30.1.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 25/11


DEĊIŻJONI Nru 4/2007 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li temenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Afrika t'Isfel għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE

(2008/83/KE)

IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ l-Istati ta’ l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (“l-AKP”) min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù (Benin) fit-23 ta’ Ġunju 2000 (1), kif rivedut mill-Ftehim (2) li jemenda l-imsemmi Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta’ Ġunju 2005, u b'mod partikolari l-Protokoll Nru 3 tiegħu dwar l-Afrika t'Isfel,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 3 għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE jistabbilixxi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim dwar il-kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali ma japplikawx għall-Afrika t'Isfel;

(2)

Fis-7 ta’ Marzu 2006, il-grupp ta’ pajjiżi ta’ l-AKP, membri tal-Komunità ta’ l-Iżvilupp tan-Nofsinhar ta’ l-Afrika (SADC) f'negozjati fuq il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomiku (EPA) mal-Komunità Ewropea, talab li l-Afrika t'Isfel għandha tiġi assoċjata bħala membru sħiħ ta’ dawk in-negozjati u l-Kunsill tal-Ministri aċċetta t-talba, taħt ċerti kondizzjonijiet, fit-12 ta’ Frar 2007;

(3)

In-negozjati ta’ l-EPA huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE, b'mod partikolari l-Artikoli 36 u 37 tiegħu.

(4)

Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali huwa meħtieġ li jiġi emendat il-Protokoll Nru 3 bil-ħsieb li jittieħed kont ta’ l-inklużjoni sħiħa ta’ l-Afrika t'Isfel fin-negozjati ta’ l-EPA u l-adeżjoni eventwali tagħha fl-EPA;

(5)

Skond l-Artikolu 7 tiegħu, il-Protokoll Nru 3 jista’ jiġi rivedut b'Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri;

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 3 għall-Ftehim ta’ Sħubija AKP-KE għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Dan il-Protokoll m'għandux lill-Afrika t'Isfel milli tinnegozja u tiffirma wieħed mill-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomiku (EPA) previsti fil-Parti 3, Titolu II ta’ dan il-Ftehim jekk il-partijiet l-oħra ta’ dak l-EPA jaqblu hekk.”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmula fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Il-President tal-Kumitat ta’ l-Ambaxxaturi AKP-KE b'delega, għall-Kunsill tal-Ministri AKP-KE

Álvaro MENDONÇA E MOURA


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.

(2)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27. Ftehim applikat proviżorjament skond id-Deċiżjoni Nru 5/2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 1).