28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 130/31


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 37/2009

tas-17 ta’ Marzu 2009

li temenda l-Anness XXI (Statistika) al-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim’, u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness XXI tal-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 131/2008 tal-5 ta’ Diċembru 2008 (1).

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1062/2008 tat-28 ta’ Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala fil-Komunità, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ aġġustament staġjonali u rapporti dwar il-kwalità (2) għandu jiġi inkorporat mal-Ftehim.

(3)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar it-trażmissjoni ta’ dejta suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Verżjoni kodifikata) (3) għandu jiġi inkorporat mal-Ftehim.

(4)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KEE) Nru 1588/90 (4), li hu inkorporat fil-Ftehim u li konsegwentement għandu jitħassar skont il-Ftehim.

(5)

Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 hu verżjoni kodifikata tar-Regolament (Euratom, KEE) Nru 1588/90 u għalhekk għandhom jinżammu l-adattamenti attwali taż-ŻEE għal dawn tal-aħħar.

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness XXI għall-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Il-punt li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt 18v (ir-Regolament KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

“18va.

32008 R 1062: Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1062/2008 tat-28 ta’ Ottubru 2008 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 453/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika ta’ kull tliet xhur dwar impjiegi battala fil-Komunità, fir-rigward ta’ proċeduri ta’ aġġustament staġjonali u rapporti dwar il-kwalità (ĠU L 285, 29.10.2008, p. 3).”

(2)

It-test tal-punt 17 (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1588/90) għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

32008 R 1101: Ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar it-trażmissjoni ta’ dejta suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 304, 14.11.2008, p. 70).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattazzjonijiet li ġejjin:

(a)

Il-paragrafu li ġej għandu jiżdied mal-Artikolu 2:

‘(k)

il-persunal tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-EFTA: l-istaff tas-Segretarjat tal-EFTA li qed jaħdem fil-bini tal-Eurostat.’;

(b)

fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1), it-terminu ‘Eurostat’ għandu jinbidel bi ‘Eurostat u tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-EFTA’;

(ċ)

Is-sottoparagarfu li ġej għandu jiġi miżjud fl-Artikolu 5(2):

‘Dejta statistika kunfidenzjali li tiġi trażmessa lill-Eurostat permezz tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-EFTA għandha tkun aċċessibbli wkoll għall-persunal ta’ dan l-Uffiċċju’;

(d)

Fl-Artikolu 6, it-terminu ‘Eurostat’ għandu, għal dawn l-għanijiet, jinqara li jinkludi l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-EFTA.”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolamenti (KE) Nru 1062/2008 u (KE, Euratom) Nru 1101/2008 fl-ilsien Iżlandiz u f’dak Norveġiż, li għandhom jiġu ppubblikati fis-Suppliment għaż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ nhar it-18 ta’ Marzu 2009, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata fis-Sezzjoni ŻEE u fis-Suppliment ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Marzu 2009.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Alan SEATTER


(1)  ĠU L 25, 29.1.2009, p. 40.

(2)  ĠU L 285, 29.10.2008, p. 3.

(3)  ĠU L 304, 14.11.2008, p. 70.

(4)  ĠU L 151, 15.6.1990, p. 1.

(*)  M’huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.