22008A0410(01)

Protokoll għall-ftehim ta' stabilizzazjoni u assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u dik tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

Official Journal L 099 , 10/04/2008 P. 0002 - 0144


Protokoll

għall-ftehim ta' stabilizzazjoni u assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, fid-dawl ta’ l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u dik tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea

IR-RENJU TAL-BELĠJU,

IR-REPUBBLIKA TAL-BULGARIJA,

IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

IR-REPUBBLIKA TA’ L-ESTONJA,

L-IRLANDA,

IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

IR-RENJU TA' SPANJA,

IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

IR-REPUBBLIKA TALJANA,

IR-REPUBBLIKA TA’ ĊIPRU,

IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

IR-REPUBBLIKA TA’ L-UNGERIJA,

MALTA,

IR-RENJU TA' L-OLANDA,

IR-REPUBBLIKA TA' L-AWSTRIJA,

IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

IR-RUMANIJA,

IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

IR-RENJU TA' L-IŻVEZJA,

IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRETTANJA U L-IRLANDA TA' FUQ,

minn hawn ’il quddiem imsejħa "l-Istati Membri", irrappreżentati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, u

L-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KOMUNITÀ EWROPEA TA’ L-ENERĠIJA ATOMIKA,

minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-Komunitajiet" irrappreżentati mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni Ewropea,

min-naħa l-waħda, u

L-EKS-REPUBBLIKA JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA,

fuq in-naħa l-oħra,

Wara li kkunsidraw l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u dik tar-Rumanija (minn issa 'l quddiem imsejħa bħala "l-Istati Membri l-ġodda") fl-Unjoni Ewropea u għalhekk fil-Komunità fl- 1 ta' Jannar 2007,

Billi:

(1) Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa l-waħda u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja min-naħa l-oħra, (minn hawn 'il quddiem magħruf bħala "l-SAA"), kien iffirmat permezz ta’ Skambju ta’ Ittri fil-Lussemburgu fid- 9 ta’ April 2001 u daħal fis-seħħ fl- 1 ta' April 2004;.

(2) It-Trattat li jikkonċerna l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u dik tar-Rumanija fl-Unjoni Ewropea(minn hawn 'il quddiem imsemmi t-"Trattat ta’ l-Adeżjoni") ġie ffirmat fil-Lussemburgu fil- 25 ta’ April 2005;

(3) Ir-Repubblika tal-Bulgarija u dik tar-Rumanija aderew ma' l-Unjoni Ewropea fl- 1 ta' Jannar 2007;

(4) F'konformità ma' l-Artikolu 6(2) ta’ l-Att ta’ Adeżjoni, mehmuż mat-Trattat ta' l-Adeżjoni, l-adeżjoni ta' l-Istati Membri l-ġodda fl-SAA għandha tiġi maqbula permezz tal-konklużjoni ta' protokoll ma' l-SAA;

(5) Saru konsultazzjoni f'konformità ma' l-Artikolu 35(3) ta' l-SAA sabiex ikun żgurat li jkun ittieħed kont ta' l-interessi reċiproki tal-Komunità u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, kif imfissra f'dan il-Ftehim;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

IL-PARTIJIET KONTRAENTI

Artikolu 1

Ir-Repubblika tal-Bulgarija u dik tar-Rumanija għandhom ikunu Partijiet fil-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, iffirmat permezz ta' l-iskambju ta' ittri fil-Lussemburgu fil- 9 ta' April 2001 u għandhom rispettivament jadottaw u jieħdu nota bl-istess mod bħall-Istati Membri l-oħra tal-Komunità, tat-testi tal-Ftehim, kif ukoll tad-Dikjarazzjonijiet Konġunti, u d-Dikjarazzjonijiet Unilaterali annessi ma' l-Att Finali ffirmat fl-istess data.

EMENDI GĦAT-TEST TA' L-SAA INKLUŻI L-ANNESSI U L-PROTOKOLLI TIEGĦU

TAQSIMA II

PRODOTTI AGRIKOLI

Artikolu 2

Prodotti Agrikoli sensu stricto

1. Minflok l-Anness IV(a) ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness I ta' dan il-Protokoll.

2. Minflok l-Anness IV(b) ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness II ta' dan il-Protokoll.

3. Minflok l-Anness IV(c) ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness III ta' dan il-Protokoll.

4. Minflok l-Anness IV(d) ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness IV ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 3

Il-prodotti ta’ l-industriji tas-sajd

1. L-Artikolu 28(2) ta' l-SAA għandu jinbidel b'dan li ġej:

"2. L-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja għandha tneħħi l-ħlasijiet kollha li jkollhom effett ekwivalenti għal ħlas ta' dazju u jneħħu d-dazji applikabbli fuq l-importazzjoni ta' ħut u prodotti tas-sajd li jkunu joriġinaw fil-Komunità, ħlief għall-prodotti mniżżla fl-Anness V(b) u l-Anness V(c) ta' l-SAA, li għandu jistabbilixxi t-tnaqqis fit-tariffi għall-prodotti elenkati hemmhekk."

2. It-test ta' l-Anness V ta' dan il-Protkoll għandu jiżdied ma' l-SAA bħala Anness V(c).

Artikolu 4

Prodotti agrikoli pproċessati

1. Minflok l-Anness II tal-Protokoll ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness VI ta' dan il-Protokoll.

2. Minflok l-Anness III tal-Protokoll ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness VII ta' dan il-Protokoll.

Artikolu 5

Ftehim dwar l-Inbid

Minflok il-paragrafu 1 u l-paragrafu 3 ta' l-Anness I (Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar konċessjonijiet kummerċjali reċiproċi preferenzjali għal ċerti nbejjed, imsemmija fl-Artikolu 27(4) ta' l-SAA) tal-Protokoll Addizzjonali li jaġġusta l-aspetti ta' kummerċ ta' l-SAA, sabiex jittieħed kont tar-riżultat tan-negozjati bejn il-partijiet dwar konċessjonijiet reċiproki preferenzjali għal ċerti nbejjed, l-għarfien reċiproku, il-protezzjoni u l-kontroll ta' ismijiet ta' nbejjed u l-għarfien reċiproku, il-protezzjoni u l-kontroll ta' ismijiet għal spiriti u xorb aromatizzat, għandu jidħol it-test ta' l-Anness VIII ta' dan il-Protokoll.

TAQSIMA III

REGOLI TA' L-ORIĠINI

Artikolu 6

Minflok il-Protokoll 4 ta' l-SAA għandu jidħol it-test ta' l-Anness IX ta' dan il-Protokoll.

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI

TAQSIMA IV

Artikolu 7

WTO

L-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja timpenja ruħha li la tagħmel xi pretensjoni, talba jew referenza u lanqas tibdel jew tirtira xi konċessjoni skond il-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 l-Artikoli XXIV.6 u XXVIII dwar dan it-tkabbir tal-Komunità.

Artikolu 8

Provi ta’ Oriġini u kooperazzjoni amministrattiva

1. Il-provi ta’ oriġini maħruġa kif suppost jew mill-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jew minn Stat Membru ġdid skond Ftehim preferenzjali jew arranġamenti awtonomi applikati bejniethom għandhom ikunu aċċettati fil-pajjiżi rispettivi, sakemm:

(a) l-akkwist ta' oriġini bħal din tkun tagħti trattament tariffarju preferenzjali abbażi tal-miżuri tariffarji preferenzjali fl-SAA;

(b) il-prova ta' l-oriġini u d-dokumenti tat-trasport ikunu nħarġu mhux aktar tard mill-jum ta' qabel id-data ta' l-adeżjoni;

(c) il-prova ta' l-oriġini tkun preżentata lill-awtoritajiet doganali matul il-perjodu ta' erba' xhur mid-data ta' l-adeżjoni.

Meta prodotti jkunu ġew dikjarati għall-importazzjoni jew fl-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jew fi Stat Membru ġdid, qabel id-data ta’ adeżjoni, skond ftehim preferenzjali jew arranġamenti awtonomi applikati bejn l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u dak l-Istat Membru ġdid f'dak iż-żmien, il-prova ta' oriġini maħruġa retrospettivament skond dawn il-Ftehim jew arranġamenti tista’ wkoll tkun aċċettata sakemm tkun ippreżentata lill-awtoritajiet doganali f’perjodu ta’ erba' xhur mid-data ta’ adeżjoni.

2. L-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Istati Membri l-ġodda huma awtorizzati li jżommu l-awtorizzazzjonijiet li bihom ingħata l-istatus ta’ "esportaturi approvati" fil-qafas ta’ Ftehim preferenzjali jew arranġamenti awtonomi applikati bejniethom sakemm:

(a) tali dispożizzjoni tkun stipulata wkoll fil-ftehim konkluż qabel id-data ta’ l-adeżjoni bejn l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Komunità; kif ukoll

(b) l-esportaturi approvati japplikaw ir-regoli ta' l-oriġini fis-seħħ f’dak il-ftehim

Dawn l-awtorizzazzjonijiet għandhom jinbidlu, sa mhux aktar tard minn sena wara d-data ta’ l-adeżjoni, b’awtorizzazzjonijiet ġodda maħruga skond il-kundizzjonijiet ta' l-SAA.

3. It-talbiet għall-verifika sussegwenti tal-prova ta’ oriġini maħruġin skond Ftehim preferenzjali jew arranġamenti awtonomi li saret referenza għalihom fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu aċċettati mill-awtoritajiet doganali kompetenti ta' l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja jew ta’ l-Istati Membri l-ġodda għal perjodu ta’ tliet snin wara l-ħruġ tal-prova ta’ oriġini kkonċernata u jistgħu jkunu ppreżentati minn dawk l-awtoritajiet għal perjodu ta’ tliet snin wara l-aċċettazzjoni tal-prova ta’ oriġini sottomessa lil dawk l-awtoritajiet b’appoġġ għad-dikjarazzjoni ta’ importazzjoni.

Artikolu 9

Merkanzija fi tranżitu

1. Id-dispożizzjonijiet ta' l-SAA jistgħu japplikaw għal prodotti esportati mill-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja lejn wieħed mill-Istati Membri l-ġodda jew minn wieħed mill-Istati Membri l-ġodda lejn l-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 4 ta' l-SAA u li fid-data ta’ l-adeżjoni huma fi triqithom jew qed jinħażnu temporanġament, f’maħżen fid-dwana jew f’żona ħielsa fl-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċdonja jew f’dak l-Istat Membru ġdid.

2. Trattament preferenzjali jista’ jingħata f’każijiet bħal dawn, soġġett għas-sottomissjoni lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż li qed jimporta, fi żmien erba’ xhur mid-data ta’ adeżjoni, ta' prova ta’ oriġini maħruġa retrospettivament mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż li qed jesporta.

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI

TAQSIMA V

Artikolu 10

Dan il-Protokoll u l-annessi tiegħu għandu jifforma parti integrali mill-SAA.

Artikolu 11

1. Dan il-Protokoll irid ikun approvat mill-Komunità, permezz tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea f'isem l-Istati Membri, u mill-eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja skond il-proċeduri tagħhom stess.

2. Il-Partijiet għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-twettiq tal-proċeduri korrispondenti msemmija fil-paragrafu 1. L-istrumenti ta' approvazzjoni għandhom jiġu depożitati għand is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 12

1. Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta' l-ewwel xahar wara d-data tad-depożitu ta' l-aħħar strument ta' approvazzjoni.

2. Dan il-Protokoll għandu japplika b'effett mill- 1 ta' Jannar 2007.

Artikolu 13

Dan il-Protokoll huwa magħmul f'żewġ kopji fil-lingwi uffiċjali tal-Partijiet, u ż-żewġ testi huma ugwalment awtentiċi.

Artikolu 14

It-test ta' l-SAA, inklużi l-Annessi u l-Protokolli li huma parti integrali minnu, kif ukoll l-Att Finali flimkien mad-dikjarazzjonijiet annessi miegħu huma mfassla bil-Bulgaru u r-Rumen u huma t-tnejn awtentiċi bl-istess mod bħat-testi oriġinali. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu japprova dawn it-testi.

--------------------------------------------------