individwali tat-TFTP tad-Data Pprovduta għandha tiġi mfassla b’attenzjoni kbira, għandha turi raġuni biex wieħed jemmen li hemm rabta bejn is-suġġett tat-tiftixa u t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu, u għandha tiġi rreġistrata, inkluża tali raġuni ta’ rabta mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu meħtieġa biex tinbeda t-tiftixa. 7. Id-Data Pprovduta tista’ tinkludi informazzjoni li tidentifika l-oriġinatur u/jew ir-riċevitur tat-transazzjoni, inkluż l-isem, in-numru tal-kont, l-indirizz, u n-numru ta’ identifikazzjoni nazzjonali. Il-Partijiet jirrikonoxxu s-sensittività speċjali ta’ data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, jew twemmin reliġjuż jew twemmin ieħor, sħubija ma’ trade union, jew saħħa u ħajja sesswali ("data sensittiva"). Fiċ-ċirkustanzi eċċezzjonali fejn id-data estratta tkun tinkludi data sensittiva, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jipproteġi din id-data skont il-miżuri ta’ salvagwardji u ta’ sigurtà stabbiliti f’dan il-Ftehim u b’rispett sħiħ u kunsiderazzjoni għas-sensittività speċjali tagħhom. Artikolu 6 Iż-Żamma u t-Tħassir ta’ Data 1. Matul il-perjodu ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jidħol f’evalwazzjoni kontinwa u għallinqas darba fis-sena, biex jidentifika data mhux estratta li mhijiex aktar meħtieġa għall-ġlieda kontra it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Fil-każ li tinstab din id-data, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jħassarha b’mod permanenti hekk kif ikun teknoloġikament possibbli. 2. Jekk jirriżulta li ġiet trasferita data ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji li ma ġietx mitluba, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jħassar minnufih u b’mod permanenti din id-data u għandu jinforma l-Fornitur Maħtur rilevanti. 3. Soġġetta għal kwalunkwe tħassir passat ta’ data li jirriżulta mill-paragrafi 1, 2, jew 5, id-data kollha li ma ġietx estratta li waslet qabel l- 20 ta’ Lulju 2007 għandha titħassar mhux aktar tard mill- 20 ta’ Lulju 2012. 4. Soġġetta għal kwalunkwe tħassir passat ta’ data li jirriżulta mill-paragrafi 1, 2, jew 5, id-data li ma ġietx estratta li waslet fl- 20 ta’ Lulju 2007 jew wara din id-data għandha titħassar mhux aktar tard minn ħames (5) snin mid-data ta’ meta waslet. 5. Matul il-perjodu ta’ dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jidħol f’evalwazzjoni kontinwa u għallinqas darba fis-sena biex jivvaluta l-perjodi għaż-żamma tad-data speċifikati fil-paragrafi 3 u 4 biex jiżgura li dawn il-perjodi ma jkunux itwal minn dak meħtieġ għall-ġlieda kontra it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. Fil-każ li kwlaunkwe perjodi għaż-żamma tad-data bħal dawn jiġu ddeterminati li jkunu itwal milli meħtieġ għall-ġlieda kontra it-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jnaqqas dawn il-perjodi għaż-żamma tad-data, kif jixraq. 6. Mhux aktar tard minn tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandhom iħejju rapport konġunt rigward il-valur tad-Data Pprovduta tat-TFTP, b’enfażi partikolari fuq il-valur tad-data miżmuma għal snin multipli u informazzjoni rilevanti miksuba minn reviżjoni konġunta li saret skont l-Artikolu 13. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt il-modalitajiet ta’ dan ir-rapport. 7. L-informazzjoni estratta mid-Data Pprovduta, inkluża informazzjoni kondiviża taħt l-Artikolu 7, għandha tinżamm biss għal dak il-perjodu meħtieġ biex jintużaw għal investigazzjonijiet jew prosekuzzjonijiet speċifiċi. Artikolu 7 Trasferiment ‘il Quddiem It-trasferiment ‘il quddiem ta’ informazzjoni estratta mid-Data Pprovduta għandu jiġi llimitat skont is-salvagwardji li ġejjin: (a) Għandha tiġi kondiviża dik l-informazzjoni biss li ġiet estratta bħala riżultat ta’ tiftixa individwalizzata kif deskritt f’dan il-Ftehim, b’mod partikolari fl-Artikolu 5; (b) Informazzjoni bħal din għandha tiġi kondiviża biss ma’ awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti, l-Istati Membri, jew pajjiżi terzi, jew mal-Europol jew l-Eurojust, jew korpi internazzjonali xierqa oħra, fil-limiti tar-responsabbiltajiet tal-mandati rispettivi tagħhom; (ċ) Informazzjoni bħal din għandha tiġi kondiviża għal raġunijiet ta’ indizji biss u għall-fini esklussiv tal-investigazzjoni, tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu; (d) Fil-każ fejn id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti jkun konxju li informazzjoni bħal din tinvolvi ċittadini jew residenti ta’ Stat Membru, kwalunkwe kondiviżjoni ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet ta’ pajjiż terz għandha tkun soġġetta għall-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati jew skont il-protokolli eżistenti dwar il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni bħal din bejn id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u dak l-Istat Membru, barra fil-każijiet fejn il-kondiviżjoni tad-data tkun essenzjali għall-prevenzjoni ta’ theddida immedjata jew gravi għas-sigurtà pubblika tal-Parti ma’ dan il-Ftehim, Stat Membru, jew pajjiż terz. Fil-każ ta’ dan tal-aħħar l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jiġu informati dwar din il-kwistjoni mill-aktar fis possibbli; (e) Fil-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jitlob li l-informazzjoni għandha titħassar mill-awtorità li tirċievi l-informazzjoni hekk kif ma tkunx aktar meħtieġa għall-fini li għalih kienet ġiet kondiviża; u (f) Kull trasferiment ‘il quddiem għandu jiġi rreġistrat kif xieraq. Artikolu 8 Adegwatezza Soġġett għall-konformità kontinwa mal-impenji dwar il-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali stabbiliti f’dan il-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti hu meqjus li jiżgura livell xieraq ta’ protezzjoni tad-data għall-ipproċessar ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji u data relatata ttrasferita mill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 9 Forniment Spontanju ta’ Informazzjoni 1. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura li jqiegħed għad-dispożizzjoni, mill-aktar fis possibbli u bl-aktar mod espedjenti, tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu tal-Istati Membri kkonċernati, u, kif xieraq, għad-dispożizzjoni tal-Europol u tal-Eurojust, fl-ambitu tal-mandati rispettivi tagħhom, informazzjoni miksuba permezz tat-TFTP li tista’ tikkontribwixxi għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni mill-Unjoni Ewropea dwar it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Kwalunkwe informazzjoni sussegwenti li tista’ tikkontribwixxi għall-investigazzjoni, il-prevenzjoni, ir-rintraċċar, jew il-prosekuzzjoni mill-Istati Uniti dwar it-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu għandha tingħadda lura lill-Istati Uniti fuq bażi reċiproka jew mod reċiproku. 2. Sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju effiċjenti ta’ informazzjoni, l-Europol jista’ jaħtar uffiċjal ta’ kollegament għad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Il-modalitajiet tal-istatus u tal-kompiti tal-uffiċjal ta’ kollegament għandhom jiġu deċiżi b’mod konġunt mill-Partijiet. Artikolu 10 Talbiet mill-UE għal Tiftix tat-TFTP Meta awtorità tal-infurzar tal-liġi, tas-sigurtà pubblika, jew ta’ kontra t-terroriżmu ta’ Stat Membru, jew tal-Europol jew tal-Eurojust tiddetermina li hemm raġuni biex wieħed jemmen li persuna jew entità għandha rabta mat-terroriżmu jew mal-finanzjament tiegħu kif definit fl-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/475/ĠAI, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/919/ĠAI u d-Direttiva 2005/60/KE, tali awtorità tista’ titlob tiftixa għal informazzjoni rilevanti miksuba permezz tat-TFTP. Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu mill-ewwel iwettaq tiftixa f’konformità mal-Artikolu 5 u jipprovdi informazzjoni rilevanti b’reazzjoni għal tali talbiet. Artikolu 11 Kooperazzjoni ma’ Sistema Ekwivalenti tal-UE fil-Futur 1. Matul l-perjodu ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni Ewropea se twettaq studju dwar l-introduzzjoni possibbli ta’ sistema tal-EU ekwivalenti li tippermetti għal trasferiment aktar iffokat ta’ data. 2. Jekk, wara dan l-istudju, l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tistabbilixxi sistema tal-EU, l-Istati Uniti għandha tikkoopera u tipprovdi assistenza u konsulenza biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment effettiv ta’ din is-sistema. 3. Peress li l-istabbiliment ta’ sistema tal-EU jista’ jbiddel b’mod sostanzjali l-kuntest ta’ dan il-Ftehim, jekk l-Unjoni Ewropea tiddeċiedi li tistabbilixxi tali sistema, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw biex jiddeterminaw jekk dan il-Ftehim hux ser ikollu bżonn jiġi aġġustat kif xieraq. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti u tal-UE għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-komplementarjetà u l-effikaċja tas-sistemi tal-Istati Uniti u tal-UE b’mod li jsaħħaħ ulterjorment is-sigurtà taċ-ċittadini tal-Istati Uniti, tal-Unjoni Ewropea, u bnadi oħra. Fl-ispirtu ta’ din il-kooperazzjoni, il-Partijiet għandhom isegwu b’mod attiv, abbażi tar-reċiproċità u salvagwardji xierqa, il-kooperazzjoni ta’ kwalunkwe fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ messaġġi dwar pagamenti finanzjarji internazzjonali li huma bbażati fit-territorji rispettivi tagħhom għall-finijiet li tiġi żgurata d-disponibbiltà kontinwa u effettiva tas-sistemi tal-Istati Uniti tal-UE. Artikolu 12 Monitoraġġ tas-Salvagwardji u tal-Kontrolli 1. Il-konformità mal-limitazzjoni stretta għall-fini ta’ kontra t-terroriżmu u s-salvagwardji l-oħra stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ u sorvreljanza minn osservaturi indipendenti, inkluż minn persuna maħtura mill-Kummissjoni Ewropea, bi ftehim ma’ u soġġett għall-approvazzjoni tas-sigurtà xierqa tal-Istati Uniti. Tali sorveljanza għandha tinkludi l-awtorità li tirrevedi f’ħin reali u b’mod retrospettiv it-tfittix kollu li sar fuq id-Data Pprovduta, l-awtorità li tistaqsi dwar dan it-tfittix u, kif xieraq, l-awtorità li titlob ġustifikazzjoni addizzjonali dwar ir-rabta mat-terroriżmu. B’mod partikolari, superviżuri indipendenti għandu jkollhom l-awtorità li jimblukkaw kwalunkwe tiftixa, jew it-tiftix kollu li jkun jidher li jkun bi ksur tal-Artikolu 5. 2. Is-sorveljanza deskritta fil-paragrafu 1 għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ regolari, inkluż tal-indipendenza tas-sorveljanza deskritta fil-paragrafu 1, fil-qafas tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 13. L-Ispettur Ġenerali tad-Dipartiment tat-Teżor Amerikan ser jassigura illi s-sorveljanza indipendenti deskritta fil-paragrafu 1 tiġi mwettqa skont standards applikabbli għall-verifika. Artikolu 13 Reviżjoni Konġunta 1. Fuq talba ta’ waħda mill-Partijiet u li fi kwalunkwe każ wara perjodu ta’ sitt (6) xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom jirrevedu b’mod konġunt is-salvagwardji, kontrolli u dispożizzjonijiet ta’ reċiproċità stabbiliti f’dan il-Ftehim. Minn dak in-nhar ‘il quddiem ir-reviżjoni għandha titwettaq fuq bażi regolari, u b’reviżjonijiet addizzjonali kif meħtieġ. 2. Ir-reviżjoni għandha tqis b’mod partikolari (a) in-numru ta’ messaġi dwar pagamenti finanzjarji li ġew aċċessi, (b) in-numru ta’ okkażjonijiet li ġew kondiviżi indizji ma’ Stati Membri, pajjiżi terzi, u l-Europol u l-Eurojust, (c) l-implimentazzjoni u l-effikaċja ta’ dan il-Ftehim, inkluża s-sostenibbiltà tal-mekkaniżmu għat-trasferiment ta’ informazzjoni, (d) każi fejn l-informazzjoni intużat għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tiegħu, u (e) il-konformità mal-obbligi tal-protezzjoni tad-data speċifikati f’dan il-Ftehim. Ir-reviżjoni għandha tinkludi kampjun rappreżentattiv u kawżali ta’ tiftixa sabiex issir verifikazzjoni tal-konformità mas-salvagwardji u mal-kontrolli stabbiliti f’dan il-Ftehim, kif ukoll valutazzjoni ta’ proporzjonalità tad-Data Pprovduta, abbażi tal-valur ta’ din id-data għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu u tal-finanzjament tiegħu. Wara r-reviżjoni, il-Kummissjoni Ewropea se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, inklużi l-oqsma msemmija f’dan il-paragrafu. 3. Għall-finijiet tar-reviżjoni, l-Unjoni Ewropea għandha tiġi rrappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, u l-Istati Uniti għandhom jiġi rrapreżentati mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Kull Parti, fid-delegazzjoni tagħha għar-reviżjoni, tista’ tinkludi esperti fis-sigurtà u l-protezzjoni tad-data, kif ukoll persuna b’esperjenza ġudizzjarja. Id-delegazzjoni għar-reviżjoni mill-Unjoni Ewropea għandha tinkludi rappreżentanti ta’ żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data, li mill-inqas wieħed minnhom għandu jkun minn Stat Membru fejn ikun ibbażat Fornitur Maħtur. 4. Għall-finijiet ta’ din ir-reviżjoni, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jiżgura l-aċċess għad-dokumentazzjoni, sistemi u persunal rilevanti. Il-Partijiet għandhom jiddeterminaw b’mod konġunt il-modalitajiet tar-reviżjoni. Artikolu 14 Trasparenza – L-Għoti ta’ Informazzjoni lis-Suġġetti tad-Data Id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jpoġġi, fuq il-websajt pubblika tiegħu, informazzjoni dettaljata dwar it-TFTP u l-finijiet tiegħu, inkluża l-informazzjoni dwar kuntatti għal persuni li jkollhom xi mistoqsijiet. Barra minn hekk, għandu jpoġġi informazzjoni dwar il-proċeduri disponibbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet deskritti fl-Artikoli 15 u 16, inkluża d-disponibbiltà tar-rimedju amministrattiv u ġudizzjarju kif xieraq fl-Istati Uniti rigward l-ipproċessar tad-data personali rċevuta skont dan il-Ftehim. Artikolu 15 Dritt ta’ Aċċess 1. Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tikseb, wara talbiet li jkunu saru f’intervalli raġonevoli, mingħajr restrizzjoni u mingħajr dewmien eċċessiv, mill-inqas konferma trażmessa permezz tal-awtorità tal-protezzjoni tad-data tagħha fl-Unjoni Ewropea dwar jekk id-drittijiet għall-protezzjoni tad-data ta’ dik il-persuna ġewx rispettati f’konformità ma’ dan il-Ftehim, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa kollha, u, b’mod partikolari, dwar jekk kwalunkwe pproċċessar tad-data personali ta’ dik il-persuna kienx twettaq bi ksur ta’ dan il-Ftehim. 2. Il-kxif lil persuna tad-data personali tagħha pproċessata taħt dan il-Ftehim jista’ jkun soġġett għal limitazzjonijiet legali raġonevoli applikabbli taħt liġi nazzjonali għas-salvagwardjar tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rintraċċar jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali, u biex tiġi protetta s-sigurtà pubblika jew nazzjonali, b’mod partikolari għall-interess leġittimu tal-persuna kkonċernata. 3. Skont il-paragrafu 1, persuna għandha tibgħat talba lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea tagħha, u l-awtorità għandha tittrażmetti t-talba lill-Uffiċjal għall-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, li għandu jagħmel il-verifikazzjonijiet meħtieġa skont it-talba. L-Uffiċjal għall-Privatezza tad- Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea jekk data personali tistax tinkixef lis-suġġett tad-data u jekk id-drittijiet tas-suġġett tad-data ġewx irrispettati kif xieraq. Fil-każ li l-aċċess għad-data personali jiġi rrifjutat jew ristrett skont il-limitazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, dan ir-rifjut u restrizzjoni għandhom jiġu spjegati bil-miktub u għandha tingħata informazzjoni dwar il-mezzi disponibbli biex iwieħed ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju fl-Istati Uniti. Artikolu 16 Dritt għal Rettifika, Tħassir jew Konġelament 1. Kwalunkwe persuna għandha d-dritt li tfittex ir-rettifika, it-tħassir jew il-konġelament tad-data personali tagħha li ġiet ipproċessata mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti skont dan il-Ftehim fil-każ fejn id-data ma tkunx preċiża jew l-ipproċessar imur kontra dan il-Ftehim. 2. Kwalunkwe persuna li teżerċita d-dritt espress fil-paragrafu 1 għandha tibgħat talba lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea rilevanti tagħha, u l-awtorità għandha tittrażmetti t-talba lill-Uffiċjal għall-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti. Kwalunkwe talba biex tinkiseb rettifika, tħassir jew konġelament għandha tiġi sostanzjata kif xieraq. L-Uffiċjal għall-Privatezza tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jagħmel il-verifikazzjonijiet meħtieġa kollha skont it-talba u għandu jinforma mingħajr dewmien lill-awtorità ta’ sorveljanza nazzjonali Ewropea rilevanti jekk id-data personali tkunx ġiet irretifikata, imħassra jew ikkonġelata, u jekk id-drittijiet tas-suġġett tad-data ġewx irrispettati kif xieraq. Din in-notifika għandha tiġi spjegata bil-miktub u għandha tipprovdi informazzjoni dwar il-mezzi disponibbli biex wieħed ifittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju fl-Istati Uniti. Artikolu 17 Żamma tal-Preċiżjoni tal-Informazzjoni 1. Fil-każ fejn Parti ssir konxja li d-data rċevuta jew trażmessa skont dan il-Ftehim mhix preċiża, din għandha tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipprevjeni u twaqqaf id-dipendenza żbaljata fuq din id-data, li tista’ tinkludi tisħiħ, tħassir, jew korrezzjoni ta’ din id-data. 2. Kull Parti għandha, fejn hu possibbli, tinnotifika lill-oħra fil-każ li ssir konxja li xi informazzjoni materjali li hi tkun ittrażmettiet lil jew irċeviet mingħand il-Parti l-oħra taħt dan il-Ftheim ma hijiex preċiża jew ta’ min joqgħod fuqha. Artikolu 18 Rimedju 1. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiżguraw li d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u kwalunkwe Stat Membru rilevanti jinformaw lil xulxin minnufih, u jikkonsultaw ma’ xulxin u mal-Partijiet, jekk meħtieġ, fejn huma jqisu li data personali ġiet ipproċessata bi ksur ta’ dan il-Ftehim. 2. Kwalunkwe persuna li tqis li d-data personali tagħha ġiet ipproċessata bi ksur għal dan il-Ftehim hija intitolata li tfittex rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv f’konformità mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha, u l-Istati Uniti, rispettivament. Għal dan il-fini u rigward id-data trasferita lejn l-Istati Uniti skont dan il-Ftehim, id- Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti għandu jittratta bl-istess mod il-persuni kollha fl-applikazzjoni tal-proċess ta’ amministrazzjoni tiegħu, mingħajr diskriminazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew pajjiż ta’ residenza. Il-persuni kollha, mingħajr diskriminazzjoni dwar iċ-ċittadinanza jew il-pajjiż ta’ residenza, għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom taħt il-liġi tal-Istati Uniti proċess għat-tfitixa ta’ rimedju ġudizzjarju minn azzjoni amministrattiva avversa. Artikolu 19 Konsultazzjoni 1. Il-Partijiet għandhom, kif xieraq, jikkunsultaw lil xulxin sabiex jippermettu li jsir l-iktar użu effettiv ta’ dan il-Ftehim, inkluż li tiġi ffaċilitata r-riżoluzzjoni ta’ kwlaunkwe kontroversja li tirrigwarda l-intepretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. 2. Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri biex jevitaw l-impożizzjoni ta’ piżijiet straordinarji ta’ wieħed fuq l-ieħor permezz tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Fejn, madankollu, jirriżultaw piżijiet straordinarji, il-Partijiet għandhom immedjatament jikkonsultaw bil-ħsieb tal-iffaċilitar tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż it-teħid ta’ tali miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa għat-tnaqqis ta’ piżijiet eżistenti u futuri. 3. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw minnufih lil xulxin fil-każ li kwalunkwe parti terza, inkluża awtorità ta’ pajjiż ieħor, tisfida jew tasserixxi pretensjoni legali fir-rigward ta’ kwalunkwe aspett tal-effett jew l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Artikolu 20 Implimentazzjoni u Nuqqas ta’ Deroga 1. Dan il-Ftehim ma għandu joħloq jew jagħti ebda dritt jew benefiċċju lill-ebda persuna jew entità, privata jew pubblika. Kull Parti għandha tiżgura li d-dispożizzjonijiet jiġu implimentati kif xieraq. 2. Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jidderoga mill-obbligi eżistenti tal-Istati Uniti u tal-Istati Membri taħt il-Ftehim dwar Assistenza Legali Reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika tal- 25 ta’ Ġunju 2003 u l-istrumenti relatati ta’ assistenza legali reċiproka bilaterali bejn l-Istati Uniti u l-Istati Membri. Artikolu 21 Sospensjoni u Terminazzjoni 1. Kull parti tista’ tissospendi l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim b’effett immedjat, fil-każ ta’ ksur tal-obbligi tal-Parti l-oħra taħt dan il-Ftehim, permezz ta’ notifika b’mezzi diplomatiċi. 2. Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin permezz ta’ notifika b’mezzi diplomatiċi. It-terminazzjoni għandha tidħol fis-seħħ sitt (6) xhur mid-data tal-wasla ta’ din in-notifika. 3. Il-Partijiet għandhom jikkonsultaw qabel kwalunkwe sospensjoni jew terminazzjoni possibbli b’mezz li jippermetti ħin biżżejjed biex tintlaħaq riżoluzzjoni mifthiema b’mod reċiproku. 4. Minkejja kwalukwe sospensjoni jew terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim, id-data kollha miksuba mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti taħt it-termini ta’ dan il-Ftehim għandha tibqa’ tiġi pproċessta skont is-salvagwardji ta’ dan il-Ftehim, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar it-tħassir tad-data. Artikolu 22 Applikazzjoni Territorjali 1. Soġġett għall-paragrafi 2 sa 4, dan il-Ftehim għandu japplika għat-territorju li fih it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huma applikabbli u għat-Territorju tal-Istati Uniti. 2. Dan il-Ftehim se japplika biss għad-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika bil-miktub lill-Istati Uniti li d-Danimarka, ir-Renju Unit, jew l-Irlanda għażlet li tintrabat b’dan il-Ftehim. 3. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim li dan se japplika għad-Danimarka, għar-Renju Unit, jew għall-Irlanda, il-Ftehim għandu japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-istess jum li l-Istati Membri l-oħra tal-UE jintrabtu b’dan il-Ftehim. 4. Jekk il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-Istati Uniti wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim li dan japplika għad-Danimarka, għar-Renju Unit, jew għall-Irlanda, il-Ftehim għandu japplika għat-territorju ta’ tali Stat fl-ewwel ġurnata tax-xahar wara li tkun waslet n-notifika mill-Istati Uniti. Artikolu 23 Dispożizzjonijiet Finali 1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data ta’ meta l-Partijiet ikunu skambjaw notifiki li jindikaw li huma lestew il-proċeduri interni tagħhom għal dan il-fini. 2. Soġġett għall-Artikolu 21 paragrafu 2, dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perjodu ta’ ħames (5) snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu u għandu jestendi awtomatikament għal perjodi sussegwenti ta’ sena (1) waħda, dment li waħda mill-Partijiet ma tinnotifikax bil-miktub lill-oħra b’mezzi diplomatiċi, mill-inqas sitt (6) xhur bil-quddiem, bil-ħsieb tagħha li ma testendix dan il-Ftehim. Magħmul fi Brussell, fit- 28 ta’ Ġunju 2010, f’żewġ oriġinali, bl-ilsien Ingliż. Dan il-Ftehim għandu jitfassal ukoll bil-lingwa Bulgara, Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, u Ungeriża. Ladarba jiġu approvati miż-żewġ Partijiet, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi għandhom jitqiesu ugwalment awtentiċi. -------------------------------------------------- ANNESS Soċjetà għat-Telekomunikazzjoni Finanzjarja Interbankarja Dinjija (SWIFT). --------------------------------------------------