22009A0204(01)

Protokoll dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona tal-Kosta fil-Mediterran

Official Journal L 034 , 04/02/2009 P. 0019 - 0028


TRADUZZJONI

Protokoll

dwar il-Ġestjoni Integrata taż-Żona tal-Kosta fil-Mediterran

IL-PARTIJIET KONTRAENTI TAL-PROTOKOLL PREŻENTI,

BĦALA PARTIJIET għall-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ l-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja, adottata f’Barċellona fis- 16 ta’ Frar 1976 u emendata fl- 10 ta’ Ġunju 1995,

XEWQANA li jimplimentaw l-obbligi stipulati fl-Artikolu 4 (3)(e) u (5) tal-Konvenzjoni msemmija,

FILWAQT li jikkunsidraw li ż-żoni kostali tal-Baħar Mediterran huma l-wirt naturali u kulturali tal-popli tal-Mediterran u li għandhom jiġu konservati u użati b’mod ġudizzjuż għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni,

IMĦASSBA dwar iż-żieda fil-pressjoni antropika fuq iż-żoni tal-kosta tal-Baħar Mediterran li qed thedded in-natura delikata tagħhom u xewqana li jwaqqfu u jreġġgħu lura l-proċess tad-degradazzjoni kostali u li jnaqqsu b’mod sinifikanti t-telf tal-bijodiversità ta’ l-ekosistemi kostali,

IMĦASSBA dwar ir-riskji li qed jheddu ż-żoni kostali u li huma dovuti għat-tibdil fil-klima, li x’aktarx se jirriżultaw, inter alia, f’żieda fil-livell tal-baħar, u konxji tal-ħtieġa li jiġu adottati miżuri sostenibbli għat-tnaqqis ta’ l-impatt negattiv tal-fenomeni naturali,

KONVINTI li, bħala riżors ekoloġiku, ekonomiku u soċjali li ma jistax jiġi sostitwit, l-ippjanar u l-ġestjoni taż-żoni tal-kosta bil-għan tal-konservazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli tagħhom jirrikjedi approċċ integrat speċifiku fil-livell tal-baċin tal-Mediterran kollu kemm hu u ta’ l-Istati kostali tiegħu, wara kunsiderazzjoni tad-diversità tagħhom u b’mod partikolari tal-ħtiġijiet speċifiċi tal-gżejjer relatati mal-karatteristiċi ġeomorfoloġiċi,

FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, li saret f’Montego Bay fl- 10 ta’ Diċembru 1982, il-Konvenzjoni dwar l-Artijiet Mistagħdra ta’ Importanza Internazzjonali, speċjalment bħala l-Ħabitat għall-Għasafar ta’ l-Ilma, li saret f’Ramsar fit- 2 ta’ Frar 1971, u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, li saret f’Rio de Janeiro fil- 5 ta’ Ġunju 1992, li ħafna Stati kostali tal-Mediterran u l-Komunità Ewropea huma Partijiet għalihom,

XEWQANA li b’mod partikolari jaġixxu f’kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ pjanijiet adegwati u integrati għall-ġestjoni taż-żona tal-kosta skond l-Artikolu 4, il-paragrafu 1(e), tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, li saret f’New York fid- 9 ta’ Mejju 1992,

ABBAŻI ta’ l-esperjenza eżistenti fil-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta u x-xogħol ta’ diversi organizzazzjonijiet, inklużi l-istituzzjonijiet Ewropej,

ABBAŻI tar-rakkomandazzjonjiet u l-ħidma tal-Kummissjoni Mediterranja dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u tar-rakkomandazzjonijiet tal-Laqgħat tal-Partijiet Kontraenti li saru f’Tunis fl-1997, f’Monaco fl-2001, f’Katania fl-2003, u f’Portoroz fl-2005, kif ukoll l-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli adottata f’Portoroz fl-2005,

DETERMINATI li jsaħħu fil-livell Mediterran l-isforzi li saru mill-Istati kostali biex jiżguraw ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta,

DETERMINATI li jixprunaw inizjattivi nazzjonali, reġjonali u lokali permezz ta’ azzjoni ta’ promozzjoni koordinata, kooperazzjoni u sħubija ma’ l-atturi diversi konċernati bil-għan li jippromwovu governanza effiċjenti bl-iskop tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta,

XEWQANA li jiżguraw il-ksib ta’ koerenza fir-rigward tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Obbligi ġenerali

F’konformità mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ l-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja u l-Protokolli tagħha, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu qafas komuni għall-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta tal-Mediterran u għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex isaħħu l-kooperazzjoni reġjonali għal dan il-għan.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan il-Protokoll:

(a) "Partijiet" tfisser il-Partijiet Kontraenti f’dan il-Protokoll.

(b) "Konvenzjoni" tfisser il-Konvenzjoni għall-Protezzjoni ta’ l-Ambjent tal-Baħar u r-Reġjun tal-Kosta Mediterranja, li saret f’Barċellona fis- 16 ta’ Frar 1976, kif emendata fl- 10 ta’ Ġunju 1995.

(ċ) "Organizzazzjoni" tfisser l-organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni.

(d) "Ċentru" tfisser iċ-Ċentru ta’ Attività Reġjonali għall-Programmi ta’ Azzjonijiet Prijoritarji.

(e) "Żona tal-kosta" tfisser il-medda ġeomorfoloġika fuq kwalunkwe naħa tal-kosta tal-baħar li fiha sseħħ l-interazzjoni bejn il-meded tal-baħar u ta’ l-art fis-sura ta’ sistemi kumplessi ekoloġiċi u ta’ riżorsi magħmula minn komponenti bijotiċi u abijotiċi li jeżistu u jaġixxu flimkien mal-komunitajiet tal-bnedmin u l-attivitajiet soċjo-ekonomiċi relevanti.

(f) "Il-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta" tfisser proċess dinamiku għall-ġestjoni sostenibbli u l-użu taż-żoni tal-kosta, filwaqt li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-fraġilità ta’ l-ekosistemi u tal-pajsaġġi kostali, id-diversità ta’ attivitajiet u użu, l-interazzjonijiet tagħhom, l-orjentazzjoni marittima ta’ ċerti attivitajiet u użu u l-impatt kemm fuq il-meded tal-baħar kif ukoll fuq dawk ta’ l-art.

Artikolu 3

Kopertura ġeografika

1. Il-medda li għaliha japplika l-Protokoll għandha tkun il-medda tal-Baħar Mediterran kif definita fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni. Il-medda hija definita wkoll permezz ta’:

(a) il-limitu fuq in-naħa tal-baħar taż-żona tal-kosta, li għandu jkun il-limitu estern tal-baħar territorjali tal-Partijiet; kif ukoll

(b) il-limitu fuq in-naħa ta’ l-art taż-żona tal-kosta, li għandu jkun il-limitu ta’ l-unitajiet kostali kompetenti kif definit mill-Partijiet.

2. Jekk, fi ħdan il-limiti tas-sovranità tagħha, Parti individwali tistabbilixxi limiti differenti minn dawk previsti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, għandha tikkomunika dikjarazzjoni lid-Depożitarju fil-ħin tad-depożitu ta’ l-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tagħha għal dan il-Protokoll, inkella fi kwalunkwe ħin sussegwenti, sakemm:

(a) il-limitu fuq in-naħa tal-baħar ikun anqas mil-limitu tal-baħar territorjali;

(b) il-limitu fuq in-naħa ta’ l-art ikun differenti, b’aktar jew b’anqas, mil-limiti tat-territorju ta’ l-unitajiet kostali kif definiti hawn, sabiex jiġu applikati, inter alia, l-approċċ ta’ l-ekosistema u l-kriterji ekonomiċi u soċjali u biex jiġu kkunsidrati l-ħtiġijiet speċifiċi tal-gżejjer relatati ma’ karatteristiċi ġeomorfoloġiċi kif ukoll l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima.

3. Kull Parti għandha tadotta jew tippromwovi fil-livell istituzzjonali xieraq azzjonijiet adegwati biex jgħarrfu lill-popolazzjonijiet u lil kull attur relevanti dwar il-kopertura ġeografika ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 4

Il-preżervazzjoni tad-drittijiet

1. Xejn f’dan il-Protokoll u l-ebda att adottat skond dan il-Protokoll ma għandu jippreġudika d-drittijiet, it-talbiet preżenti u futuri jew l-aspetti legali ta’ l-ebda Parti li għandhom x’jaqsmu mal-Liġi tal-Baħar, b’mod partikolari, in-natura u l-firxa taż-żoni tal-baħar, il-konfini taż-żoni marittimi bejn l-Istati li jkollhom il-kosta faċċata ta’ jew ma’ ġenb xulxin, il-libertà tan-navigazzjoni fl-ibħra mhux territorjali, id-dritt u l-kondizzjonijiet ta’ mogħdija ġewwa kanali użati għan-navigazzjoni internazzjonali u d-dritt ta’ mogħdija innoċenti fl-ibħra territorjali, kif ukoll in-natura u l-firxa tal-ġuriżdizzjoni ta’ l-Istat kostali, l-Istat tal-bandiera jew l-Istat tal-port.

2. L-ebda att jew attività li jsiru abbażi ta’ dan il-Protokoll ma għandha tikkostitwixxi bażi biex issir, tiġi kkontestata jew disputata xi talba għas-sovranità jew ġuriżdizzjoni nazzjonali.

3. Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll huma mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet aktar restrittivi li jirrispettaw il-protezzjoni u l-ġestjoni taż-żona tal-kosta li hemm jew li jista’ jkun hemm fi strumenti jew programmi internazzjonali tal-lum jew tal-futur.

4. Xejn f’dan il-Protokoll m’għandu jippreġudika l-attivitajiet u l-faċilitajiet ta’ sigurtà u difiża nazzjonali; madankollu, kull Parti taqbel li tali attivitajiet u faċilitajiet għandhom jiġu mħaddma jew stabbiliti, safejn dan ikun raġonevoli u prattikabbli, b’mod li jkun konsistenti ma’ dan il-Protokoll.

Artikolu 5

L-għanijiet tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta

L-għanijiet tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta huma:

(a) l-iffaċilitar, permezz ta’ l-ippjanar razzjonali ta’ attivitajiet, l-iżvilupp sostenibbli ta’ żoni tal-kosta billi jiġi żgurat li l-ambjent u l-pajsaġġi jiġu meqjusa f’armonija ma’ l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali;

(b) l-ippreżervar ta’ żoni tal-kosta għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet tal-lum u tal-ġejjieni;

(ċ) l-iżgurar ta’ l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-ilma;

(d) l-iżgurar tal-preżervazzjoni ta’ l-integrità ta’ l-ekosistemi kostali, tal-pajsaġġi u tal-ġeomorfoloġija;

(e) il-prevenzjoni jew it-tnaqqis ta’ l-effetti tar-riskji naturali u b’mod partikolari tat-tibdil fil-klima, li jistgħu jiġu kkaġunati minn attivitajiet naturali jew tal-bniedem;

(f) il-ksib tal-koerenza bejn l-inizjattivi pubbliċi u privati u bejn id-deċiżjonijiet kollha ta’ l-awtoritajiet pubbliċi, fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, li jaffettwaw l-użu taż-żona tal-kosta.

Artikolu 6

Il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta

Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jiġu ggwidati mill-prinċipji tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta kif ġej:

(a) B’mod partikolari, għandhom jiġu meqjusa l-ġid bijoloġiku u d-dinamika naturali u l-funzjonament taż-żona tat-tifrigħ tal-baħar u n-natura komplementarja u interdipendenti tal-medda tal-baħar u dik ta’ l-art li jiffurmaw entità waħda.

(b) L-elementi kollha relatati mas-sistemi idroloġiċi, ġeomorfoloġiċi, klimatiċi, ekoloġiċi, soċjo-ekonomiċi u kulturali għandhom jitqiesu b’mod integrat, sabiex ma tinqabiżx il-kapaċità ta’ kemm tiflaħ iż-żona tal-kosta u biex jiġu evitati l-effetti negattivi tad-diżastri naturali u ta’ l-iżvilupp.

(ċ) Għandu jiġi applikat l-approċċ ta’ l-ekosistemi għall-ippjanar u l-ġestjoni kostali sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta.

(d) Għandha tiġi żgurata governanza xierqa li tippermetti l-parteċipazzjoni adegwata u f’waqtha f’proċess trasparenti tat-teħid tad-deċiżjonijiet minn popolazzjonijiet lokali u partijiet konċernati tas-soċjetà ċivili li huma involuti fiż-żoni tal-kosta.

(e) Għandha ssir koordinazzjoni istituzzjonali organizzata bejn is-setturi tad-diversi awtoritajiet amministrattivi u reġjonali u lokali li huma kompetenti fiż-żoni tal-kosta.

(f) Għandha ssir formulazzjoni ta’ strateġiji ta’ l-użu ta’ l-art, pjanijiet u programmi li jkopru l-iżvilupp urban u l-attivitajiet soċjo-ekonomiċi, kif ukoll politiki settorjali relevanti oħra.

(g) Għandhom jiġu kkunsidrati l-multipliċità u d-diversità ta’ attivitajiet fiż-żoni tal-kosta, u għandha tingħata prijorità, fejn meħtieġ, għal servizzi pubbliċi u għal attivitajiet li jirrikjedu, fis-sens ta’ termini ta’ użu u ta’ fejn jinstabu, li jkunu qrib ħafna tal-baħar.

(h) L-allokazzjoni ta’ użu madwar iż-żona tal-kosta kollha kemm hi għandha tkun ibbilanċjata, filwaqt li għandhom jiġu evitati l-konċentrazzjoni u t-tferrix tal-bliet bla bżonn.

(i) Għandhom isiru valutazzjonijiet preliminari tar-riskji assoċjati mad-diversi attivitajiet tal-bniedem u ma’ l-infrastruttura bil-għan tal-prevenzjoni u t-tnaqqis ta’ l-impatt negattiv tagħhom fuq iż-żoni tal-kosta.

(j) Għandha ssir prevenzjoni kontra l-ħsara għall-ambjent tal-kosta u, fejn dan iseħħ, għandu jiġi effettwat ristawr xieraq.

Artikolu 7

Koordinazzjoni

1. Għall-finijiet tal-ġestjoni integrata taż-żona tal kosta, il-Partijiet għandhom:

(a) jiżguraw koordinazzjoni istituzzjonali, fejn meħtieġ permezz ta’ entitajiet jew mekkaniżmi xierqa, sabiex jiġu evitati approċċi settorjali u sabiex jiġu ffaċilitati approċċi komprensivi;

(b) jorganizzaw koordinazzjoni xierqa bejn id-diversi awtoritajiet kompetenti kemm għall-meded tal-baħar kif ukoll għal dawk ta’ l-art taż-żoni tal-kosta fis-servizzi amministrattivi differenti, u fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali;

(ċ) jorganizzaw koordinazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-entitajiet reġjonali u lokali fil-qasam ta’ l-istrateġiji kostali, il-pjanijiet u l-programmi, u relatata mad-diversi awtorizzazzjonijiet għal attivitajiet li jistgħu jinkisbu permezz ta’ entitajiet ta’ konsultazzjoni konġunta jew inkella proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet b’mod konġunt.

2. L-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kompetenti għandhom, safejn dan ikun prattikabbli, jaħdmu flimkien sabiex isaħħu l-koerenza u l-effettività ta’ l-istrateġiji tal-kosta, il-pjanijiet u l-programmi stabbiliti.

TAQSIMA II

ELEMENTI FIL-ĠESTJONI INTEGRATA TAŻ-ŻONA TAL-KOSTA

Artikolu 8

Il-protezzjoni u l-użu sostenibbli taż-żona tal-kosta

1. F’konformità ma’ l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet għandhom jistinkaw biex jiżguraw l-użu sostenibbli u l-ġestjoni taż-żoni tal-kosta sabiex jippreżervaw l-ħabitats naturali tal-kosta, il-pajsaġġi, ir-riżorsi naturali u l-ekosistemi, f’konformità ma’ l-istrumenti ġuridiċi internazzjonali u reġjonali.

2. Għal dan il-għan, il-Partijiet:

(a) Għandhom jistabbilixxu fi ħdan iż-żoni tal-kosta, b’bidu mill-ogħla livell ta’ l-ilma fix-xitwa, żona fejn il-bini mhuwiex permess. Filwaqt li jiġu meqjusa, inter alia, il-meded affettwati direttament u negattivament mit-tibdil fil-klima u r-riskji naturali, din iż-żona ma tistax tkun anqas minn 100 metru fil-wisa’, soġġett għad-dispożizzjonijiet tas-subparagrafu (b) hawn taħt. Miżuri nazzjonali aktar stretti li jiddeterminaw dan il-wisa’ għandhom ikomplu japplikaw.

(b) Jistgħu jadottaw, b’mod konsistenti ma’ l-għanijiet u l-prinċipji ta’ dan il-Protokoll, id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq:

(1) għal proġetti ta’ interess pubbliku;

(2) f’żoni li għandhom restrizzjonijiet ġeografiċi partikolari jew restrizzjonijiet lokali oħra relatati mad-densità tal-popolazzjoni jew mal-ħtiġijiet soċjali, fejn l-istrumenti ġuridiċi nazzjonali jipprovdu għal oqsma ta’ residenza individwali, urbanizzazzjoni jew żvilupp.

(ċ) Għandhom jagħtu notifika lill-Organizzazzjoni dwar l-istrumenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom filwaqt li jipprovdu għalll-adattamenti msemmija.

3. Il-Partijiet għandhom ukoll jippruvaw jiżguraw li l-istrumenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom jinkludu l-kriterji għall-użu sostenibbli taż-żona tal-kosta. Kriterji bħal dawn, li jqisu l-kundizzjonijiet lokali speċifiċi, għandhom jinkludu, inter alia, dan li ġej:

(a) l-identifikazzjoni u d-delimitazzjoni, minbarra ż-żoni protetti, żoni fil-miftuħ li fihom l-iżvilupp urban u attivitajiet oħra huma ristretti jew, fejn meħtieġ, ipprojbiti;

(b) il-limitazzjoni ta’ l-estensjoni lineari ta’ l-iżvilupp urban u l-ħolqien ta’ infrastruttura ġdida tat-trasport tul il-kosta;

(ċ) l-iżgurar li l-aspetti ambjentali jiġu integrati fir-regoli dwar il-ġestjoni u l-użu tal-qasam marittimu pubbliku;

(d) il-forniment lill-pubbliku tal-libertà ta’ aċċess għall-baħar u tul ix-xatt;

(e) ir-restrizzjoni jew, fejn meħtieġ, il-projbizzjoni tal-moviment u l-ipparkjar ta’ vetturi ta’ l-art, kif ukoll il-moviment u l-ankraġġ ta’ bastimenti tal-baħar, f’żoni naturali fraġli fuq l-art jew fuq il-baħar, inklużi x-xtajtiet u d-duni tar-ramel.

Artikolu 9

Attivitajiet ekonomiċi

1. F’konformità ma’ l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan il-Protokoll, u wara li ttieħdu f’kunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona u l-Protokolli tagħha, il-Partijiet għandhom:

(a) jagħtu attenzjoni speċifika għal attivitajiet ekonomiċi li jirrikjedu li jkunu qrib ħafna tal-baħar;

(b) jiżguraw li d-diversi attivitajiet ekonomiċi jnaqqsu kemm jista’ jkun l-użu tar-riżorsi naturali u jqisu l-ħtiġijiet tal-ġenerazzjonijiet tal-futur;

(ċ) jiżguraw ir-rispett għall-ġestjoni integrata tar-riżorsi ta’ l-ilma u għall-ġestjoni ambjentalment soda ta’ l-iskart;

(d) jiżguraw li l-ekonomija tal-kosta u marittima tiġi adattata għan-natura fraġli taż-żoni tal-kosta u li r-riżorsi tal-baħar jitħarsu mit-tniġġis;

(e) jiddefinixxu indikaturi għall-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi biex jiżguraw l-użu sostenibbli taż-żoni tal-kosta u jnaqqsu l-pressjonijiet li jaqbżu l-kapaċità tagħhom;

(f) jippromwovu kodiċijiet ta’ prassi tajba fost l-awtoritajiet pubbliċi, l-atturi ekonomiċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi.

2. B’żieda, fir-rigward tal-attivitajiet ekonomiċi li ġejjin, il-Partijiet ftehmu:

(a) Fl-agrikoltura u fil-forestrija,

jigi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent fil-post u fl-operat ta’ l-attivitajiet agrikoli u ta’ l-industrija sabiex jiġu ppreżervati l-ekosistemi u l-pajsaġġi tal-kosta u jipprevjenu t-tniġġis tal-baħar, ta’ l-ilma, ta’ l-arja u tal-ħamrija;

(b) Fis-sajd,

(i) titqies il-ħtieġa li jitħarsu ż-żoni tas-sajd fil-proġetti ta’ l-iżvilupp;

(ii) jiġi żgurat li l-prassi tas-sajd ikunu kompatibbli ma’ l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali tal-baħar;

(ċ) Fl-akkwakultura,

(i) titqies il-ħtieġa li jitħarsu ż-żoni ta’ l-akkwakultura u tal-frott tal-baħar fil-proġetti ta’ l-iżvilupp;

(ii) tiġi rregolata l-akkwakultura permezz tal-kontroll ta’ l-użu tad-dħul u tal-ġestjoni ta’ l-iskart;

(d) Fit-turiżmu, l-isport u l-attivitajiet ta’ rikreazzjoni,

(i) jitħeġġeġ it-turiżmu sostenibbli tal-kosta li jippreżerva l-ekosistemi, ir-riżorsi naturali, il-wirt kulturali u l-pajsaġġi tal-kosta;

(ii) issir promozzjoni ta’ forom speċifiċi tat-turiżmu tal-kosta, inkluż it-turiżmu ekoloġiku, kulturali u rurali, filwaqt li jitħarsu tradizzjonijiet tal-popolazzjonijiet lokali;

(iii) jiġu rregolati jew, fejn meħtieġ, ipprojbiti diversi attivitajiet ta’ sport u rikreazzjoni, inklużi s-sajd ta’ rikreazzjoni u l-estrazzjoni tal-frott tal-baħar;

(e) L-użu ta’ riżorsi naturali speċifiċi,

(i) jiġu soġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel l-iskavar u l-estrazzjoni tal-minerali, inklużi l-użu ta’ l-ilma tal-baħar fl-impjanti tad-desalinazzjoni u l-isfruttament tal-ġebel;

(ii) tiġi rregolata l-estrazzjoni tar-ramel, inkluż f’qiegħ il-baħar u fis-sedimenti tax-xmajjar, jew inkella tiġi pprojbita fil-każ li x’aktarx tkun se tolqot ħażin l-ekwilibriju ta’ l-ekosistemi tal-kosta;

(iii) jiġu sorveljati ż-żoni tal-kosta ta’ taħt l-art fejn jinħażen l-ilma u ż-żoni dinamiċi ta’ kuntatt jew fejn jiltaqa’ l-ilma ħelu ma’ l-ilma baħar, li jistgħu jiġu affettwati b’mod negattiv minħabba l-estrazzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art jew minħabba t-tnixxigħat għal ġo l-ambjent naturali;

(f) Fl-infrastruttura, il-faċilitajiet ta’ l-enerġija, ix-xogħlijiet tal-port u x-xogħlijiet u l-istrutturi marittimi,

li tali infrastrutturi, faċiliitajiet, xogħlijiet u strutturi jiġu soġġetti għall-awtorizzazzjoni bil-għan li l-impatt negattiv tagħhom fuq l-ekosistemi, il-pajsaġġi u l-ġeomorfoloġija tal-kosta kemm jista’ jkun jitnaqqas jew, fejn xieraq, jiġi kkumpensat b’miżuri mhux finanzjarji;

(g) Fl-attivitajiet marittimi,

jitmexxew attivitajiet marittimi b’tali mod li jiżguraw il-preżervazzjoni ta’ l-ekosistemi tal-kosta f’konformità mar-regoli, l-istandards, u l-proċeduri tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Artikolu 10

Ekosistemi speċifiċi tal-kosta

Il-Partijiet għandhom jieħdu miżuri għall-protezzjoni ta’ ċerti ekosistemi speċifiċi tal-kosta, kif ġej:

(1) Artijiet mistagħdra u estwarji

Minbarra l-ħolqien ta’ żoni protetti, u bil-għan li jiġi evitat l-għibien ta’ l-artijiet mistagħdra u l-estwarji, il-Partijiet għandhom:

(a) iqisu l-istrateġiji nazzjonali tal-kosta u l-pjanijiet u l-programmi kostali, u meta joħorġu l-awtorizzazzjonijiet, iqisu wkoll il-funzjoni ambjentali, ekonomika u soċjali ta’ l-artijiet mistagħdra u ta’ l-estwarji;

(b) jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirregolaw jew, fejn meħtieġ, jipprojbixxu attivitajiet li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-artijiet mistagħdra u l-estwarji;

(ċ) jintrabtu li jwettqu, sa fejn dan ikun possibbli, iar-restawr ta’ l-artijiet mistagħdra tal-kosta ddegradati bil-għan li jiġi attivat mill-ġdid ir-rwol pożittiv tagħhom fil-proċessi ambjentali tal-kosta.

(2) Ħabitats tal-baħar

Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jiġu protetti ż-żoni tal-baħar li jħaddnu ħabitats ospitanti u speċijiet b’valur ta’ konservazzjoni għoli, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tagħhom bħala żoni protetti, għandhom:

(a) jadottaw miżuri li jiżguraw il-protezzjoni u l-konservazzjoni, permezz ta’ leġiżlazzjoni, ippjanar u ġestjoni ta’ żoni tal-baħar u tal-kosta, b’mod partikolari ta’ dawk li jħaddnu ħabitats ospitanti u speċijiet ta’ valur ta’ konservazzjoni għoli;

(b) jintrabtu li jippromwovu kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ programmi komuni dwar il-protezzjoni ta’ ħabitats tal-baħar.

(3) Foresti u msaġar tal-kosta

Il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri intenzjonati għall-preżervazzjoni jew l-iżvilupp ta’ foresti u msaġar tal-kosta li jinsabu, b’mod partikolari, barra miż-żoni bi protezzjoni speċjali.

(4) Duni tar-ramel

Il-Partijiet jintrabtu li jippreżervaw u, fejn ikun possibbli, jirrijabilitaw b’mod sostenibbli d-duni tar-ramel ta’ l-art u dawk li jinsabu taħt l-ilma.

Artikolu 11

Il-pajsaġġi tal-kosta

1. Il-Partijiet, filwaqt li jirrikonoxxu l-valur speċifiku estetiku, naturali u kulturali tal-pajsaġġi tal-kosta, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tagħhom bħala żoni protetti, għandhom jadottaw miżuri biex jiżguraw il-protezzjoni tal-pajsaġġi tal-kosta permezz ta’ leġiżlazzjoni, ippjanar u ġestjoni.

2. Il-Partijiet jintrabtu li jippromwovu kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-pajsaġġ, u b’mod partikolari, l-implimentazzjoni, fejn xieraq, ta’ azzjonijiet konġunti għal pajsaġġi tal-kosta transkonfinali.

Artikolu 12

Gżejjer

Il-Partijiet jintrabtu l-impenn li jagħtu protezzjoni speċjali lill-gżejjer, inklużi gżejjer żgħar, u b’dan il-għan li:

(a) jippromwovu attivitajiet li jiffavorixxu l-ambjent f’tali żoni u li jieħdu miżuri speċjali biex jiżguraw il-parteċipazzjoni ta’ l-abitanti fil-protezzjoni ta’ l-ekosistemi tal-kosta bbażata fuq it-tradizzjonijiet u l-għarfien lokali tagħhom;

(b) iqisu l-karatteristiċi speċifiċi ta’ l-ambjent tal-gżira u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-interazzjoni fost il-gżejjer fi strateġiji nazzjonali tal-kosta, il-pjanijet u l-programmi u l-istrumenti ta’ ġestjoni, speċjalment fl-oqsma tat-trasport, it-turiżmu, is-sajd, l-iskart u l-ilma.

Artikolu 13

Il-wirt kulturali

1. Il-Partijiet għandhom jadottaw, individwalment jew kollettivament, il-miżuri kollha xierqa għall-preżervazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt kulturali, u b’mod partikolari l-wirt arkeoloġiku u storiku taż-żoni tal-kosta, inkluż il-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma, f’konformità ma’ l-istrumenti nazzjonali u internazzjonali applikabbli.

2. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-preżervazzjoni in situ tal-wirt kulturali taż-żoni tal-kosta titqies bħala l-ewwel għażla qabel ma jittieħed kwalunkwe intervent immirat għal dan il-wirt.

3. Il-Partijiet għandhom jiżguraw b’mod partikolari li jiġu konservati u ġestiti, b’mod li jissalvagwardja l-preżervazzjoni fit-tul tagħhom, l-elementi tal-wirt kulturali ta’ taħt l-ilma taż-żoni tal-kosta li jitneħħew mill-ambjent tal-baħar u għandhom jiżguraw ukoll li dawk l-elementi ma jiġux ikkummerċjalizzati, mibjugħa, mixtrija jew skambjati bħala oġġetti kummerċjali.

Artikolu 14

Parteċipazzjoni

1. Bil-għan li tiġi żgurata tmexxija effiċjenti tul il-proċess sħiħ tal-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-involviment xieraq fil-fażijiet tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji tal-kosta u tal-baħar, pjanijiet u progammi jew proġetti, kif ukoll il-ħruġ ta’ l-awtorizzazzjonijiet varji, tad-diversi partijiet involuti, inklużi:

- il-komunitajiet territorjali u l-entitajiet pubbliċi konċernati;

- operaturi ekonomiċi;

- organizzazzjonijiet mhux governattivi;

- atturi soċjali;

- il-pubbliku konċernat.

Tali parteċipazzjoni għandha tinvolvi inter alia entitajiet ta’ konsultazzjoni, stħarriġ jew seduti fil-pubbliku, u jistgħu jiġu estiżi għal sħubijiet.

2. Bil-għan li tali parteċipazzjoni tiġi żgurata, il-Partijiet għandhom jipprovdu tagħrif b’mod adegwat, effettiv u fil-ħin.

3. Proċeduri ta’ medjazzjoni jew ta’ konċiljazzjoni u dritt ta’ rikors amministrattiv jew ġuridiku għandhom ikunu disponibbli għal kull parti involuta li tikkontesta deċiżjonijiet, atti jew omissjonijiet, soġġett għad-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni stabbiliti mill-Partijiet fir-rigward ta’ pjanijiet, programmi jew proġetti li jikkonċernaw iż-żona tal-kosta.

Artikolu 15

Iż-żieda fil-konoxxenza, taħriġ, edukazzjoni u riċerka

1. Il-Partijiet jintrabtu li jwettqu, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, attivitajiet ta’ żieda fil-konoxxenza dwar il-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta u biex jiżviluppaw programmi edukattivi, ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni pubblika dwar dan is-suġġett.

2. Il-Partijiet għandhom jorganizzaw, direttament, multilateralment jew bilateralment, jew bl-assistenza ta’ l-Organizzazzjoni, iċ-Ċentru jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali konċernati, programmi edukattivi, ta’ taħriġ u ta’ edukazzjoni pubblika dwar il-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta bil-għan li jiżguraw l-iżvilupp sostenibbli tagħhom.

3. Il-Partijiet għandhom jipprovdu għal riċerka xjentifika interdixxiplinarja dwar il-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta u dwar l-interazzjoni bejn l-attivitajiet u l-impatti tagħhom fuq iż-żoni tal-kosta. Għal dan il-għan, għandhom jistabbilixxu jew jappoġġjaw ċentri ta’ riċerka speċjalizzati. L-għan ta’ din ir-riċerka huwa, b’mod partikolari, biex tavvanza l-għarfien dwar il-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, biex tikkontribwixxi għall-informazzjoni pubblika u biex tiffaċilita t-teħid tad-deċiżjonijiet kemm pubbliku kif ukoll privat.

TAQSIMA III

STRUMENTI GĦALL-ĠESTJONI INTEGRATA TAL-KOSTA

Artikolu 16

Il-mekkaniżmi u n-netwerks tas-sorveljanza u tal-osservazzjoni

1. Il-Partijiet għandhom jużaw u jsaħħu l-mekkaniżmi eżistenti xierqa tas-sorveljanza u ta’ l-osservazzjoni, jew inkella joħolqu mekkaniżmi ġodda jekk dan ikun meħtieġ. Għandhom ukoll iħejju u jaġġornaw b’mod regolari inventarji nazzjonali dwar iż-żoni tal-kosta li għandhom ikopru, safejn ikun possibbli, informazzjoni dwar riżorsi u attivitajiet, kif ukoll dwar istituzzjonijiet, leġiżlazzjoni u ppjanar li jistgħu jinfluwenzaw żoni tal-kosta.

2. Sabiex jippromwovu skambju ta’ esperjenza xjentifika, dejta u prassi tajba, il-Partijiet għandhom jipparteċipaw, fil-livell amministrattiv u xjentifiku xieraq, f’netwerk għaż-żona tal-kosta Mediterranja, f’kooperazzjoni ma’ l-Organizzazzjoni.

3. Bil-għan li jiffaċilitaw l-osservazzjoni regolari dwar il-qagħda u l-evoluzzjoni taż-żoni tal-kosta, il-Partijiet għandhom jistabbilixxu format ta’ referenza u proċess miftiehma biex jiġbru d-dejta xierqa fl-inventarji nazzjonali.

4. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw aċċess għall-pubbliku ta’ l-informazzjoni miksuba mill-mekkaniżmi u n-netwerks tas-sorveljanza u ta’ l-osservazzjoni.

Artikolu 17

Strateġija MediterranJa għall-ġestjoni integrata tal-kosta

Il-Partijiet jintrabtu li jikkooperaw għall-promozzjoni ta’ l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-kosta, filwaqt li jqisu l-Istrateġija Mediterranja għall-Iżvilupp Sostenibbli u billi fejn meħtieġ jikkumplementawha. Għal dan il-għan, il-Partijiet għandhom jiddefinixxu, bl-assistenza taċ-Ċentru, qafas komuni reġjonali għall-ġestjoni integrata tal-kosta fil-Mediterran li għandha tiġi implimentata permezz ta’ pjanijiet ta’ azzjoni reġjonali u strumenti oħra ta’ operazzjoni, kif ukoll permezz ta’ l-istrateġiji nazzjonali tagħhom.

Artikolu 18

Strateġiji, pjanijiet u programmi nazzjonali tal-kosta

1. Kull Parti għandha ssaħħaħ jew tifformola strateġija nazzjonali għall-ġestjoni integrata tal-kosta għall-pjanijiet u l-programmi ta’ implimentazzjoni tal-kosta konsistenti mal-qafas komuni reġjonali u f’konformità ma’ l-għanijiet tal-ġestjoni integrata tal-kosta u l-prinċipji ta’ dan il-Protokoll, u għandhom jinfurmaw l-Organizzazzjoni dwar il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni fis-seħħ għal din l-istrateġija.

2. L-istrateġija nazzjonali, ibbażata fuq analiżi dwar il-qagħda eżistenti, għandha tistabbilixxi għanijiet, tiddetermina prijoritajiet flimkien ma’ indikazzjoni tar-raġunijiet, tidentifika ekosistemi kostali li jeħtieġu ġestjoni, kif ukoll l-atturi u l-proċessi kollha relevanti, tispeċifika l-miżuri li għandhom jittieħdu u l-ispiża tagħhom kif ukoll l-istrumenti istituzzjonali u ġuridiċi u l-mezzi finanzjarji disponibbli, u tistabbilixxi skeda ta’ implimentazzjoni.

3. Il-pjanijiet u l-programmi kostali, li jistgħu jitmexxew indipendentement jew inkella jiddaħħlu f’pjanijiet u programmi oħrajn, għandhom jispeċifikaw l-orjentazzjonijiet ta’ l-istrateġija nazzjonali u jimplimentawha fil-livell territorjali xieraq, billi jiddeterminaw, inter alia u fejn xieraq, il-kapaċitajiet ta’ kemm jifilħu u l-kundizzjonijiet għall-allokazzjoni u l-użu tal-meded rispettivi tal-baħar u ta’ l-art taż-żoni tal-kosta.

4. Il-Partijiet għandhom jiddefinixxu indikaturi xierqa biex jivvalutaw l-effettività ta’ l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi għall-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, kif ukoll il-progress fl-implimentazzjoni tal-Protokoll.

Artikolu 19

Valutazzjoni ambjentali

1. Filwaqt li jqisu l-fraġilità taż-żoni tal-kosta, il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-proċess u l-istudji relatati mal-valutazzjoni ta’ l-impatt ambjentali għal proġetti pubbliċi u privati li x’aktarx li jkollhom effetti ambjentali sinifikattivi fiż-żoni tal-kosta, u b’mod partikolari fuq l-ekosistemi tagħhom, għandhom iqisu s-sensittività speċifika ta’ l-ambjent u r-relazzjonijiet bejn il-meded tal-baħar u dawk ta’ l-art taż-żona tal-kosta.

2. F’konformità ma’ l-istess kriterji, il-Partijiet għandhom jifformulaw, kif xieraq, valutazzjoni ambjentali strateġika tal-pjanijiet u l-programmi li jaffettwaw iż-żona tal-kosta.

3. Il-valutazzjonijiet ambjentali għandhom iqisu l-impatti kumulattivi fuq iż-żoni tal-kosta, filwaqt li tingħata attenzjoni, inter alia, għall-kapaċitajiet ta’ kemm jifilħu.

Artikolu 20

Il-politika dwar l-art

1. Bil-għan li tiġi promossa l-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, jitnaqqsu l-pressjonijiet ekonomiċi, jinżammu ż-żoni miftuħa u jitħalla l-aċċess pubbliku għall-baħar u tul ix-xatt, il-Partijiet għandhom jadottaw strumenti ta’ politika u miżuri xierqa, inkluż il-proċess ta’ ppjanar.

2. Għall-finijiet ta’ dan, u sabiex tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli ta’ l-art pubblika u privata taż-żoni tal-kosta, il-Partijiet għandhom inter alia jadottaw mekkaniżmi għall-akkwist, iċ-ċessjoni, l-għoti jew it-trasferiment ta’ art għall-qasam pubbliku u jistabbilixxu s-servitù fuq proprjetajiet.

Artikolu 21

Strumenti ekonomiċi, finanzjarji u fiskali

Għall-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali tal-kosta u ta’ pjanijiet u programmi tal-kosta, il-Partijiet jistgħu jieħdu miżuri xierqa għall-adozzjoni ta’ strumenti ekonomiċi, finanzjarji u/jew fiskali relevanti intenzjonati bħala appoġġ għal inizjattivi lokali, reġjonali u nazzjonali għall-ġestjoni integrata taż-żoni tal-kosta.

TAQSIMA IV

RISKJI LI JAFFETTWAW IŻ-ŻONA TAL-KOSTA

Artikolu 22

Perikli naturali

Fi ħdan il-qafas ta’ l-istrateġiji nazzjonali għall-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, il-Partijiet għandhom jiżviluppaw politiki għall-prevenzjoni ta’ perikli naturali. Għal dan il-għan, għandhom iwettqu valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u l-perikli fiż-żoni tal-kosta u jieħdu miżuri ta’ prevenzjoni, mitigazzjoni u adattament biex jindirizzaw l-effetti tad-diżastri naturali, b’mod partikolari tat-tibdil fil-klima.

Artikolu 23

Erożjoni tal-kosta

1. F’konformità ma’ l-għanijiet u l-prinċipji stipulati fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet, bil-għan li jevitaw u jnaqqsu l-impatt negattiv ta’ l-erożjoni tal-kosta b’mod aktar effettiv, jieħdu l-impenn li jadottaw kull miżura neċessarja biex iżommu jew ireġġgħu lura l-kapaċità naturali tal-kosta li tadatta għal tibdiliet, inklużi dawk ikkaġunati miż-żieda fil-livelli tal-baħar.

2. Il-Partijiet, meta jikkunsidraw attivitajiet u xogħlijiet ġodda li għandhom isiru fiż-żona, inklużi strutturi tal-baħar u xogħlijiet marbuta mad-difiża tal-kosta, għandhom iqisu b’mod partikolari l-effetti negattivi tagħhom fuq l-erożjoni tal-kosta u fuq l-ispejjeż diretti u indiretti li jistgħu jirriżultaw. Fir-rigward ta’ l-attivitajiet u l-istrutturi, il-Partijiet għandhom jadottaw miżuri biex inaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti tagħhom fuq l-erożjoni tal-kosta.

3. Il-Partijiet għandhom jippruvaw jantiċipaw l-impatt ta’ l-erożjoni tal-kosta permezz tal-ġestjoni integrata ta’ attivitajiet, inkluż bl-adozzjoni ta’ miżuri speċjali għas-sedimenti tal-kosta u xogħlijiet fuq il-kosta.

4. Il-Partijiet jieħdu l-impenn biex jaqsmu bejniethom id-dejta xjentifika li tista’ ttejjeb l-għarfien dwar il-qagħda, l-iżvilupp u l-impatti ta’ l-erożjoni tal-kosta.

Artikolu 24

Reazzjoni għad-diżastri natural

1. Il-Partijiet jieħdu l-impenn li jippromwovu kooperazzjoni internazzjonali b’reazzjoni għad-diżastri naturali, u li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jindirizzaw l-effetti li jirriżultaw minnhom fil-ħin.

2. Il-Partijiet jieħdu l-impenn biex jikkoordinaw l-użu tat-tagħmir ta’ detezzjoni, twissija u komunikazzjoni għad-disponibbiltà tagħhom, filwaqt li jagħmlu użu minn mekkaniżmi u inizjattivi eżistenti, biex jiżguraw it-trasmissjoni malajr kemm jista’ jkun ta’ tagħrif urġenti dwar diżastri naturali kbar. Il-Partijiet għandhom javżaw l-Organizzazzjoni dwar liema huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jilqgħu u jittrażmettu tali tagħrif fil-kuntest ta’ mekkaniżmi internazzjonali relevanti.

3. Il-Partijiet jieħdu l-impenn biex jippromwovu kooperazzjoni reċiproka u kooperazzjoni fost awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, organizzazzjonijiet mhux governattivi u organizzazzjonijiet kompetenti oħra għall-forniment fuq bażi ta’ urġenza ta’ għajnuna umanitarja b’reazzjoni għal diżastri naturali li jaffettwaw iż-żoni tal-kosta tal-Baħar Mediterran.

TAQSIMA V

KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 25

It-taħriġ u r-riċerka

1. Il-Partijiet jieħdu l-impenn li, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, jikkooperaw fit-taħriġ ta’ persunal xjentifiku, tekniku u amministrattiv fil-qasam tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, partikolarment bil-għan li:

(a) jidentifikaw u jsaħħu l-kapaċitajiet;

(b) jiżviluppaw ir-riċerka xjentifika u teknika;

(ċ) jippromwovu ċentri speċjalizzati fil-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta;

(d) jippromwovu programmi ta’ taħriġ għal professjonisti lokali.

2. Il-Partijiet jieħdu l-impenn li, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, jippromwovu riċerka xjentifika u teknika fil-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, partikolarment permezz ta’ l-iskambju ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku u tal-koordinazzjoni tal-programmi tagħhom tar-riċerka fuq temi ta’ interess komuni.

Artikolu 26

Assistenza xjentifika u teknika

Għall-finijiet tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta, il-Partijiet jieħdu l-impenn li, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, jikkooperaw flimkien dwar il-forniment ta’ assistenza xjentifika u teknika, inkluż l-aċċess għat-teknoloġiji ambjentalment sodi u t-trasferiment tagħhom, u kull xort’oħra possibbli ta’ assistenza, lil Partijiet li jirrikjedu tali assistenza.

Artikolu 27

Skambju ta’ informazzjoni u ta’ attivitajiet ta’ interess komuni

1. Il-Partijiet jieħdu l-impenn li, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, jikkooperaw fl-iskambju ta’ l-informazzjoni dwar l-użu ta’ l-aħjar prassi ambjentali.

2. Bl-appoġġ ta’ l-Organizzazzjoni, il-Partijiet għandhom b’mod partikolari:

(a) jiddefinixxu indikaturi għall-ġestjoni tal-kosta, filwaqt li jqisu dawk eżistenti, u jikkooperaw fl-użu ta’ tali indikaturi;

(b) jistabbilixxu u jżommu valutazzjonijiet aġġornati dwar l-użu u l-ġestjoni taż-żoni tal-kosta;

(ċ) iwettqu attivitajiet ta’ interess komuni, bħal proġetti ta’ dimostrazzjoni tal-ġestjoni integrata taż-żona tall-kosta.

Artikolu 28

Kooperazzjoni transkonfinali

Il-Partijiet għandhom jippruvaw, direttament jew bl-assistenza ta’ l-Organizzazzjoni jew l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, fil-livell bilaterali jew multilaterali, jikkoordinaw, fejn xieraq, l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-programmi nazzjonali tagħhom dwar il-kosta relatati ma’ żoni tal-kosta li jmissu mal-fruntieri. Entitajiet amministrattivi u domestiċi relevanti għandhom jiġu assoċjati f’tali koordinazzjoni.

Artikolu 29

Valutazzjoni ambjentali transkonfinali

1. Fil-qafas ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet qabel ma jawtorizzaw jew japprovaw pjanijiet, programmi u proġetti li x’aktarx ikollhom effett sinifikanti fuq iż-żoni tal-kosta ta’ Partijiet oħra, għandhom jikkooperaw bejniethom permezz ta’ nofitika, skambju ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fil-valutazzjoni ta’ l-impatti ambjentali ta’ tali pjanijiet, programmi u proġetti, filwaqt li jqisu l-Artikolu 19 ta’ dan il-Protokoll u l-Artikolu 4, paragrafu 3(d) tal-Konvenzjoni.

2. Għal dan il-għan, il-Partijiet jieħdu l-impenn li jikkooperaw fil-formulazzjoni u l-adozzjoni ta’ linji gwida xierqa għad-determinazzjoni ta’ proċeduri għan-notifka, l-iskambju ta’ informazzjoni u l-konsultazzjoni f’kull stadju tal-proċess.

3. Il-Partijiet jistgħu, fejn xieraq, jidħlu fi ftehimiet bilaterali jew multilaterali għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan l-Artikolu.

TAQSIMA VI

DISPOŻIZZJONIJIET ISTITUZZJONALI

Artikolu 30

Punti fokali

Kull Parti għandha tinnomina Punt Fokali biex iservi ta’ kollegament maċ-Ċentru dwar l-aspetti tekniċi u xjentifiċi ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u għat-tixrid ta’ l-informazzjoni fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Punti Fokali għandhom jiltaqgħu perjodikament biex jaqdu l-funzjonijiet li jitnisslu minn dan il-Protokoll.

Artikolu 31

Rapporti

Il-Partijiet għandhom jippreżentaw fil-Laqgħat ordinarji tal-Partijiet Kontraenti, rapporti dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, fil-forma u fiż-żmien stipulati kif stabbiliti minn dawn il-Laqgħat, inklużi l-miżuri li ttieħdu, l-effettività tagħhom u l-problemi li ltaqgħu magħhom waqt l-implimentazzjoni.

Artikolu 32

Koordinazzjoni istituzzjonali

1. L-Organizzazzjoni għandha tkun responsabbli biex tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll. Għal dan il-għan, din għandha tirċievi l-appoġġ taċ-Ċentru, li lilu tista’ tgħaddi l-funzjonijiet li ġejjin:

(a) jgħin lill-Partijiet jiddefinixxu qafas komuni reġjonali għall-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta fil-Mediterran skond l-Artikolu 17;

(b) iħejji rapport regolari dwar il-qagħda u l-iżvilupp tal-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta fil-Baħar Mediterran bil-għan ta’ l-iffaċilitar ta’ l-implimentazzjoni tal-Protokoll;

(ċ) jiskambja l-informazzjoni u jwettaq attivitajiet ta’ interess komuni skond l-Artikolu 27;

(d) fuq talba, jagħti għajnuna lill-Partijiet biex:

- jipparteċipaw f’netwerk taż-żona tal-kosta tal-Mediterran skond l-Artikolu 16;

- iħejju u jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-ġestjoni integrata tal-kosta skond l-Artikolu 18;

- jikkooperaw f’attivitajiet ta’ taħriġ u f’programmi xjentifiċi u tekniċi skond l-Artikolu 25;

- jikkoordinaw, fejn xieraq, il-ġestjoni taż-żoni tal-kosta transkonfinali skond l-Artikolu 28;

(e) jorganizza l-laqgħat tal-Punti Fokali skond l-Artikolu 30;

(f) jaqdi kull funzjoni oħra inkarigata lilu mill-Partijiet.

2. Għall-finijiet ta’ l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet, l-Organizzazzjoni u ċ-Ċentru jistgħu b’mod konġunt jistabbilixxu kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi, li l-attivitajiet tagħhom huma relatati ma’ dan il-Protokoll.

Artikolu 33

Laqgħat tal-Partijiet

1. Il-laqgħat ordinarji tal-Partijiet ta’ dan il-Protokoll għandhom isiru flimkien mal-laqgħat ordinarji tal-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni magħmula skond l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni. Il-Partijiet jistgħu jsejħu wkoll laqgħat straordinarji f’konformità ma’ dak l-Artikolu.

2. Il-funzjonijiet tal-laqgħat tal-Partijiet għal dan il-Protokoll għandhom ikunu hekk:

(a) iżommu taħt reviżjoni l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll;

(b) jiżguraw li dan il-Protokoll jiġi implimentat f’koordinazzjoni u sinerġija mal-Protokolli l-oħrajn;

(ċ) jissorveljaw ix-xogħol ta’ l-Organizzazzjoni u taċ-Ċentru rigward l-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u jipprovdu linji gwida ta’ politika għall-attivitajiet tagħhom;

(d) jikkunsidraw l-effiċjenza tal-miżuri adottati għall-ġestjoni integrata taż-żona tal-kosta u l-ħtieġa ta’ miżuri oħra, b’mod partikolari fis-sura ta’ annessi jew emendi għal dan il-Protokoll;

(e) iwettqu rakkomandazzjonijiet lill-Partijiet dwar il-miżuri li għandhom ikunu adottati għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll;

(f) jeżaminaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Laqgħat tal-Punti Fokali skond l-Artikolu 30 ta’ dan il-Protokoll;

(g) jikkunsidraw ir-rapporti ppreżentati mill-Partijiet u jagħmlu rakkomandazzjonijiet xierqa skond l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni;

(h) jeżaminaw kull informazzjoni oħra relevanti li tiġi ppreżentata permezz taċ-Ċentru;

(i) jeżaminaw kull kwistjoni oħra relevanti għal dan il-Protokoll, kif ikun xieraq.

TAQSIMA VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 34

Ir-relazzjoni mal-Konvenzjoni

1. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni li jkollhom x’jaqsmu ma’ kull Protokoll għandhom japplikaw għall-Protokoll preżenti.

2. Ir-regoli ta’ proċedura u r-regoli finanzjarji adottati skond l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni għandhom japplikaw fir-rigward ta’ dan il-Protokoll, għajr jekk il-Partijiet f’dan il-Protokoll jiftiehmu xorta oħra.

Artikolu 35

Relazzjonijiet ma’ partijiet terzi

1. Il-Partijiet għandhom, fejn ikun xieraq, jistiednu Stati li mhumiex Partijiet fil-Protokoll u organizzazzjonijiet internazzjonali sabiex jikkooperaw fl-implimentazzjoni tal-Protokoll.

2. Il-Partijiet jintrabtu li jadottaw il-miżuri xierqa, konsistenti mal-liġi internazzjonali, biex jiżguraw li ħadd ma jagħmel xi attività kuntrarja għall-prinċipji jew għall-għanijiet ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 36

Firma

Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-iffirmar f’Madrid, Spanja, fil- 21 ta’ Jannar 2008 minn kull Parti Kontraenti għall-Konvenzjoni.

Artikolu 37

Ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni

Dan il-Protokoll għandu jkun soġġett għal ratifikazzjoni, aċċettazzjoni jew approvazzjoni. L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni għandhom ikunu ddepożitati mal-Gvern ta’ Spanja, li għandu jassumi l-funzjonijiet ta’ Depożitarju.

Artikolu 38

Adeżjoni

Mill- 21 ta’ Jannar 2009, dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għal adeżjoni minn kull Parti għall-Konvenzjoni.

Artikolu 39

Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fit-tletin (30) jum wara d-depożitu ta’ għallinqas sitt (6) strumenti ta’ ratifikazzjoni, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

Artikolu 40

Testi awtentiċi

Dan il-Protokoll oriġinali, li tiegħu t-testi bl-Għarbi, bl-Ingliż, bil-Franċiż, u bl-Ispanjol huma ugwalment awtentiċi, għandu jkun iddepożitat mad-Depożitarju.

BĦALA XHUD, il-firmatarji hawn taħt, awtorizzati għal dan, iffirmaw dan il-Protokoll.

MAGĦMUL F’MADRID, SPANJA, fil- wieħed u għoxrin jum ta’ Jannar elfejn u tmienja.

--------------------------------------------------