15.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 10/29


TRADUZZJONI

FTEHIM

bejn l-Unjoni Ewropea u ir-Repubblika Somala dwar l-istatus tal-forza navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Somala fil-qafas tal-operazzjoni militari tal-UE, Atalanta

L-UNJONI EWROPEA (UE),

fuq naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA SOMALA, minn hawn ‘il quddiem imsejħa “l-Istat Ospitanti”,

fuq in-naħa l-oħra,

Flimkien minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Partijiet”,

WARA LI KKUNSIDRAW:

ir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008), 1816 (2008) u 1838 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u Riżoluzzjonijiet suċċessivi,

l-ittra bid-data l-1 ta’ Novembru 2008 mill-Prim Ministru tal-Gvern Federali ta’ Transizzjoni tar-Repubblika tas-Somalja lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-UE/Rappreżentant Għoli tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni tal-UE bi tweġiba għall-offerta ta’ koperazzjoni mill-UE u n-notifika mill-Gvern Federali ta’ Transizzjoni tar-Repubblika tas-Somalja ta’ din l-offerta lis-Segretarju Ġenerali tan-NU bid-data l-14 ta’ Novembru 2008,

l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill tal-UE 2008/851/PESK tal-10 ta’ Novembru 2008 dwar l-operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza, il-prevenzjoni u t-trażżin tal-atti ta’ piraterija u ta’ serq bl-użu tal-armi ‘l barra mix-xtut tas-Somalja (operazzjoni “Atalanta”),

li dan il-Ftehim mhux ser jolqot id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali, inkluż l-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet

1.   Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Forzi mmexxijin mill-Unjoni Ewropea u l-persunal tagħhom.

2.   Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Istat Ospitanti, inklużi l-ilmijiet interni, il-baħar territorjali u l-ispazju tal-ajru tiegħu.

3.   Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Forza Navali mmexxija mill-Unjoni Ewropea (EUNAVFOR)” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-operazzjoni, il-bastimenti tagħhom, l-inġenji tal-ajru tagħhom, it-tagħmir u l-assi tagħhom u l-mezzi tat-trasport tagħhom;

(b)

“operazzjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, l-eżekuzzjoni u l-appoġġ tal-missjoni militari segwenti għall-mandat li jirriżulta mir-Riżoluzzjonijiet 1814 (2008) u 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u kull Riżoluzzjoni sussegwenti rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982;

(ċ)

“Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE” għandha tfisser il-Kmandant tal-Operazzjoni;

(d)

“Kmandant tal-Forza tal-UE” għandha tfisser il-Kmandant fiż-żona tal-operazzjonijiet;

(e)

“kwartieri ġenerali militari tal-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, irrispettiv minn fejn jinsabu, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari tal-UE li jeżerċitaw il-kmand militari jew il-kontroll tal-operazzjoni;

(f)

“kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-elementi li huma l-proprjetà tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati l-oħra li jipparteċipaw fl-operazzjoni, inklużi stakkamenti tal-protezzjoni tal-bastimenti u forzi militari imbarkati abbord bastimenti merkantili;

(g)

“persunal tal-EUNAVFOR” għandha tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lill-EUNAVFOR kif ukoll il-persunal skjerat għat-tħejjija tal-operazzjoni u l-persunal fuq missjoni għal Stat Mittenti jew istituzzjoni tal-UE fil-qafas tal-operazzjoni, li jinsabu, ħlief kif ipprovdut mod ieħor f’dan il-Ftehim, fit-territorju tal-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali;

(h)

“Stat Mittenti” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għall-EUNAVFOR;

(i)

“ilmijiet” għandha tfisser l-ilmijiet interni u l-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti u l-ispazju tal-ajru fuq dawn l-ilmijiet.

Artikolu 2

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.   L-EUNAVFOR u l-persunal tal-EUNAVFOR għandhom josservaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti u għandhom jastjenu minn kull azzjoni jew attività li tkun inkompatibbli mal-objettivi tal-operazzjoni.

2.   L-EUNAVFOR għandha tgħarraf lill-gvern tal-Istat Ospitanti bil-bastimenti u l-inġenji tal-ajru li joperaw fl-ilmijiet tal-Istat Ospitanti u bil-bastimenti li jidħlu fil-portijiet tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 3

Identifikazzjoni

1   Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR li jkunu fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti għandhom dejjem iġorru magħhom passaporti jew karti tal-identità militari.

2.   L-inġenji tal-ajru u l-bastimenti tal-EUNAVFOR għandu jkollhom marka ta’ identifikazzjoni distintiva tal-EUNAVFOR, li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Ospitanti għandhom ikunu nnotifikati biha.

3.   L-EUNAVFOR għandu jkollha d-dritt li turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea u marki bħal ma huma insinji militari, titoli u simboli uffiċjali, fuq l-inġenji tal-ajru u l-bastimenti tagħha. Fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti, l-uniformijiet tal-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollhom emblema distintiva tal-EUNAVFOR. Il-bnadar jew l-insinji nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali kostitwenti tal-operazzjoni jistgħu jkunu murija fuq l-uniformijiet tal-EUNAVFOR, kif deċiż mill-Kmandant tal-Forza tal-UE.

Artikolu 4

Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Istat Ospitanti

1.   Il-persunal tal-EUNAVFOR ma għandux jidħol fl-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti ħlief bi preżentazzjoni tad-dokumenti previsti fl-Artikolu 3 (1). Il-membri tal-persunal għandhom ikunu eżenti mir-regolamenti fir-rigward tal-passaporti u l-viżi, l-ispezzjonijiet dwar l-immigrazzjoni u l-kontroll tad-dwana mad-dħul, mal-ħruġ jew fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

2.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkun eżenti mir-regolamenti tal-Istat Ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma għandu jikseb l-ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti.

3.   L-assi u l-mezzi tat-trasport tal-EUNAVFOR li jidħlu fi, jgħaddu jew joħorġu mit-territorju tal-Istat Ospitanti b’appoġġ għall-operazzjoni għandhom ikunu eżenti minn kull rekwiżit li jipproduċu inventarji jew dokumentazzjoni oħra doganali, u minn kull spezzjoni.

4.   Il-membri tal-persunal tal-EUNAVFOR jistgħu jsuqu vetturi bil-mutur, jinnavigaw bastimenti u jħaddmu inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istat Ospitanti bil-kondizzjoni li jkollhom liċenzji tas-sewqan, ċertifikati ta’ kaptan ta’ bastiment jew liċenzji ta’ bdot validi nazzjonali, internazzjonali jew militari, kif meħtieġ.

5.   Għall-fini tal-operazzjoni, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lill-EUNAVFOR u lill-persunal tal-EUNAVFOR il-libertà tal-moviment u l-libertà tal-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu, inkluż fl-ilmijiet u fl-ispazju tal-ajru tiegħu. Il-libertà tal-moviment fil-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti għandha tinkludi l-waqfien u l-ankoraġġ fi kwalunkwe ċirkostanza.

6.   Għall-fini tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR tista’ twettaq kull eżerċizzju jew prattika bl-armi kif ukoll l-illanċjar, l-inżul jew it-teħid abbord ta’ kull inġenju tal-ajru jew tagħmir militari fl-ilmijiet tal-Istat Ospitanti u fl-ispazju tal-ajru tiegħu.

7.   Għall-fini tal-operazzjoni, is-sottomarini tal-EUNAVFOR mhumiex meħtieġa jinnavigaw fil-wiċċ u juru l-bandiera tagħhom fil-baħar territorjali tal-Istat Ospitanti.

8.   Għall-fini tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR u l-mezzi tat-trasport li tikri jistgħu jużaw it-toroq pubbliċi, il-pontijiet, il-laneċ, l-ajruporti u l-portijiet mingħajr ma jħallsu dazji, imposti, pedaġġi, taxxi u tariffi simili. L-EUNAVFOR ma għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għas-servizzi li tingħata fuq talba tagħha, bil-kondizzjonijiet li japplikaw għal dawk mogħtija lill-forzi armati tal-Istat Ospitanti.

Artikolu 5

Privileġġi u immunitajiet tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

1.   Il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-Istat Ospitanti ma għandhomx jidħlu fihom mingħajr il-kunsens tal-Kmandant tal-Forza tal-UE.

2.   Il-bastimenti u l-inġenji tal-ajru tal-EUNAVFOR kif ukoll il-mezzi tat-trasport tagħha għandu jkollhom immunità minn tfittxija, rekwiżizzjoni, irbit jew eżekuzzjoni.

3.   L-EUNAVFOR, il-bastimenti, l-inġenji tal-ajru, il-proprjetà u l-assi tagħha, irrispettivament minn fejn u f’idejn min jinsabu, għandu jkollhom immunità minn kull forma ta’ proċess legali.

4.   L-arkivji u d-dokumenti tal-EUNAVFOR għandhom ikunu dejjem invjolabbli, ikunu fejn ikunu.

5.   Il-korrispondenza uffiċjali tal-EUNAVFOR għandha tkun invjolabbli. Korrispondenza uffiċjali tfisser kull korrispondenza relatata mal-operazzjoni u l-funzjonijiet tagħha.

6.   Fir-rigward tal-merkanzija mixtrija u importata, is-servizzi pprovduti u l-faċilitajiet użati mill-EUNAVFOR għall-finijiet tal-operazzjoni, l-EUNAVFOR, kif ukoll il-fornituri jew il-kuntratturi tagħha, għandhom ikunu eżenti mill-imposti, it-taxxi u t-tariffi simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. L-EUNAVFOR ma għandhiex tkun eżenti mill-imposti, it-taxxi jew it-tariffi li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mwettqa.

7.   L-Istat Ospitanti għandu jippermetti d-dħul tal-oġġetti għall-operazzjoni u jagħtihom eżenzjoni mid-dazji doganali, l-imposti, il-pedaġġi, it-taxxi u t-tariffi simili kollha ħlief għat-tariffi għal ħżin, ġarr u servizzi oħra mwettqa.

Artikolu 6

Privileġġi u immunitajiet tal-persunal tal-EUNAVFOR mogħtija mill-Istat Ospitanti

1.   Il-persunal tal-EUNAVFOR ma għandu jkun soġġett għal ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni.

2.   Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu invjolabbli.

3.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkollu immunità mill-ġurisdizzjoni kriminali, ċivili u amministrattiva tal-Istat Ospitanti fiċ-ċirkostanzi kollha.

L-immunità mill-ġurisdizzjoni tal-persunal tal-EUNAVFOR tista’ titneħħa mill-Istat Mittenti jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernata, kif ikun jeħtieġ il-każ. Din it-tneħħija għandha dejjem tkun bil-miktub.

4.   Il-bidu ta’ proċedimenti mill-persunal tal-EUNAVFOR għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ kull kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.

5.   Il-persunal tal-EUNAVFOR mhux obbligat li jagħti xhieda.

6.   L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-persunal tal-EUNAVFOR.

7.   L-immunità tal-persunal tal-EUNAVFOR mill-ġurisdizzjoni tal-Istat Ospitanti ma teżentahx mill-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Mittenti rispettivi.

8.   Il-persunal tal-EUNAVFOR għandu jkun eżenti minn kull forma ta’ tassazzjoni fl-Istat Ospitanti fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu mill-EUNAVFOR jew mill-Istati Mittenti, kif ukoll fuq kull dħul li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.

9.   L-Istat Ospitanti għandu, konformement ma’ dawk il-liġijiet u r-regolamenti li jista’ jadotta, jippermetti d-dħul ta’ oġġetti għall-użu personali tal-persunal tal-EUNAVFOR u jeżentahom minn kull dazju doganali, taxxa u tariffa relatata ħlief għat-tariffi għal ħżin, ġarr u servizzi simili.

Il-bagalji personali tal-persunal tal-EUNAVFOR għandhom ikunu eżenti mill-ispezzjoni, dment li ma jkunx hemm raġunijiet serji biex wieħed jaħseb li fihom oġġetti li ma jkunux għall-użu personali tal-persunal tal-EUNAVFOR, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom tkun ipprojbita bil-liġi jew ikkontrollata bir-regolamenti ta’ kwarantina tal-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha titwettaq biss fil-preżenza tal-persunal tal-EUNAVFOR ikkonċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat tal-EUNAVFOR.

Artikolu 7

Ġurisdizzjoni kriminali

L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Mittenti għandu jkollhom id-dritt jeżerċitaw fit-territorju tal-Istat Ospitanti l-ġurisdizzjoni kriminali u s-setgħat dixxiplinarji kollha mogħtija lilhom bil-liġi tal-Istat Mittenti fir-rigward tal-persunal kollu tal-EUNAVFOR soġġett għal-liġi rilevanti tal-Istat Mittenti.

Artikolu 8

Uniformi u armi

1.   L-ilbies tal-uniformi għandu jkun soġġett għar-regoli adottati mill-Kmandant tal-Forza tal-UE.

2.   Il-persunal militari tal-EUNAVFOR jista’ jġorr armi u munizzjon bil-kondizzjoni li jkun awtorizzat jagħmel dan bl-ordnijiet li jkollu.

Artikolu 9

Appoġġ mill-Istat Ospitanti u għoti ta’ kuntratti

1.   Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ għall-operazzjoni.

2.   Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR fl-Istat Ospitanti għandha tkun stabbilita fil-kuntratt.

3.   L-Istat Ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjonui tal-kuntratti konklużi mill-EUNAVFOR ma’ entitajiet kummerċjali għall-finijiet tal-operazzjoni.

Artikolu 10

Persunal deċedut tal-EUNAVFOR

Il-Kap tal-Forza tal-UE għandu jkollu d-dritt jieħu f’idejh u jagħmel l-arranġamenti adatti għar-ripatrijazzjoni ta’ kull membru deċedut tal-persunal tal-EUNAVFOR, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.

Artikolu 11

Sigurtà tal-EUNAVFOR

L-EUNAVFOR hija awtorizzata, fuq l-art fit-territorju tal-Istat Ospitanti u l-ilmijiet interni tiegħu, li tieħu l-miżuri meħtieġa biex tipproteġi l-bastimenti, l-inġenji tal-ajru u l-assi tagħha kif ukoll il-bastimenti li qed tipproteġi, kontra kull attakk estern jew intrużjoni.

Artikolu 12

Komunikazzjoni

L-EUNAVFOR għandu jkollha d-dritt għal komunikazzjoni bla restrizzjoni bir-radju (inkluż radju tas-satellita, mobbli u tal-idejn), bit-telefonu, bit-telegrafu, bil-faksimili u b’mezzi oħra. L-Istat Ospitanti għandu jagħti l-aċċess għall-ispettru tal-frekwenzi mingħajr ħlas.

Artikolu 13

Talbiet minħabba mewt, korriment, dannu jew telf

1.   L-EUNAVFOR u l-persunal tal-EUNAVFOR ma għandhom ikunu responsabbli għal ebda dannu jew telf ta’ proprjetà ċivili jew governattiva relatati ma’ ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati minn attivitajiet marbuta ma’ inkwiet ċivili jew mal-protezzjoni tal-EUNAVFOR.

2.   It-talbiet abbażi ta’ dannu jew telf ta’ proprjetà ċivili jew governattiva mhux koperti bil-paragrafu 1, kif ukoll talbiet minħabba mewt jew korriment ta’ persuni u minħabba dannu jew telf ta’ proprjetà tal-EUNAVFOR, għandhom jiġu solvuti b’mezzi diplomatiċi.

3.   Fil-każ ta’ azzjoni legali mressqa b’rabta ma’ preġudizzju kkawżat lil partijiet terzi, ir-Repubblika tas-Somalja għandha tieħu l-post tal-EUNAVFOR fil-proċedimenti. Fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika tas-Somalja għandha tħallas kull kumpens dovut bħala riparazzjoni għal preġudizzju kkawżat lil partijiet terzi minbarra dawk imsemmijin fil-paragrafu 1. Jekk dak il-kumpens ikun attribwibbli għall-EUNAVFOR, l-ammont ta’ kumpens għandu jintradd lura kollu jew parzjalment mill-EUNAVFOR.

Artikolu 14

Kollegament u disputi

1.   Il-kwistjonijiet kollha li jirriżultaw b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati konġuntement mir-rappreżentanti tal-EUNAVFOR u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.

2.   Sakemm ma tinkisibx riżoluzzjoni minn qabel, id-disputi rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu riżolti esklużivament b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u rappreżentanti tal-UE.

Artikolu 15

Dispożizzjonijiet oħra

1.   Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet tal-EUNAVFOR u tal-persunal tal-EUNAVFOR, il-Gvern tal-Istat Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom min-naħa tal-awtoritajiet lokali kkonċernati tal-Istat Ospitanti.

2.   L-ebda parti minn dan il-Ftehim ma hi maħsuba jew ma għandha tinftiehem li tidderoga minn kull dritt li jista’ jkollu Stat Membru tal-UE jew kull Stat ieħor li jikkontribwixxi għall-EUNAVFOR bis-saħħa ta’ ftehimiet oħrajn.

Artikolu 16

Arranġamenti ta’ implimentazzjoni

Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jew il-Kmandant tal-Forza tal-UE minn naħa waħda u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti min-naħa l-oħra.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa’ fis-seħħ sad-data tat-tluq tal-aħħar element tal-EUNAVFOR u tal-aħħar membri tal-persunal tal-EUNAVFOR, kif ikun innotifikat mill-EUNAVFOR.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 4(8), 5(1-3), 5(6-7), 6(1), 6(3-4), 6(6), 6(8-9) u 13 għandhom jitqiesu li kienu japplikaw mid-data tal-iskjerament tal-ewwel membri tal-persunal tal-EUNAVFOR jekk dik id-data kienet qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

3.   Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.

4.   It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandha tinċidi fuq l-ebda dritt jew obbligu li jirriżulta mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali terminazzjoni.

Magħmul f’Nairobi, il-31 ta’ Diċembru 2008 Duplikatament f’żewġ eżemplari bl-Ingliż.

Għall-Unjoni Ewropea

għall-Istat Ospitanti