20.11.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 309/24


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 101/2008

tas-26 ta' Settembru 2008

li temenda l-Anness IV (Enerġija) għall-Ftehim dwar iż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ’il quddiem imsejjaħ ‘il-Ftehim’, u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness IV tal-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 28/2008 tal-14 ta’ Marzu 2008 (1).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (2) għandu jiġi nkorporat fil-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Il-punt li ġej għandu jiġi inkluż wara l-punt 26 (id-Direttiva 2005/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) tal-Anness IV għall-Ftehim:

“27.

32005 R 1775: Ir-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Settembru 2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta' trażmissjoni tal-gass naturali (ĠU L 289, 3.11.2005, p. 1).

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament għandhom, għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattazzjonijiet li ġejjin:

(a)

L-Artikolu 16 tar-Regolament jipprovdi għal deroga mir-Regolament għas-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass naturali li jinsabu fl-Istati Membri għat-tul ta’ żmien tad-derogi konċessi skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2003/55/KE. In-Norveġja kisbet l-istatus ta’ suq emerġenti, f’konformità mal-Artikolu 28(2) tad-Direttiva 2003/55/KE. Konsegwentement, ir-Regolament m’għandux japplika għan-Norveġja qabel ma jkun skada t-tul ta’ żmien ta’ dawn id-derogi.

(b)

L-Istati EFTA kkonċernati għandhom jiġu mistiedna jibagħtu osservaturi għal-laqgħa tal-Kumitat stabbilit fl-Artikolu 14. Ir-rappreżentanti ta' l-Istati EFTA għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ fix-xogħol tal-Kumitat, iżda ma jkollhomx id-dritt li jivvutaw.”

Artikolu 2

It-testi tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005 fil-lingwa Iżlandiża u dik Norveġiża, li jridu jiġu ppubblikati fis-Suppliment ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu l-lingwi awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-27 ta' Settembru 2008, sakemm ikunu saru n-notifiki kollha taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE (*).

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 26 ta’ Settembru 2008.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

L-A.S.T. Prinz Nikolaus von LIECHTENSTEIN


(1)  ĠU L 182, 10.7.2008, p. 19.

(2)  ĠU L 289, 3.11.2005, p. 1.

(*)  M’huma indikati l-ebda rekwiżiti kostituzzjonali.


Dikjarazzjoni konġunta mill-partijiet kontraenti għad-deċiżjoni Nru 101/2008 dwar l-implimentazzjoni fil-ftehim ŻEE tar-Regolament (KE) Nru 1775/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Settembru 2005 dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks tat-trasmissjoni tal-gass naturali

Skond l-istruttura msejsa fuq żewġ pilastru tal-Ftehim ŻEE (l-Art. 93(2)), leġislazzjoni Komunitarja ġdida trid tiġi addottata b’Deċiżjoni tal-Kumiatat Konġunt. l-Linji Gwida skond ir-Regolament dwar il-kundizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks ta’ trasmissjoni tal-gass naturali huma legalment vinkolanti għall-Istati Membri kollha. Linji gwida ġodda jew emendi għal-linji gwida eżistenti jridu għalhekk jiġu kkunsidrati bħala leġislazzjoni Komunitarja ġdida li hija meħtieġa li tiġi addottata mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, f’konformità mal-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE.