23.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 305/24


DEĊIŻJONI NRU 1/2007 TAL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA

tad-9 ta’ Novembru 2007

li toħloq is-Sotto-kumitat “Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija”

(2007/754/KE)

IL-KUNSILL TA’ ASSOĊJAZZJONI UE-TUNEŻIJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”),

Billi:

(1)

Ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali huma parti integrali u essenzjali tal-kwadru li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-imsieħba Mediterranji tagħha.

(2)

Dawn il-kwistjonijiet huma element essenzjali tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Dawn is-suġġetti ser ikunu diskussi kif meħtieġ fi ħdan l-entitajiet differenti previsti fil-Ftehim.

(3)

Il-politika tal-viċinat għandha objettivi ambizzjużi, ibbażati fuq l-importanza reċiprokament rikonoxxuta li tingħata lil valuri komuni inklużi, fost l-oħrajn, id-demokrazija, l-istat ta’ dritt, ir-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-globalità tagħhom, inkluż id-dritt għall-iżvilupp.

(4)

Il-vitalità fir-relazzjonijiet ta’ l-UE mal-pajjiżi Mediterranji tan-Nofsinhar qiegħda dejjem tikber, u din tirriżulta mill-implimentazzjoni ta’ ftehim Ewro-Mediterranji, mill-pjanijiet ta’ azzjoni tal-viċinat, kif ukoll mis-segwitu tas-sħubija Ewro-Mediterranja. L-implimentazzjoni tal-prijoritajiet ta’ sħubija Ewro-Mediterranja ma’ kull pajjiż u l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ dawn il-pajjiżi li għandhom x’jaqsmu ma’ dawn il-prijoritajiet jeħtieġu segwitu regolari.

(5)

Ir-relazzjonijiet u l-kooperazzjoni mal-pajjiżi Mediterranji jistgħu jiżviluppaw b’kont meħud tal-kompetenzi ta’ l-UE, tal-koerenza u l-bilanċ totali tal-Proċess ta’ Barċellona kif ukoll ta’ l-ispeċifiċitajiet u l-ħtiġijiet ta’ kull pajjiż Mediterranju.

(6)

Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni diġà ddeċieda li joħloq Sotto-Kumitati tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija sabiex joffri kwadru istituzzjonali adegwat għall-implimentazzjoni u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni.

(7)

L-Artikolu 84 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jipprevedi l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ ħidma jew entitajiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Is-Sotto-Kumitat “Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija” għandu jinħoloq fi ħdan il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “Kumitat ta’ Assoċjazzjoni”).

Ir-regoli ta’ proċedura tiegħu jinsabu fl-Anness 1.

2.   Is-suġġetti li jinsabu fil-mandat tas-Sotto-Kumitat jistgħu jitqajmu wkoll fl-ogħla livell fil-kwadru tad-djalogu politiku bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija.

3.   Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni jipproponi lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kwalunkwe miżura oħra meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tas-Sotto-Kumitat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, 9 ta’ Novembru 2007.

Għall-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija

L. AMADO


ANNESS

Regoli ta’ Proċedura Sotto-Kumitat “Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija”

1.   Kompożizzjoni u presidenza

Is-Sotto-Kumitat “Drittijiet tal-Bniedem u Demokrazija” (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ is-“Sotto-Kumitat”) hu magħmul, minn naħa waħda, minn rappreżentanti tal-Kummissjoni u ta’ l-Istati Membri tagħha, u min-naħa l-oħra, minn rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija. Huwa ppresedut b’sistema ta’ rotazzjoni miż-żewġ partijiet.

2.   Rwol

Is-Sotto-Kumitat għandu jaħdem taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni”), li lilu għandu jirrapporta wara kull laqgħa. Is-Sotto-Kumitat m’għandu jkollu ebda poter ta’ deċiżjoni. Madankollu hu għandu jkollu poter li jressaq proposti fir-rigward tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

3.   Suġġetti

Is-Sotto-Kumitat għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni UE-Tuneżija fl-oqsma elenkati hawn taħt. Huwa għandu jikkostitwixxi wkoll il-mekkaniżmu ta’ segwitu ewlieni fuq il-pjan tekniku ta’ l-implimentazzjoni ta’ l-azzjonijiet fil-qafas tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija tal-Pjan ta’ Azzjoni UE-Tuneżija fil-kwadru tal-politika tal-viċinat. Huwa għandu jeżamina l-progress fir-rigward ta’ l-approssimazzjoni, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet. Skond il-każ, il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tista’ tkun eżaminata skond il-Pjan ta’ Azzjoni fil-kwadru tal-politika tal-Viċinat. Is-Sotto-Kumitat għandu jeżamina l-progress li jkun sar fl-oqsma elenkati hawn taħt u għandu jipproponi miżuri li jistgħu jiġu adottati:

(a)

Stat tad-Dritt u Demokrazija, inkluż it-tisħiħ tad-Demokrażija u ta’ l-Istat ta’ Dritt, ta’ l-indipendenza tal-ġustizzja, ta’ l-aċċess għaliha u l-immodernizzar tagħha;

(b)

l-implimentazzjoni tal-ftehim internazzjonali ewlenin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż eżami tal-possibbiltajiet ta’ adeżjoni għall-protokolli fakultattivi relatati ma’ dawn il-konvenzjonijiet;

(ċ)

tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva u istituzzjonijiet nazzjonali.

Din il-lista mhix eżawrjenti u kwistjonijiet oħrajn jistgħu jiżdiedu magħha mill-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni, wara qbil miż-żewġ partijiet.

Laqgħa tas-Sotto-Kumitat tista’ titratta l-kwistjonijiet dwar settur wieħed, diversi oqsma jew dawk l-oqsma kollha elenkati hawn fuq.

4.   Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal mill-Gvern tar-Repubblika tat-Tuneżija għandhom jaġixxu b’mod konġunt bħala segretarji permanenti tas-Sotto-Kumitat u ser ikunu responsabbli mit-tħejjija tal-laqgħat tiegħu.

5.   Laqgħat

Is-Sotto-Kumitat għandu jiltaqa’ mill-anqas darba fis-sena. Tista’ tissejjaħ laqgħa abbażi ta’ talba minn xi waħda miż-żewġ partijiet l-oħrajn. Is-segretarju permanenti tal-parti li titlob laqgħa għandu jgħaddi t-talba lill-parti l-oħra. Meta tasal talba għal-laqgħa, is-segretarju permanenti tal-parti l-oħra għandu jwieġeb fi żmien 15-il jum ta’ xogħol.

Kull laqgħa tas-Sotto-Kumitat għandha ssir f’ħin u f’post miftiehem miż-żewġ partijiet.

Il-laqgħat għandhom jissejħu, għal kull parti, mis-segretarju permanenti tiegħu, bi ftehim mal-presidenza. Qabel kull laqgħa, il-presidenza għandha tkun infurmata bil-kompożizzjoni tad-delegazzjoni ta’ kull parti.

Jekk iż-żewġ partijiet jaqblu, is-Sotto-Kumitat jista’ jistieden esperti sabiex jikseb informazzjoni speċifika dwar suġġetti maqbula preċedentement.

6.   Aġenda tal-laqgħat

Il-proposti kollha tal-punti mill-partijiet li għandhom jiġu inklużi fl-aġenda tas-Sotto-Kumitat għandhom jintbagħtu lis-segretarji permanenti tas-Sotto-Kumitat.

L-aġenda proviżorja għandha tinkludi l-punti li dwarhom is-segretarji permanenti jkunu rċevew talba ta’ inklużjoni biex jiddaħħlu fl-aġenda mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-laqgħa.

L-aġenda proviżorja għal kull laqgħa għandha titħejja mill-president bi qbil mal-parti l-oħra mhux aktar tard minn għaxart ijiem qabel il-laqgħa.

Id-dokumenti tal-ħidma għandhom jaslu għand iż-żewġ partijiet mill-inqas sebat ijiem qabel il-laqgħa. Dawn l-iskadenzi jistgħu jitqassru wara ftehim miż-żewġ partijiet.

L-aġenda għandha tkun adottata mis-Sotto-Kumitat fil-bidu ta’ kull laqgħa.

7.   Minuti

Għandhom jittieħdu minuti u jkunu miftiehma miż-żewg segretarji permanenti wara kull laqgħa. Kopja tal-minuti għandha tintbagħat mis-segretarji permanenti tas-Sotto-Kumitati lis-segretarji u lill-President tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni.

8.   Natura pubblika

Il-laqgħat tas-Sotto-Kumitat m’għandhomx ikunu pubbliċi u l-minuti tagħhom għandhom ikunu konfidenzjali.