22009P0316(02)

Riżoluzzjoni dwar l-effikaċja fl-għajnuna u biex tiġi definita l-għajnuna fl-iżvilupp uffiċjali

Official Journal 061 , 16/03/2009 P. 0026 - 0031


Riżoluzzjoni [1]

dwar il-ħarsien ta' persuni ċivili waqt operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi min-NU u organizzazzjonijiet reġjonali

L-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE,

- laqgħa fil-Port Moresby (Papua New Guinea) mill- 25 sat- 28 ta' Novembru 2008,

- wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

- wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u b'mod partikulari r-Raba' waħda ( 12 ta' Awwissu 1949) rigward il-Ħarsien ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra, u l-protokolli addizzjonali tagħha tal-1977 u l-2005,

- wara li kkunsidra t-trattat ta' Projbizzjoni tal-Mini (Trattat ta' Ottawa) iffirmat f'Settembru 1997 u l-Konvenzjoni tan-NU dwar Ċerti Armi Konvenzjonali (CCW), konkluż f'Ġinevra fl- 10 ta' Ottubru 1980 u daħal fis-seħħ f'Diċembru 1983, u l-protokolli addizzjonali tiegħu,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal- 10 ta' Diċembru 1948, u d-Dikjarazzjoni ta' Vjenna u l-Programm ta' Azzjoni li rriżultaw mill-Konferenza Dinjija dwar id-Drittijiet tal-Bniedem mill- 14 sal- 25 ta' Ġunju 1993,

- wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma li jistabbilixxi l-Qorti Kriminali Internazzjonali adottat fl-1998, u b'mod partikulari l-Artikli 6, 7 u 8 tiegħu,

- wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku min-naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit- 23 ta' Ġunju 2000 (il-"Ftehima ta' Cotonou") [2], u emendata fil-Lussemburgu fil- 25 ta' Ġunju 2005 [3], u b'mod partikulari l-Artikli 8, 17(2), 20, 31, 33, 96 u 97 tagħha,

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta' riabilitazzjoni ta' wara konflitt fil-pajjiżi tal-ACP adottata fid-9 sessjoni f'Bamako fil- 21 ta' April 2005 [4],

- wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-rwol ta' integrazzjoni reġjonali fil-promozzjoni tal-paċi u tas-sigurtà adottata fil-11-il sessjoni fi Vjenna fit- 22 ta' Ġunju 2006 [5],

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tas-Segretarju Ġenerali lill-Kunsill tas-Sigurtà S/1998/318 tat- 13 ta'April 1998"Il-kawżi ta' Konflitt u l-Promozzjoni ta' Paċi Dejjiema u Żvilupp Sostenibbli fl-Afrika",

- wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti lill-Kunsill tas-Sigurtà dwar il-ħarsien ta' persuni ċivili f'konflitt armat f'dokumenti S/1999/957 ( 8 ta' Settembru 1999), S/2001/331 ( 30 ta' Marzu 2001), S/2002/1300 ( 30 ta' Novembru 2002), S/2004/431 ( 28 ta' Mejju 2004), S/2005/740 ( 28 ta' Novembru 2005), u S/2007/643 ( 28 ta' Ottubru 2007),

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1265 tas- 17 ta' Settembru 1999, 1296 tad- 19 ta' April 2000, 1674 tat- 28 ta' April 2006, u 1738 tat- 23 ta' Diċembru 2006, dwar il-Ħarsien ta' persuni ċivili f'konflitt armat, li jafferma mill-ġdid li partijiet f'konflitt għandhom ir-responsabiltà primarja li jiżguraw il-ħarsien ta' persuni ċivili f'konflitt armat u li jirrikonoxxu wkoll il-kontribuzzjoni importanti minn organizzazzjonijiet reġjonali għall-ħarsien ta' persuni ċivili f'konflitt armat,

- wara li kkunsidra l-Istqarrija Presidenzjali tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tal- 15 ta' Marzu 2002 u tal- 15 ta' Diċembru 2003 u l- "Aide Memoire għall-analiżi ta' kwistjonijiet rigward il-ħarsien ta' persuni ċivili waqt id-deliberazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà ta' mandati taż-żamma tal-paċi",

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325 tal- 31 ta' Ottubru 2000 u 1820 tad- 19 ta' Ġunju 2008, li jenfasizzaw l-importanza tal-parteċipazzjoni ugwali tan-nisa u l-involviment sħiħ u l-isforzi kollha għall-manutenzjoni u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà,

- wara li kkunsidra r-rapport Finali tal-Kwartieri Operattivi tal-UE dwar Ħidma tas-Sessi fil-EUFOR DR Congo,

- wara li kkunsidra r-rapport dwar "Dinja Aktar Sigura: Responsabiltà Maqsuma Tagħna" (2004), pubblikat mill-Penil ta' livell Għoli dwar Theddid, Sfidi u Bidla, li jħeġġeġ għal tweġibiet emfatiċi mill-komunità internazzjonali,

- wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Samit Dinji adottat fi New York f'Settembru 2005,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa 1385 (2004) u r-Rakkomandazzjoni 1665 (2004) dwar "Prevenzjoni u riżoluzzjoni ta' konflitt: ir-rwol tan-nisa", it-tnejn adottati fit- 23 ta' Ġunju 2004,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti S/2001/1366 tat- 30 ta' Awwissu 2001 dwar ir-Rwol tal-Kunsill tas-Sigurtà fil-prevenzjoni ta' konflitti armati,

- wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Unit S/2003/1502 tas- 26 ta' Awwissu 2003 dwar il-Ħarsien tal-Persunal Umanitarju u n-NU u l-persunal assoċjat tagħha f'żoni ta' konflitt, u l-Konvenzjoni dwar is-sikurezza tan-Nazzjonijiet Uniti u l-persunal assoċjat tad- 9 ta' Diċembru 1994 u l-Protokoll Alternattiv tat- 8 ta' Diċembru 2005,

- wara li kkunsidra l-istqarrijiet ta' darbtejn fis-sena tas-Sottosegretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-ħarsien ta' persuni ċivili f'konflitt armat,

- wara li kkunsidra d-definizzjoni bażika tal-Operazzjoni tad-Dipartiment għaż-żamma tal-paċi (DPKO) li tispjega ż-żamma tal-paċi bħala "mod ta' kif ikunu megħjuna pajjiżi mkissrin b'konflitt joħolqu kundizzjonijiet għal paċi sostenibbli. Persuni għaż-żamma tal-paċi tan-NU—suldati u uffiċjali militari, pulizija u persunal ċivili minn bosta pajjiżi — jimmonitorjaw u josservaw proċessi ta' paċi li jirriżultaw f'sitwazzjonijiet ta' wara konflitt u jassistu partijiet f'konflitt biex jimplimentaw il-ftehima ta' paċi li huma jkunu ffirmaw. Assistenza bħal din għandha ħafna forom, inklużi l-promozzjoni tas-sigurtà umana, miżuri ta' bini ta' fiduċja, arranġamenti ta' qsim ta' poter, appoġġ elettorali, tisħiħ tal-istat tad-dritt, żvilupp ekonomiku u soċjali",

- wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi (ACP-UE 100.291/08/fin.),

A. billi l-kunċett klassiku taż-żamma tal-paċi, intenzjonat essenzjalment biex jissepara partijiet ta' konflitt wara l-iffirmar ta' waqfien mill-ġlied, qed jinbidel biż-żmien u jinkludi s-sorveljanza ta' linji ta' fruntiera, il-ħolqien ta' zoni mingħajr militar u, jekk integrat fil-ftehimiet, l-immonitorjar ta' skambji ta' priġunieri u tneħħija ta' militar, meqjusa bħala parti minn "proċess ta' rutina" intenzjonat biex jipprovdi u jippreserva spazju politiku għall-partijiet biex iwettqu negozjati u jilħqu qbil għat-tilwima tagħhom,

B. billi fid-Dikjarazzjoni tas-Samit Dinji adottata fi New York f'Settembru 2005, 109 gvern sovran irrikonoxxew ir-responsabiltà ta' Stati u n-Nazzjonijiet Uniti biex jipproteġu popolazzjonijiet mill-ġenoċidju, reati ta' gwerra, reati kontra l-umanità u tindif etniku,

C. billi l-bosta doveri intitolati fil-mandati għal ħarsien ta' persuni ċivili jimbuttaw il-persunal għaż-żamma tal-paċi f'direzzjonijiet differenti u forzi qegħdin ikunu dejjem aktar involuti fi kwistjonijiet ta' 'soft security', bħal żvilupp, kostruzzjoni mill-ġdid u bini ta' paċi fuq perjodu ta' żmien fit-tul, l-attivitajiet kollha li għalihom il-forzi militari ma jwettqux taħriġ fihom b'mod tipiku,

D. billi waħda mill-isfidi għall-abilità ta' missjonijiet għaż-żamma tal-paċi biex iħarsu persuni ċivili hija nuqqas ta' rikonoxximent tar-rwol potenzjali u l-abilità ta' kapaċità ċivili disponibbli, magħmula minn persunal ċivili professjonali multinazzjonali b'taħriġ xieraq, li jista' jkun skjerat malajr u b'ħiliet xierqa għal doveri relevanti direttament mal-ħarsien ta' persuni ċivili, bħal immonitorjar ta' drittijiet tal-bniedem, medjazzjoni fil-livell tal-komunità, parir dwar is-sessi, mobilizzazzjoni tal-komunità, informazzjoni,

E. billi n-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-Unjoni Afrikana (UA), kultant appoġġjati mill-Unjoni Ewropea (UE), qed iżidu l-għadd ta' persunal għaż-żamma tal-paċi fil-kontinent din is-sena, b'missjonijiet ġodda f'postijiet fost l-oħrajn bħar-reġjun tad-Darfur, iċ-Ċad, ir-Repubblika Ċentrali Afrikana u s-Somalja,

F. billi l-forzi tal-paċi tal-Unjoni Afrikana rċivew l-assistenza mill-Faċilità għall-Paċi EDF,

G. billi, mit-Trattat ta' Amsterdam tal-1997, il-Politika Ewropea ta' Sigurtà u Difiża (PESD) tal-UE kellha x-xogħlijiet stipulati f'Petruburgu fl-1992, taż-żamma tal-paċi, il-ħarsien ta' persuni ċivili, u l-ħarsien tal-assistenza umanitarja,

H. billi dawn il-missjonijiet jitwettqu skont mandat tan-Nazzjonijiet Uniti, u billi ħames missjonijiet qegħdin jew kienu tmexxew fl-Afrika,

I. billi l-UE, in-NU u organizzazzjonijiet reġjonali qabel ma jiskjeraw operazzjonijiet ta' żamma tal-paċi għandhom iwettqu analiżi ta' konflitt u ta' theddida biex jiżviluppaw għarfien aħjar tal-kuntest li fih jaħdmu u b'hekk jevitaw impatt negattiv tal-intervent tagħhom bħal żieda fit-tensjonijiet u konflitt,

J. billi l-protagonisti militari għadhom m'humiex imħarrġa biex jidentifikaw u jipproteġu persuni ċivili f'ambjenti ostili bħala parti minn intervent internazzjonali jew ta' parti terza u spiss persunal militari fiż-żamma tal-paċi m'humiex impjegati direttament min-NU jew minn organizzazzjonijiet reġjonali, iżda huma sekondati minn pajjiżi li jikkontribwixxu t-truppi li jżommu ġurisdizzjoni fuq il-miżuri ta' taħriġ u dixxiplinarji biex ikunu adottati għal dawn it-truppi,

K. billi r-rwol u l-approċċ ta' protagonisti umanitarji, bħal NGOs u aġenziji tan-NU, għall-ħarsien ta' persuni ċivili huma differenti minn dak ta' truppi għaż-żamma tal-paċi,

L. billi r-responsabiltà għal determinar ta' prattika ta' aġenzija għall-ħarsien hija spiss fdata f'idejn uffiċjali individwali ta' ħarsien fil-livell ta' ħidma, milli toħroġ minn gwida ċara żviluppata fil-livell istituzzjonali,

M. billi l-vjolenza kontra persuni ċivili f'pajjiżi affettwati b'konflitt, b'mod partikulari kontra n-nisa u t-tfal, hija spiss użata bħala metodu ta' gwerra biex il-vittmi jkunu umiljati u mdgħajfa psikoloġikament, li jibżgħu jirrappurtaw sfruttament sesswali u abbuż minn xi ħadd inklużi truppi taż-żamma tal-paċi u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja,

N. billi l-iskala ta' missjoni għaż-żamma tal-paċi, b'mod speċjali fir-rigward tan-numri ta' persunal għaż-żamma tal-paċi mhux armati kumplimentari tagħha u l-firxa ġeografika tagħha, hija fattur importanti fiż-żieda fil-livell ta' ħarsien għal persuni ċivili,

Definizzjoni tal-ħarsien ta' persuni ċivili

1. Jenfasizza li r-responsabiltà primarja għall-ħarsien ta' persuni ċivili u għal kisba tal-ħtiġijiet bażiċi tagħhom hija tal-Istati jew ta' awtoritajiet oħrajn jew protagonisti li għandhom kontroll effettiv fuqhom u li r-rwol ta' operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi esterni jew ta' parti terza huwa sekondarju għal dan;

2. Jinnota li l-prinċipju ta' nuqqas ta' ndħil m'għandux iwassal għat-tolleranza ta' reati serji bħall-ġenoċidju u l-qtil tal-massa, it-tindif etniku, l-espulsjonijiet u l-istupru tal-massa, iżda illi f'dan il-każ il-komunità internazzjonali għandha r-responsabiltà li tipproteġi u tieħu kontromiżuri qawwija, b'mod partikolari biex tipproteġi l-popolazzjoni fil-periklu u fil-proċess, jekk ikun possibbli, tinvolvi organizzazzjonijiet reġjonali biex jintgħelbu l-konflitti;

3. Jenfasizza l-valur ta' rikonoxximent li l-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi (PKO) għandu jkollu mandat b'saħħtu biżżejjed biex jappoġġja t-treġġigħ lura jew it-twaqqif tal-paċi u l-istat tad-dritt, inkluża tranżizzjoni għal Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (SSR); jiddikjara li, għal dak il-għan, jeħtieġ tiġi żviluppata strateġija integrata tas-sigurtà li tipprovdi għat-taħriġ tal-forzi tas-sigurtà tal-persuni ċivili (il-pulizija), tappoġġja miżuri ta' demobilizzazzjoni u tistipula għanijiet ċari ta' kostruzzjoni mill-ġdid;

4. Jerġa' jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda ta' armi ħfief u ta' kalibru żgħir, u huwa tal-fehma li d-diżarm, id-dimobilizzazzjoni u ir-reintegrazzjoni għandhom ikunu komponenti integrali tal-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi;

5. Jenfasizza l-importanza li sforzi biex jittejjeb il-ħarsien ta' persuni ċivili għandhom iqisu l-komplessità aktar wiesgħa ta' sfidi u theddid iffaċċjati minn ċittadini, u jilqa' interazzjoni miżjuda ta' protagonisti ċivili mhux armati differenti fil-qasam bħala valur miżjud biex ikunu implimentati strateġiji ta' ħarsien;

6. Jenfasizza illi strateġiji militari waħedhom ma jistgħux ikunu ta' suċċess jekk ma jkunux akkumpanjati minn miżuri umanitarji komprensivi u għanijiet politiċi għall-paċi; jenfasizza li jista' jkun meħtieġ mandat b'saħħtu biex jingħelbu n-nuqqasijiet ta' qbil bejn il-partijiet f'konflitt u biex tiġi żgurata l-paċifikazzjoni u l-kostruzzjoni mill-ġdid, li għandhom ikunu inkorporati b'mod ċar fi strateġija ta' ħarsien;

7. Jinnota li għadd ta' stati stabbilew servizz ta' paċi għaċ-ċittadini u, b'riżultat ta' dan, għamlu suċċessi kbar ħafna, inkluż fl-ambjent ta' wara konflitt fi stati li qabel kienu parti mill-Jugoslavja; jirrakkomanda li stati u organizzazzjonijiet reġjonali oħra, bħall-Unjoni Afrikana u l-UE, jwaqqfu wkoll servizz ċivili permanenti għall-paċi;

8. Jilqa' ż-żieda ta' attivitajiet ta' protezzjoni għall-ħarsien ta' persuni ċivili fil-mandati taż-żamma tal-paċi u jinnota l-bżonn ta' direzzjoni dwar kif għandhom ikunu implimentati dawn il-mandati biex jiżguraw approċċi aktar komprensivi għal azzjoni għall-iżvilupp uman, id-drittijiet tal-bniedem, għajnuna umanitarja u s-sigurtà umana; għalhekkk iħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet reġjonali jikkjarifikaw kif jinterpretaw il-ħarsien ta' persuni ċivili fil-mandati u l-missjonijiet tagħhom u f'missjonijiet konġunti, u biex jappoġġjaw aħjar il-preparazzjoni tat-truppi u l-persunal tagħhom għal dawn l-operazzjonijiet;

9. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun żviluppata kapaċità għal azzjoni aħjar, inkluż il-ħolqien ta' kapaċità taż-żamma tal-paċi ċivili magħmula minn uffiċċju ta' koordinazzjoni mgħammar tajjeb f'livelli ta' HQ operazzjonali u possibilment dawk reġjonali u bi skeda ta' persunal ċivili li jista' jkun skjerat malajr, u billi jistabbilixxi livelli adattati tal-persunal;

10. Jinnota l-bżonn għall-ħarsien tal-popolazzjoni ċivili mhux biss kontra attakki vjolenti, iżda wkoll kontra atti kriminali bħal, pereżempju, ħbit minn gajijiet u serq wara xi battalja;

11. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE biex jistabbilixxi mekkaniżmu ta' ħarsien ċivili u l-istrument finanzjarju l-ġdid tal-UE maħsub biex itejjeb il-mobilizzazzjoni u l-koordinazzjoni ta' assistenza ta' emerġenza għall-ħarsien ċivili, kemm ġewwa u barra l-UE;

12. Jirrakkomanda li strateġiji militari għal PKOs b'mandati speċifiċi ta' ħarsien għandhom jinkludu strumenti prattiċi biex jiksbu dawn il-mandati b'mod effettiv, bħal: ħarsien ta' persuni ċivili mhux armati, sorveljanza bil-lejl u komunikazzjoni bir-radju, l-organizzazzjoni ta' kumitati ta' difiża ta' rħula biex javżaw il-persunal għaż-żamma tal-paċi, kopertura mill-ajru, l-inklużjoni ta' Forza ta' Reazzjoni Rapida lesta biex tirrispondi għal tensjonijiet, użu ta' satelliti li jimmonitorjaw u jinterċettaw u l-inklużjoni ta' pulizija ta' stabilità bħala mod biex jappoġġjaw missjonijiet u jipprovdu strateġiji ta' ħruġ għal PKOs;

13. Jenfasizza li, f'reġjuni ta' konflitt, protagonisti umanitarji għandhom ikunu wkoll protetti mill-forzi taż-żamma tal-paċi biex ikunu żgurati l-attivitajiet lokali tagħhom;

14. Jenfasizza li approċċi parteċipattivi għall-punti ta' kontroll, li jinvolvu rappreżentanti lokali tal-istat u s-soċjetà ċivili, jgħinu jidentifikaw fatturi ta' vulnerabilità biex ikunu żviluppati reazzjonijiet xierqa, u jindika l-importanza ta' kordinament aħjar bejn il-forzi ekonomiċi, politiċi, ċivili u militari;

15. Jistieden lill-Istati Membri tal-UE u lill-komunità internazzjonali biex jippromwovu l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1325/2000 u 1820/2008 dwar in-nisa u t-tfal f'konflitti armati u biex jiżviluppaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u dokumenti ta' strateġija;

16. Jenfasizza r-rwol importanti li l-preżenza femminili jista' jkollha f'missjonijiet għaż-żamma tal-paċi biex ittaffi l-vjolenza kontra n-nisa f'konflitt u f'zoni ta' wara l-konflitt u li nisa għaż-żamma tal-paċi spiss instab li jservu ta' eżempju għal nisa lokali u jispirawhom biex jipparteċipaw f'kostruzzjoni mill-ġdid ta' wara l-konflitt, b'mod partikulari fil-bini u l-iżvilupp tad-demokrazija u l-ekonomija;

17. Jistieden biex, kif inhu xieraq, jingħata kas tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1325/2000 dwar il-parteċipazzjoni ta' nisa fil-prevenzjoni ta' konflitti, u l-mekkaniżmi ta' mmaniġġjar u kumpens;

18. Jikkundanna bil-qawwa każi ta' persuni għaż-żamma tal-paċi li jabbużaw mill-poter tagħhom u jsiru involuti fi sfruttament sesswali ta' ċittadini fil-livell tal-ħidma jew fi prattiki ta' korruzzjoni u jenfasizza li r-reazzjoni mill-kontributuri nazzjonali f'dan il-każ hija importanti ħafna; jinsisti li jittieħdu passi rigorużi kontra offiżi kriminali ta' dan it-tip, mill-awtoritajiet fil-pajjiż ta' min jikkommetti r-reat jew mill-Qorti Kriminali Internazzjonali; ma jilqax l-għoti tal-immunità, taħt l-ebda forma, għall-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti jew suldati taħt il-kmand tan-NU b'konnessjoni ma' offensivi kriminali bħal dawn;

19. Jirrakkomanda kull missjoni għaż-żamma tal-paċi għandha tkun akkumpanjata b'unitajiet speċifiċi inkarigati b'immonitorjar, b'investigar u rappurtar pubbliku dwar ksur ta' drittijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u drittijiet tal-bniedem u b'unità ta' investigazzjoni indipendenti biex jeżaminaw każi ta' abbużi sesswali allegati minn persunal għaż-żamma tal-paċi u biex titwaqqaf sistema xierqa ta' assistenza għal vittmi ta' abbużi bħal dawn u għal tfal imwielda b'riżultat ta' dan;

20. Iħeġġeġ il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' segwitu, jew għassies ("watchdog"), bl-inkarigu li jiżgura li l-investigazzjonijiet dwar l-ilmenti jkunu trasparenti u effettivi biex l-ilmenti jkunu ttrattati b'mod xieraq fil-livell nazzjonali;

21. Jenfasizza l-ħtieġa li l-punti ta' kuntatt ikunu involuti f'inizjattivi internazzjonali tan-NU u ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) biex b'hekk jimpedixxu u jirrispondu għall-isfruttament u l-abbuż sesswali;

22. Jirrakkomanda li l-punti ta' kuntatt jiggarantixxu l-possibiltà li l-komunitajiet ikunu jistgħu jirrappurtaw l-ilmenti tagħhom permezz tal-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' reġistrazzjoni għall-ilmenti konġunti; jiddikjara li l-mekkaniżmu għandu jkun aċċessibbli għall-aġenziji u l-punti ta' kuntatt kollha biex il-komunitajiet isiru jafu fejn għandhom jagħmlu l-ilmenti tagħhom;

Implikazzjonijiet għal mandati, Regoli ta' Servizz u taħriġ

23. Jafferma l-importanza li jittejjeb taħriġ ta' qabel il-missjoni kif ukoll ta' taħriġ waqt is-servizz (b'mod speċjali fil-liġi umanitarja internazzjonali, fil-liġi tad-drittijiet tal-bniedem, fl-implimentazzjoni ta' mandati POC, inklużi prevenzjoni u rispons għal vjolenza sesswali) għal skjeramenti ta' truppi multinazzjonali, kemm fil-livell nazzjonali u dak multinazzjonali, iżda jinnota li għal persunal militari ta' missjonijiet immexxija min-NU huwa meqjus bħala responsabiltà nazzjonali;

24. Jistieden, f'konformità mal-linji gwida tal-Assemblea Parlamentari Konġunta dwar it-tfal u l-konflitt armat, li jkun hemm dispożizzjoni għal taħriġ speċifiku rigward il-ħarsien tat-tfal;

25. Jistieden għall-ħruġ ta' "Tessera ta' suldat" — bħala dik użata mill-EUFOR fid-DR Congo — li għandu jkun fiha linji gwida għal persunal taż-żamma tal-paċi dwar kif għandhom iġibu ruħhom mal-persuni ċivili; jistieden għal tessera simili apposta għat-tfal;

26. Jirrikonoxxi l-isforz imwettaq min-NU DPKO biex toffri xi taħriġ ta' qabel l-iskjerament għal staff f'kariga għolja u kontributuri ta' truppi, b'iffukar b'mod speċjali fuq ir-Regoli ta' Servizz, iżda jiddispjaċih li l-istati mhumiex mitluba li jipparteċipaw;

27. Jirrakkomanda li l-istati membri tan-Nazzjonijiet Uniti iwaqqfu akkademja konġunta għal taħriġ għal missjonijiet ta' paċi, li fiha, għall-inqas għall-persunal f'pożizzjoni ta' kmand, ikun provdut taħriġ standard multinazzjonali bażiku dwar xogħlijiet umanitarji u xogħlijiet ta' assistenza teknika biex jieħdu ħsieb u jipproteġu l-popolazzjoni ċivili;

28. Jirrakkomanda li organizzazzjonijiet tan-NU reġjonali u sottoreġjonali għandhom jaħdmu lejn aktar moduli ta' taħriġ standardizzati u jżidu eżerċizzji ta' taħriġ bilaterali u multilaterali, b'mod partikolari b'miżuri ta' żieda tat-tagħrif biex ikunu inklużi fl-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem f'konformità mal-prinċipju li kulħadd huwa ugwali u għandu jinżamm fl-istess stima, irrispettivament mill-età, sess, razza jew etniċità, reliġjon jew twemmin;

29. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforz tal-UE biex tarmonizza aħjar l-approċċi tagħha għall-ħarsien ta' persuni ċivili fost l-Istati Membri b'mod partikulari permezz tal-provvediment ta' attivitajiet ta' taħriġ konġunti u jenfasizza li l-prinċipju ta' ħarsien ta' persuni ċivili għandu jsir parti integrali minn taħriġ bħal dan b'inizjattivi professjonali globali tas-soċjetà ċivili;

30. Jitlob li l-prevenzjoni tal-isfruttament u l-abbuż sesswali għandha ssir kwistjoni standard li trid tkun indirizzata fit-taħriġ tal-pajjiżi li jikkontribwixxu l-persunal u li għandhom ikunu approvati flimkien mal-operazzjonijiet infushom iffinanzjar xieraq u mekkaniżmi ta' kumpens għal vittmi ta' abbużi mill-persunal għaż-żamma tal-paċi;

31. Iħeġġeġ li parti importanti tal-iskemi ta' taħriġ provduti għal persunal għaż-żamma tal-paċi, kemm fil-każ tan-NU jew dak reġjonali, għandha tinkludi kwistjonijiet ta' aġir abbużiv, peress li spiss informazzjoni dwar kif ikun rappurtat l-abbuż u x'jiġrilu dak li jwettqu, mhix ċara għal persunal tal-missjoni tan-NU;

32. Iħeġġeġ li kull missjoni tal-PESD tinkludi konsulent speċjalizzat għall-ħarsien tat-tfal;

33. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li llum-il ġurnata n-NU DPKO tiskjera timijiet ta' analiżi biex jidentifikaw nuqqasijiet fit-taħriġ u joffru li jiċċertifikaw li pajjiżi li ħarrġu l-forzi tagħhom jilħqu l-istandards tan-NU;

34. Jinnota li l-UE qed twettaq żviluppi simili bil-Mira Ewlenija u l-Mira Ewlenija Ċivili, iżda jenfasizza li għadha lura f'approċċ sistematiku peress li t-taħriġ fl-aħħar mill-aħħar huwa r-responsabiltà tal-istat;

35. Ifakkar lill-Istati Membri tal-UE dwar ir-responsabiltajiet tagħhom, skont il-liġi internazzjonali, li jiżguraw li t-taħriġ xieraq tal-persunal kollu ċivili u militari, f'konformità mal-istandards internazzjonali umanitarji, u li jiżguraw li linji gwida xierqa jkunu żviluppati u riveduti biex jiggarantixxu r-rispett għall-popolazzjoni lokali, kulturi u sessi; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jiġu meqjusa d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza tas-sessi;

36. Jistieden li t-taħriġ mogħti mill-persunal Ewropew militari lill-persunal militari Afrikan taħt il-programm 'Euro Recamp' għandu jinkludi, b'mod sistematiku, taħriġ rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-ħarsien ta' persuni ċivili u għal baġit biżżejjed biex dan jista' jsir;

37. Jimmarka l-importanza li tingħata attenzjoni xierqa għall-valuri ta' lezzjonijiet akkwistati u l-aqwa prattiki, b'mod partikulari dawk il-lezzjonijiet miġbura f'operazzjonijiet b'mandat ċar ta' ħarsien — bħall-ARTEMIS u l-EUFOR fid-DRC — biex joffru materjal biex isaħħu t-taħriġ tal-UE; jaqbel b'mod partikulari mal-enfasi fil-provvista ta' informazzjoni ċara lill-pubbliku u għal promozzjoni ta' perċezzjonijiet pożittivi tal-operazzjoni, faċilitati bil-fatt li bosta truppi tal-UE jistgħu jikkomunikaw fil-lingwa miftiehma mill-popolazzjoni;

Titjib fil-komunikazzjoni

38. Jafferma mill-ġdid ir-rwol essenzjali li l-UE-ACP JPA jista' jkollhom fiż-żieda tat-tagħrif u li jitqanqal dibattitu dwar kif l-aġenda ta' ħarsien titqiegħed fiċ-ċentru kemm tal-mandati ta' operazzjoni UE ESDP u kemm ta' missjonijiet taż-żamma tal-paċi ta' organizzazzjonijiet reġjonali oħrajn;

39. Jimmarka l-importanza li tingħata attenzjoni xierqa għall-valuri ta' lezzjonijiet akkwistati u l-aqwa prattiki, b'mod partikulari dawk il-lezzjonijiet miġbura f'operazzjonijiet b'mandat ċar ta' ħarsien — bħall-ARTEMIS u l-EUFOR fid-DRC — biex joffru materjal biex isaħħu t-taħriġ tal-UE; jaqbel b'mod partikulari mal-enfasi fil-provvista ta' informazzjoni ċara lill-pubbliku u għal promozzjoni ta' perċezzjonijiet pożittivi tal-operazzjoni, faċilitati bil-fatt li bosta truppi tal-UE jistgħu jikkomunikaw fil-lingwa miftiehma mill-popolazzjoni;

40. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun formalizzata sistema ta' komunikazzjoni bejn l-NGOs u n-NU u organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod speċjali biex tkopri zoni perikolużi taħt ħarsien għaż-żamma tal-paċi;

41. Ifakkar fir-rekwiżit li l-Istati jikkonformaw u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza u jiżguraw li protagonisti umanitarji jkollhom aċċess sikur u mingħajr ostakoli għal popolazzjonijiet fi ħtieġa f'konformità mad-dispożizzjonijiet relevanti tal-liġi internazzjonali u l-liġijiet nazzjonali;

42. Iħeġġeġ li fil-livell ta' ħidma, il-PKOs għandhom ikunu involuti b'mod sistematiku mal-komunità umanitarja dwar l-interpretazzjoni tal-mandat tagħhom għall-ħarsien tal-persuni ċivili u li t-tmexxija politika kif ukoll militari tal-operazzjoni għandha twettaq inizjattivi ta' komunikazzjoni simili mal-awtoritajiet politiċi u amministrattivi lokali;

43. Iħeġġeġ il-ħtieġa li jinħoloq tim ta' kuntatt f'kull struttura taż-żamma tal-paċi biex isegwi aspett ta' komunikazzjoni u biex jinforma lill-popolazzjoni lokali, inkluża l-popolazzjoni fil-fruntiera, dwar il-mandat reali tal-missjoni, bħala kontribuzzjoni ewlenija fiż-żamma tan-newtralità ta' operazzjonijiet ta' appoġġ ta' paċi; jgħid li x-xogħol prinċipali tat-tim għandu jkun li jistabbilixxi, mekkaniżmu ta' reġistrazzjoni għall-ilmenti, bis-sehem ta' komunitajiet lokali;

44. Jinnota li l-komunikazzjoni mal-popolazzjoni lokali hija essenzjali u għandha tkun adottata attitudni li tinkoraġġixxi l-informazzjoni ċara u tiżgura aċċess għas-sessi kollha; din għandha tkun estiża għal forzi ta' parti terza oħra u għal organizzazzjonijiet umanitarji, tad-drittijiet tal-bniedem u ta' żvilupp fil-livell ta' ħidma;

45. Jenfasizza l-importanza li analiżi effettiva u kontinwa tal-fatturi li jiddeterminaw is-sigurtà jew in-nuqqas ta' sigurtà ċivili għandha titwettaq u l-analiżi li tirriżulta użata bħala l-bażi biex jiġu determinati strateġiji ta' ħarsien, immirati biex jevitaw li jerġgħu jfiġġu konflitti vjolenti;

46. Jistieden lill-UE, f'konsultazzjoni mal-protagonisti relevanti l-oħrajn bħall-OCHA, biex iwettqu aktar studju speċifiku dwar l-inklużjoni ta' strateġiji ta' ħarsien fl-approċċ militari li qed jiżviluppa tal-UE għal ġestjoni ta' kriżi u jinkludi riflessjonijiet dwar l-esperjenza akkwistata fil-livell tal-UE fil-ħarsien ta' persuni ċivili, u b'mod speċjali t-tfal, u jqis li għandha tifforma parti mill-bażi għall-adozzjoni ta' "duttrina ta' ħarsien tal-UE" akbar li għandha tinkludi elementi ta' u gwida dwar ħarsien legali, ċivili, umanitarju u militari;

47. Jenfasizza l-importanza li jkunu stabbiliti aġenziji ewlenin li jistgħu jipprovdu direzzjoni strateġika ċara, jidentifikaw nuqqasijiet ewlenin u jiċċaraw rwoli u responsabiltajiet biex jirrispondu għal konflitt;

48. Jagħti istruzzjonijiet lill-Kopresidenti tiegħu biex iressqu din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill tal-Ministri tal-ACP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali, lill-Kummissjoni Ewropea, lin-NU u organizzazzjonijiet reġjonali, lill-Presidenza tal-Kunsill u lill-Unjoni Afrikana.

[1] Adottat mill-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE fit- 28 ta' Novembru 2008 fil-Port Moresby (Papua New Guinea).

[2] ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

[3] ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.

[4] ĠU C 272, 3.11.2005, p. 26.

[5] ĠU C 307, 15.12.2006, p. 17.

--------------------------------------------------