15.1.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 10/16


FTEHIM

għall-Kooperazzjoni fl-Użi Paċifiċi tal Enerġija Nukleari bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kazakstan

IL-KOMUNITA EWROPEA GHALL-ENERGIJA ATOMIKA, minn issa ’l quddiem imsejħa “il-Komunità”,

u

L-GVERN TAR-REPUBBLIKA TAL-KAZAKSTAN, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Gvern tal-Kazakstan”,

it-tnejn li huma wkoll ġeneralment imsejħa minn issa ’l quddiem “il-Parti” jew “il-Partijiet”, skond ma jkun il-każ,

KONXJI li l-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kazakstan, min-naħa ’l oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1999, jistabbilixxi li l-kummerċ f’materjali nukleari għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ Ftehim speċifiku li għandu jkun konkluż bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Gvern tal-Kazakstan,

BILLI l-Partijiet iffirmaw il-Ftehim ta’ kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Kazakstan fil-qasam tas-sigurtà nukleari u l-Ftehim għall-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kazakstan fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2003 u t-13 ta’ April 2004, rispettivament;

BILLI l-Istati Membri kollha tal-Komunità u r-Repubblika tal-Każakstan huma Partijiet għat-Trattat dwar in-Non-proliferazzjoni tal-Armi Nukleari, minn issa ’l quddiem imsejjaħ NPT,

BILLI l-Komunità, l-Istati Membri tagħha u r-Repubblika tal-Kazakstan huma impenjati li jiżguraw li r-riċerka, l-iżvilupp u l-użu tal-enerġija nukleari għal skopijiet paċifiċi jitwettqu b’mod konsistenti mal-objettivi tal-NPT,

BILLI salvagwardji nukleari huma applikati fil-Komunità kemm taħt il-Kapitolu VII tat-Titolu II tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “it-Trattat Euratom” kif ukoll taħt ftehim ta’ salvagwardji konklużi bejn il-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika, minn issa ’l quddiem imsejħa “l-IAEA”, u fir-Repubblika tal-Kazakstan taħt il-Ftehim bejn ir-Repubblika tal-Kazakstan u l-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika għall-applikazzjoni tas-salvagwardji marbuta mal-NPT li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Awwissu 1995, minn issa ’l quddiem imsejjaħ “il-Ftehim dwar l-applikazzjoni tas-salvagwardji ”,

BILLI l-Komunità, l-Istati Membri tagħha u l-Gvern tal-Kazakstan jirriaffermaw l-appoġġ tagħhom għall-IAEA u għas-sistema ta’ salvagwardja msaħħa tagħha,

BILLI l-Partijiet għandhom jiffaċilitaw il-kummerċ nukleari bejniethom jew bejn persuni jew impriżi awtorizzati stabbiliti fit-territorji rispettivi tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Kazakstan fl-interess reċiproku tal-produtturi, tal-industrija taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari, tas-servizzi u tal-konsumaturi,

BILLI għandu jittieħed kont tal-impenji meħuda mill-Gvern ta’ kull Stat Membru tal-Komunità u tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kazakstan fil-qafas tal-Grupp ta’ Fornituri Nukleari,

BILLI huwa l-każ li tiġi msaħħa l-bażi għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fis-settur nukleari ċivili permezz ta’ ftehim kwadru,

QABLU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan il-Ftehim

(1)

“materjal nukleari” tfisser kwalunkwe materjal ta’ sors jew materjal speċjali li jista’ jinferaq skond ma’ dawk it-termini huma definiti fl-Artikolu XX tal-Istatut tal l-IAEA;

(2)

“Komunità” tfisser kemm:

(a)

il-persuna ġuridika maħluqa mit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika, Parti għal dan il-Ftehim; kif ukoll

(b)

it-territorji li għalihom japplika dan l-istess Trattat;

(3)

“awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet” tfisser:

għall-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea;

għall-Gvern tal-Kazakstan, il-Kumitat għall-Enerġija Atomika tal-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Minerali tar-Repubblika tal-Kazakstan.

Fil-każ ta’ kwalunkwe bidla, il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin permezz tal-mezzi ta’ komunikazzjoni diplomatiċi.

Artikolu 2

Objettiv

L-objettiv ta’ dan il-Ftehim huwa li jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-relazzjoni ta’ kooperazzjoni ġenerali bejn il-Komunità u r-Repubblika tal-Kazakstan abbażi tal-benefiċċji reċiproċi u r-reċiproċità u mingħajr preġudizzju għas-setgħat rispettivi ta’ kull Parti.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni tal-kooperazzjoni

1.   Il-Partijiet jistgħu jikkooperaw bil-mod kif speċifikat fl-Artikoli 4 sa 8 hawn taħt fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari fl-oqsma li ġejjin:

(a)

is-sigurtà nukleari (Artikolu 4);

(b)

il-fużjoni nukleari kkontrollata (Artikolu 5);

(ċ)

ir-riċerka u l-iżvilupp f’oqsma oħra ta’ użi paċifiċi tal-enerġija nukleari minbarra dawk previsti taħt a) u b) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu (Artikolu 6);

(d)

il-kummerċ f’materjali nukleari u l-forniment ta’ servizzi taċ-ċiklu tal-fjuwil nukleari (Artikolu 7);

(e)

oqsma oħra rilevanti għas-suġġett ta’ dan il-Ftehim (Artikolu 8).

2.   Il-kooperazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu, kif bejn il-Partijiet, tista’ sseħħ ukoll bejn persuni u impriżi awtorizzati stabbiliti fil-Komunità u fir-Repubblika tal-Kazakstan.

Artikolu 4

Sigurtà nukleari

Il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sigurtà nukleari għandha tkun implimentata skond il-ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u r-Repubblika tal-Kazakstan fil-Qasam tas-Sigurtà Nukleari, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2003.

Artikolu 5

Fużjoni nukleari kontrollata

Il-kooperazzjoni fil-qasam tal-fużjoni nukleari kkontrollata għandha tkun implimentata skond il-Ftehim għall-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika u l-Gvern tar-Repubblika tal-Kazakstan fil-Qasam tal-Fużjoni Nukleari Kontrollata, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2004.

Artikolu 6

Riċerka u żvilupp f’oqsma oħra ta’ użi paċifiċi tal-enerġija nukleari

1.   Il-kooperazzjoni għandha testendi għall-attivitajiet ta’ riċerka u żvilupp nukleari ta’ interess reċiproku għall-Partijiet għajr dawk previsti fl-Artikoli 4 u 5 hawn fuq, kif miftiehem bejn il-Partijiet, sa fejn huma koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.

2.   Il-kooperazzjoni tista’ tinkludi, b’mod partikolari, l-oqsma li ġejjin:

(a)

l-applikazzjonijiet ta’ enerġija nukleari fl-oqsma tal-mediċina u l-industrija, inkluż il-ħolqien ta’ l-elettriku;

(b)

l-impatt ambjentali tal-enerġija nukleari;

(ċ)

kwalunkwe qasam ieħor ta’ riċerka u żvilupp nukleari kif miftiehem bejn il-Partijiet u sa fejn ikunu koperti mill-programmi rispettivi tagħhom.

3.   Il-kooperazzjoni għandha tkun implimentata b’mod partikolari permezz ta’:

(a)

skambju ta’ informazzjoni teknika permezz ta’ rapporti, żjajjar, seminars, laqgħat tekniċi, eċċ.;

(b)

skambju ta’ personal bejn il-laboratorji u/jew l-korpi involuti, inkluż għal skopijiet ta’ taħriġ;

(ċ)

skambju ta’ kampjuni, materjali, strumenti u tagħmir għal skopijiet sperimentali;

(d)

parteċipazzjoni bilanċjata fi studji u attivitajiet konġunti.

4.   Sa fejn hu neċessarju, il-kamp ta’ applikazzjoni, it-termini u l-kondizzjonijiet għall-kooperazzjoni fi proġetti konkreti ser ikunu stabbiliti f’arranġamenti ta’ implimentazzjoni, li jkunu daħlu fihom l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet li jipproċedu skond il-ħtiġijiet rispettivi ta’ leġislazzjoni tal-Komunità u l-leġislazzjoni tar-Repubblika tal-Kazakstan.

Dawn l-arranġamenti implimentattivi jistgħu, inter alia, ikopru d-dispożizzjonijiet finanzjarji, l-għoti ta’ responsabbiltajiet maniġerjali u d-dispożizzjonijiet dettaljati dwar id-disseminazzjoni ta’ l-informazzjoni u d-drittijiet ta’ proprjetà intelletwali.

5.   L-Ispejjeż li jirriżultaw minn attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandhom jitħallsu mill-Parti li tagħmilhom, dment li ma jkunx miftiehem speċifikament mod ieħor mill-Partijiet.

Artikolu 7

Kummerċ ta’ materjali nukleari u forniment ta’ servizzi rilevanti

1.   Il-materjal nukleari trasferit bejn il-Partijiet, jew direttament jew permezz ta’ pajjiż terz, għandu jkun soġġett għal dan il-Ftehim mad-dħul tiegħu fil-ġurisdizzjoni territorjali tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Kazakstan, dment li l-Parti fornitriċi tkun innotifikat bil-miktub lill-Parti riċeventi qabel jew fil-ħin tat-trasport, skond il-proċeduri definiti fl-Arranġament Amministrattiv li għandu jkun stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

2.   Il-materjal nukleari msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jibqa’ soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim sakemm

(a)

jiġi ddeterminat skond id-dispożizzjonijiet għat-tmiem tas-salvagwardji fil-ftehim rilevanti msemmi fil-paragrafu 6.b) ta’ dan l-Artikolu, li m’għadux aktar utilizzabbli għal kwalunkwe attività nukleari rilevanti mil-lat tas-salvagwardji, jew prattikament ma jistax jerġa’ jiġi rkuprat;

(b)

jkun ġie trasferit lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Kazakstan skond il-paragrafu 6.e) ta’ dan l-Artikolu; jew

(ċ)

il-Partijiet jaqblu bil-miktub li m’għandux jibqa’ aktar soġġett għal dan il-Ftehim.

3.   Kwalunkwe trasferiment nukleari mwettaq skond l-attivitajiet ta’ kooperazzjoni għandu jsir skond l-impenji internazzjonali rilevanti tal-Komunità, tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, u tar-Repubblika tal-Kazakstan fir-rigward tal-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari kif elenkati fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Il-kummerċ ta’ materjali nukleari u l-forniment ta’ servizzi rilevanti bejn il-Partijiet għandhom jitwettqu bi prezzijiet relatati mas-suq.

5.   Il-Partijiet għandhom jippruvaw jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt li jeħtieġu miżuri ta’ salvagwardja kummerċjali fil-kummerċ reċiproku tagħhom fil-materjali nukleari. Jekk xorta waħda jinqalgħu problemi fil-kummerċ reċiproku tagħhom f’materjali nukleari li jistgħu jikkompromettu b’mod serju l-vijabilità tal-industrija nukleari, inkluż dik tal-minjieri tal-uranju, tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Kazakstan, kwalunkwe Parti tista’ titlob konsultazzjonijiet li għandhom isiru kemm jista’ jkun malajr fil-qafas ta’ Kumitat ad hoc, u l-proċedura għat-tlaqqigħ, il-perijodu u l-livell tal-parteċipanti għat-twettiq tal-konsultazzjonijiet għandha tiġi ddefinita mill-Partijiet.

Jekk, fil-konsultazzjonijiet, ma tistax tinstab soluzzjoni għal dawn il-problemi, li hija aċċettabbli għaż-żewġ naħat, il-Parti li tkun għamlet it-talba għall-konsultazzjonijiet tista’ tieħu l-miżuri ta’ salvagwardja kummerċjali xierqa biex issolvihom jew biex ittaffi l-effetti tagħhom skond il-leġislazzjoni tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Kazakstan u skond il-prinċipji rilevanti tal-liġi internazzjonali.

L-implimentazzjoni tal-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat tal-Euratom u l-leġislazzjoni sekondarja taħtu.

6.   It-trasferimenti ta’ materjal nukleari għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-materjal nukleari għandu jintuża għal finijiet paċifiċi u mhux għal xi dispożittiv splussiv nukleari jew għal riċerka dwar, jew żvilupp ta’, kwalunkwe dispożittiv simili;

(b)

il-materjal nukleari għandu jkun soġġett:

fil-Komunità, għas-salvagwardji tal-Euratom skond it-Trattat tal-Euratom u għas-salvagwardji tal-AIEA skond il-ftehim (wieħed jew aktar) ta’ salvagwardji li ġejjin, kif hu rilevanti, u kif jistgħu jiġu riveduti u mibdula, sakemm tkun prevista kopertura kif meħtieġa mit-Trattat ta’ Non-Proliferazzjoni:

(1)

il-Ftehim bejn l-Istati Membri tal-Komunità għal armamenti mhux nukleari, l-Euratom u l-IAEA, li daħal fis-seħħ fil-21 ta’ Frar 1977 (ippubblikat bħala INFCIRC/193);

(2)

il-Ftehim bejn Franza, l-Euratom u l-IAEA, li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Settembru 1981 (ippubblikat bħala INFCIRC/290)

(3)

il-Ftehim bejn ir-Renju Unit, l-Euratom u l-IAEA, li daħal fis-seħħ fl-14 ta’ Awissu 1978 (ippubblikat bħala INFCIRC/263);

issupplimentat maż-żmien minn Protokolli Addizzjonali li daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ April 2004 abbażi tad-dokument ippubblikat bħala INFCIRC/540 (Mudell ta’ Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim (wieħed jew aktar) bejn l-Istat(i) u l-IAEA għall-Applikazzjoni ta’ Salvagwardji);

fir-Repubblika tal-Kazakstan, għall-ftehim dwar is-salvagwardji, li daħal fis-seħħ fil-11 ta’ Awwissu 1995 (ippubblikat bħala INFCIRC/504); u ssupplimentat minn Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim bejn l-IAEA u r-Repubblika tal-Kazakstan għall-applikazzjoni ta’ salvagwardji b’rabta mal-NPT, konkluż fis-6 ta’ Frar 2004 abbażi tad-dokument ippubblikat bħala INFCIRC/504 (Protokoll ta’ Mudell Addizzjonali għall-Ftehim (wieħed jew aktar) bejn l-Istat(i) u l-IAEA għall-Applikazzjoni ta’ Salvagwardji) jekk ikun fis-seħħ;

(ċ)

fl-każ li tiġi sospiża jew imwaqqfa l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-Ftehim mal-AIEA minn dawk imsemmija fil-paragrafu 6.b) ta’ dan l-Artikolu għal kwalunkwe raġuni fil-Komunità jew ir-Repubblika tal-Kazakstan, il-parti rilevanti għandha tidħol fi ftehim mal-AIEA li jipprevedi għall-effikaċja u l-kopertura ekwivalenti għal dik prevista fil-ftehim ta’ salvagwardji msemmija fil-paragrafi 6.b 1) jew 6.b 2), jew, jekk dan ma jkunx possibbli,

il-Komunità, sa fejn hi kkonċernata, għandha tapplika salvagwardji bbażati fuq is-sistema ta’ Salvagwardji tal-Euratom, li jipprevedi effettività u kopertura ekwivalenti għal dik prevista mill-ftehim ta’ salvagwardji msemmija fil-paragrafu 6.b 1) jew, jekk dan mhux possibbli,

il-Partijiet għandhom jidħlu f’arranġamenti għall-applikazzjoni ta’ salvagwardji, li jipprevedu effettività u kopertura ekwivalenti għal dik prevista mill-ftehim ta’ salvagwardji msemmija fil-paragrafi 6.b 1) jew 6.b 2);

(d)

l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni fiżika f’livelli li jissodisfaw bħala minimu l-kriterji stipulati fl-Anness Ċ għad-dokument tal-AIEA INFCIRC/245/Rev.6/Parti 1 (Linji Gwida għat-Trasferimenti Nukleari) kif jista’ jiġi rivedut; supplimentari għal dan id-dokument, l-Istati Membri tal-Komunità, il-Kummissjoni Ewropea, kif xieraq, u r-Repubblika tal-Kazakstan se jirreferu meta jkunu qed japplikaw il-miżuri għall-protezzjoni fiżika għar-rakkomandazzjonijiet fid-dokument INFCIRC/225/REV.4 kkoreġut (Protezzjoni Fiżika ta’ Materjal Nukleari u Faċilitajiet Nukleari) tal-IAEA hekk kif jista’ jkun rivedut. It-trasport internazzjonali għandu jkun soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Protezzjoni Fiżika ta’ Materjali Nukleari (dokument INFCIRC/274/Rev.1 tal-IAEA), hekk kif jista’ jkun rivedut u aċċettat mill-Partijiet u mill-Istati Membri tal-Komunità u għar-Regolamenti tal-IAEA għat-Trasport Sikur ta’ Materjali Radjoattivi (Standards ta’ Sikurezza tal-IAEA - Serje TS-R-1/ST-1, Riveduti), hekk kif jistgħu jkunu riveduti u trasposti fil-leġislazzjoni tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Kazakstan;

(e)

ri-trasferimenti ta’ kwalunkwe oġġett soġġett għal dan l-Artikolu barra l-ġurisdizzjoni tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Kazakstan għandhom isiru biss taħt il-kondizzjonijiet tal-Linji Gwida għal Trasferimenti Nukleari, kif stipolat fid-dokument INFCIRC/254/Rev.6/Parti 1 tal-IAEA, hekk kif jista’ jkun rivedut.

7.   L-ebda dispożizzjoni amministrattiva marbuta mal-kummerċ, l-operazzjonijiet industrijali jew iċ-ċaqliq ta’ materjal nukleari fuq it-territorji tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Kazakstan m’għandhom jintużaw għar-restrizzjoni tal-kummerċ jew sabiex ixekklu l-interessi kummerċjali ta’ kwalunkwe Parti fir-rigward tal-użu paċifiku tal-enerġija nukleari kemm internazzjonalment kif ukoll fil-livell domestiku.

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim m’għandhomx jintużaw biex ixekklu l-moviment liberu ta’ materjal nukleari fit-territorju tal-Komunità.

L-implimentazzjoni tal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun mingħajr preġudizzju għat-Trattat tal-Euratom u l-leġislazzjoni sekondarja taħtu.

8.   Minkejja s-sospensjoni jew it-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim għal kwalukwe raġuni, il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu għandu jibqa’ japplika sakemm kwalunkwe materjal nukleari soġġett għal dawn id-dispożizzjonijiet jibqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-Komunità jew tar-Repubblika tal-Kazakstan jew sakemm issir determinazzjoni skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Oqsma oħra rilevanti għas-suġġett ta’ dan il-ftehim

1.   Il-Partijiet jistgħu jaqblu fl-ambitu tal-kompetenzi rispettivi tagħhom dwar kooperazzjoni f’attivitajiet oħra fil-qasam tal-enerġija nukleari.

2.   Min-naħa tal-Komunità, l-attivitajiet iridu jkunu koperti minn programmi ta’ azzjoni rilevanti u jikkorrispondu għall-kondizzjonijiet speċifikati għalih, per eżempju f’oqsma bħas-sigurtà nukleari, it-trasport sikur tal-materjal nukleari, is-salvagwardji jew il-kooperazzjoni industrijali biex jippromwovu ċerti aspetti tas-sikurezza ta’ l-installazzjonijiet nukleari.

3.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6, paragrafu 4, japplikaw bl-istess mod għal din ilkooperazzjoni.

Artikolu 9

Liġi applikabbli

Il-kooperazzjoni skond dan il-Ftehim għandha tkun skond il-liġijiet u r-regolamenti fis-seħħ fil-Komunità u r-Repubblika tal-Kazakstan kif ukoll skond il-ftehim internazzjonali li daħlu għalihom il-Partijiet.

Artikolu 10

Proprjetà intellettwali

L-utilizzazzjoni u d-diffużjoni ta’ informazzjoni u tad-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, il-brevetti u d-drittijiet tal-awtur marbuta mal-attivitajiet ta’ kooperazzjoni skond dan il-Ftehim għandhom ikunu skond l-Annessi għall-Ftehim dwar il-kooperazzjoni fl-oqsma tas-sikurezza nukleari u l-fużjoni nukleari kkontrollata li jissemmew hawn fuq fl-Artikoli 4 u 5, rispettivament, ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 11

Konsultazzjoni u arbitraġġ

1.   Il-Partijiet se jkollhom konsultazzjonijiet regolari fil-qafas tal-PCA biex jimmonitoraw il-kooperazzjoni taħt dan il-Ftehim sakemm il-Partijiet ma jipprevedux mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni speċifiċi.

2.   Kwalunkwe disputa dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Ftehim tista’ tkun trattata skond l-Artikolu 88 tal-PCA.

Artikolu 12

Ftehim ta’ kooperazzjoni nukleari bilaterali

1.   Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim għandhom jieħdu l-preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet fi ftehim bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri individwali tal-Komunità u tar-Repubblika tal-Kazakstan li jipprevedu drittijiet u l-obbligi li hemm f’dan il-ftehim.

2.   Sa fejn id-dispożizzjonijiet fil-ftehim bilaterali msemmija hawn fuq bejn l-Istati Membri individwali tal-Komunità u r-Repubblika tal-Kazakstan jipprevedu drittijiet u obbligi għall-Istati Membri rispettivi u għar-Repubblika tal-Kazakstan lil hinn minn dawk f’dan il-ftehim, dawk id-drittijiet u l-obbligi jkomplu jiġu implimentati taħt il-ftehim bilaterali rispettivi.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ u dewmien

1.   Il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data li l-Partijiet, bi skambju bejniethom ta’ noti diplomatiċi dwar it-tlestija tal-proċeduri xierqa, jispeċifikaw id-dħul fis-seħħ tiegħu u għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu ta’ għaxar snin.

2.   Minn hemm il quddiem, dan il-Ftehim għandu jiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ ħames snin, dment li xi waħda mill-Partijiet, b’notifika bil-miktub, ma titlobx it-terminazzjoni tal-Ftehim. Il-Ftehim għandu jiskadi fi żmien sitt xhur mid-data li tasal in-notifika mill-Parti rilevanti.

3.   Jekk waħda mill-Partijiet jew kwalunkwe Stat Membru tal-Komunità jikser kwalunkwe dispożizzjoni materjali ta’ dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra tista’ tissospendi jew twaqqaf, permezz ta’ notifika bil-miktub f’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni kompletament jew parzjalment taħt dan il-Ftehim. Qabel ma’ xi waħda mill-Partijiet tieħu azzjoni f’dan is-sens il-Partijiet għandhom jikkonsultaw bil-ħsieb li jintlaħaq ftehim dwar il-miżuri korrettivi li għandhom jittieħdu u ż-żmien li fih għandhom jitwettqu dawn il-miżuri. Azzjoni bħal din għandha tittieħed biss jekk kien hemm nuqqas fit-teħid tal-miżuri maqbula fi żmien il-perijodu miftiehem jew, fil-każ li ma jintlaħaqx qbil wara l-iskadenza ta’ perijodu ta’ żmien iddefinit mill-Partijiet.

Artikolu 14

Bil-qbil reċiproku tal-Partijiet, l-emendi u l-bidliet fil-forma tal-minuti jistgħu jiġu inklużi fil-Ftehim li għandu jkun parti integrali mill-Ftehim.

Dan il-Ftehim għandu jitfassal f’żewġ kopji biċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol, l-Isvediż u l-Każak, fejn kull test ikun awtentiku bl-istess mod.

Magħmul fi Brussell, fil-5 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Komunità Ewropea Għall-Enerġija Atomika

Andris PIEBALGS

Għall-Gvern tar-Repubblika tal-Kazakstan

Bakhtykozha IZMUKHAMBETOV