22007A1009(01)

Il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 - Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim - Deklarācija

Official Journal L 262 , 09/10/2007 P. 0008 - 0026


20060127

TRADUZZJONI

Il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006

PREAMBOLU

IL-PARTIJIET TA’ DAN IL-FTEHIM,

(a) FILWAQT LI JFAKKRU fid-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Ordni Ekonomiku Internazzjonali Ġdid; fil-Programm Integrat għall-Prodotti Bażiċi; fis-Sħubija Ġdida għall-Iżvilupp; u fl-Ispirtu ta’ São Paulo u l-Kunsens ta’ São Paulo, kif adottati mill-UNCTAD XI;

(b) FILWAQT LI JFAKKRU wkoll fil-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983, u fil-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994, u jirrikonoxxu l-ħidma ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali u l-kisbiet tagħha sa mill-bidu tagħha, inkluż strateġija biex jinkiseb kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli;

(ċ) FILWAQT LI JFAKKRU wkoll fid-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta’ Implimentazzjoni ta’ Johannesburg kif adottati mis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f’Settembru 2002, il-Forum tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Foresti stabbilit f’Ottubru 2000 u l-ħolqien assoċjat tas-Sħubija Kollaborattiva dwar il-Foresti, li l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali hija membru tagħha, kif ukoll fid-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp, id-Dikjarazzjoni Awtoritattiva li Ma Torbotx Legalment tal-Prinċipji għal Kunsens Globali dwar il-Ġestjoni, il-Konservazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Kull Xorta ta’ Foresta, u l-Kapitoli rilevanti ta’ l-Aġenda 21 kif adottati mill-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp f’Ġunju 1992, il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti biex Tikkumbatti d-Deżertifikazzjoni;

(d) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li l-Istati għandhom, skond il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali, id-dritt sovran li jisfruttaw ir-riżorsi proprji tagħhom skond il-politika ambjentali tagħhom u għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li l-attivitajiet fi ħdan il-ġurisdizzjoni u taħt il-kontroll tagħhom ma jagħmlux ħsara lill-ambjent ta’ l-Istati l-oħrajn jew taż-żoni lil hinn mil-limiti tal-ġurisdizzjoni nazzjonali, kif stabbilit fil-prinċipju 1(a) tad-Dikjarazzjoni Awtoritattiva li Ma Torbotx Legalment tal-Prinċipji għal Kunsens Globali dwar il-Ġestjoni, il-Konservazzjoni u l-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Kull Xorta ta’ Foresta;

(e) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza ta’ l-injam u tal-kummerċ relatat għall-ekonomiji tal-pajjiżi li jipproduċu l-injam;

(f) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll l-importanza tad-diversi benefiċċji ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jipprovdu l-foresti, inkluż prodotti tal-foresti ta’ l-injam u mhumiex u servizzi ambjentali, fil-kuntest tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, fuq livelli lokali, nazzjonali u globali u l-kontribut tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għall-iżvilupp sostenibbli u biex jittaffa l-faqar u għall-kisba ta’ għanijiet għall-iżvilupp miftehmin internazzjonalment, inkluż dawk li hemm fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju;

(ġ) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll il-ħtieġa li jingħataw promozzjoni u jiġu applikati kriterji u indikaturi komparabbli għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti bħala għodod importanti biex il-membri kollha jivvalutaw, isegwu u jippromwovu l-progress lejn ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom;

(g) FILWAQT LI JQISU r-rabtiet tal-kummerċ ta’ l-injam tropikali u s-suq internazzjonali ta’ l-injam u ekonomija globali usa’ u l-ħtieġa li tittieħed perspettiva globali sabiex titjieb it-trasparenza fil-kummerċ internazzjonali ta’ l-injam;

(għ) FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-impenn tagħhom biex jersqu malajr kemm jista’ jkun lejn il-kisba ta’ esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli (Għan ta’ l-ITTO ta’ l-2000) u filwaqt li jfakkru fil-ħolqien tal-Fond ta’ Sħubija ta’ Bali;

(h) FILWAQT LI JFAKKRU fl-impenn meħud mill-membri konsumaturi f’Jannar 1994 biex iżommu jew jiksbu l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom;

(ħ) FILWAQT LI JINNUTAW ir-rwol ta’ governanza tajba, arranġamenti ċari tad-dritt fuq l-art u koordinazzjoni trans-settorjali fil-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti u esportazzjoni ta’ l-injam minn sorsi legali;

(i) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-kollaborazzjoni fost il-membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-settur privat u s-soċjetà ċivili, inkluż il-komunitajiet indiġeni u lokali, u partijiet interessati oħrajn fil-promozzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(j) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll l-importanza ta’ kollaborazzjoni bħal din biex jitjieb l-infurzar tal-liġi tal-foresti u għall-promozzjoni tal-kummerċ mill-injam maqtugħ legalment;

(k) FILWAQT LI JINNUTAW li t-titjib tal-kapaċità tal-komunitajiet indiġeni u lokali li jiddependu mill-foresti, inkluż dawk li huma proprjetarji u ġesturi tal-foresti, jista’ jikkontribwixxi għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(l) FILWAQT LI JINNUTAW ukoll il-ħtieġa li jitjieb l-istandard ta’ l-għajxien u l-kondizzjonijiet tax-xogħol fis-settur tal-foresti, b’kont meħud tal-prinċipji rilevanti rikonoxxuti internazzjonalment dwar dawn il-materji, u l-Konvenzjonijiet u l-istrumenti rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol;

(m) FILWAQT LI JINNUTAW li l-injam huwa materja prima effiċjenti fl-enerġija, rinnovabbli u favorevoli għall-ambjent meta mqabbel mal-prodotti li jikkompetu miegħu;

(n) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-ħtieġa għal investiment akbar fil-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, inkluż billi jerġa’ jiġi investit id-dħul iġġenerat mill-foresti, inkluż mill-kummerċ relatat ma’ l-injam;

(o) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll il-benefiċċji ta’ prezzijiet tas-suq li jirriflettu l-ispejjeż ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(p) FILWAQT LI JIRRIKONOXXU wkoll il-ħtieġa għal riżorsi finanzjarji msaħħa u prevedibbli minn komunità wiesgħa ta’ donaturi sabiex tingħata għajnuna biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(q) FILWAQT LI JINNUTAW il-ħtiġiet speċjali tal-pajjiżi l-inqas żviluppati li jipproduċu l-injam tropikali.

FTIEHMU KIF ĠEJ:

KAPITOLU I

GĦANIJIET

Artikolu 1

Għanijiet

L-għanijiet tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ "dan il-Ftehim") huma li jippromwovi l-espansjoni u d-diversifikazzjoni tal-kummerċ internazzjonali fl-injam tropikali minn foresti ġestiti b’mod sostenibbli u maħsuda legalment u li jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam tropikali billi:

(a) Jipprovdi qafas effettiv għal konsultazzjoni, kooperazzjoni internazzjonali u żvilupp tal-politika fost il-membri kollha rigward l-aspetti kollha rilevanti ta’ l-ekonomija dinjija ta’ l-injam;

(b) Jipprovdi forum għal konsultazzjoni għall-promozzjoni ta’ prattiki non-diskriminatorji fil-kummerċ ta’ l-injam;

(ċ) Jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli u biex jittaffa l-faqar;

(d) Itejjeb il-kapaċità tal-membri li jimplimentaw strateġiji biex tinkiseb esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli;

(e) Jippromwovi fehim aħjar tal-kondizzjonijiet strutturali fis-swieq internazzjonali, inkluż it-tendenzi fit-tul fil-konsum u fil-produzzjoni, il-fatturi li jaffettwaw l-aċċess għas-suq, il-preferenzi tal-konsumaturi u l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet li jwasslu għal prezzijiet li jirriflettu l-ispejjeż ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

(f) Jippromwovi u jappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp bl-għan li jitjiebu l-ġestjoni tal-foresti u l-effiċjenza ta’ l-użu ta’ l-injam u l-kompetittività tal-prodotti ta’ l-injam meta mqabbla ma’ materjali oħrajn, kif ukoll tiżdied il-kapaċità li jiġu konservati u mtejba valuri oħrajn tal-foresti fil-foresti tropikali li jipproduċu l-injam;

(ġ) Jiżviluppa u jikkontribwixxi lejn mekkaniżmi għall-provvista ta’ riżorsi finanzjarji ġodda u addizzjonali bl-għan li jippromwovu l-adegwatezza u l-prevedibbiltà tal-fondi u l-ħiliet esperti meħtieġa biex titjieb il-kapaċità tal-membri produtturi li jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim;

(g) Itejjeb l-intelliġenza tas-suq u jinkoraġġixxi t-taqsim ta’ l-informazzjoni fuq is-suq internazzjonali ta’ l-injam bl-għan li tkun żgurata trasparenza akbar u informazzjoni aħjar fuq is-swieq u t-tendenzi tas-suq, inkluż il-ġbir, il-kompilazzjoni u l-kondiviżjoni ta’ data relatata mal-kummerċ, inkluż data relatata ma’ l-ispeċi li qed isir kummerċ tagħhom;

(għ) Jippromwovi żieda fl-ipproċessar u proċessar addizzjonali ta’ injam tropikali minn sorsi sostenibbli fil-pajjiżi membri produtturi, bl-għan tal-promozzjoni ta’ l-industrijalizzazzjoni tagħhom u b’hekk taż-żieda fl-opportunitajiet ta’ impjieg u fil-qligħ mill-esportazzjoni tagħhom;

(h) Iħeġġeġ lill-membri biex jappoġġaw u jiżviluppaw ir-riafforestazzjoni ta’ l-injam tropikali, kif ukoll ir-riabilitazzjoni u r-restawr ta’ art forestali degradata, b’konsiderazzjoni dovuta ta’ l-interessi tal-komunitajiet lokali li jiddependu mir-riżorsi tal-foresti;

(ħ) Itejjeb il-kummerċjalizzazzjoni u d-distribuzzjoni ta’ l-esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli u maqtugħin legalment u li huma negozjati legalment, inkluż li jippromwovi l-għarfien tal-konsumatur;

(i) Isaħħaħ il-kapaċità tal-membri li jiġbru, jipproċessaw u jqassmu l-istatistika dwar il-kummerċ tagħhom fl-injam u l-informazzjoni dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali tagħhom;

(j) Iħeġġeġ lill-membri biex jiżviluppaw politika nazzjonali mmirata lejn l-użu u l-konservazzjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam, u ż-żamma ta’ bilanċ ekoloġiku, fil-kuntest tal-kummerċ ta’ l-injam tropikali;

(k) Isaħħaħ il-kapaċità tal-membri li jtejbu l-infurzar u l-governanza tal-liġi tal-foresti, u li jindirizzaw il-qtugħ illegali tas-siġar u l-kummerċ relatat fl-injam tropikali;

(l) Jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ta’ l-informazzjoni għal fehim aħjar tal-mekkaniżmi volontarji bħal, fost oħrajn, iċ-ċertifikazzjoni, biex tingħata spinta lill-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali, u tingħata għajnuna lill-membri fl-isforzi tagħhom f’dan il-qasam;

(m) Jippromwovi l-aċċess għal, u t-trasferiment ta’, teknoloġiji u kooperazzjoni teknika biex jiġu implimentati l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim, inkluż b’termini u kondizzjonijiet konċessjonali u preferenzjali, kif miftiehem reċiprokament;

(n) Jippromwovi fehim aħjar tal-kontribut tal-prodotti tal-foresti mhux ta’ l-injam u tas-servizzi ambjentali għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti tropikali bl-għan li titjieb il-kapaċità tal-membri li jiżviluppaw strateġiji biex isaħħu kontributi bħal dawn fil-kuntest ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti, u jkun hemm kooperazzjoni ma’ l-istituzzjonijiet u l-proċessi rilevanti għal dan l-għan;

(o) Iħeġġeġ lill-membri biex jirrikonoxxu r-rwol tal-komunitajiet indiġeni u lokali li jiddependu mill-foresti biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-foresti u jiġu żviluppati strateġiji biex titjieb il-kapaċità ta’ dawn il-komunitajiet li jġestixxu l-foresti li jipproduċu l-injam tropikali b’mod sostenibbli; u

(p) Jiġu identifikati u indirizzati kwistjonijiet rilevanti ġodda u emerġenti.

KAPITOLU II

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(1) "Injam tropikali" tfisser injam tropikali għal użi industrijali, li jikber jew jiġi prodott fil-pajjiżi li jinsabu bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu. It-terminu jkopri zkuk maqtugħin, injam isserrat, folji tal-venier u plywood;

(2) "Ġestjoni sostenibbli tal-foresti" ser tinftiehem skond id-dokumenti tal-politika u l-linji gwida tekniċi rilevanti ta’ l-Organizzazzjoni;

(3) "Membru" tfisser Gvern, il-Komunità Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li tissemma fl-Artikolu 5, li tat il-kunsens tagħha biex tintrabat b’dan il-Ftehim kemm jekk ikun fis-seħħ b’mod proviżorju jew b’mod definittiv;

(4) "Membru produttur" tfisser kwalunkwe membru li jinsab bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu li għandu riżorsi ta’ foresti tropikali u/jew esportatur nett ta’ l-injam tropikali f’termini ta’ volum li huwa elenkat fl-Anness A u li jsir parti minn dan il-Ftehim, jew kwalunkwe membru li għandu riżorsi ta’ foresti tropikali u/jew esportatur nett ta’ l-injam tropikali f’termini ta’ volum li m’huwiex elenkat b’dan il-mod u li jsir parti minn dan il-Ftehim u li l-Kunsill, bil-kunsens ta’ dak il-membru, jiddikjara li huwa membru produttur;

(5) "Membru konsumatur" tfisser kwalunkwe membru li huwa importatur ta’ l-injam tropikali li huwa elenkat fl-Anness B li jsir parti minn dan il-Ftehim, jew kwalunkwe membru li huwa importatur ta’ l-injam tropikali li m’huwiex elenkat b’dan il-mod li jsir parti minn dan il-Ftehim u li l-Kunsill, bil-kunsens ta’ dak il-membru, jiddikjara li huwa membru konsumatur;

(6) "Organizzazzjoni" tfisser l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali stabbilita skond l-Artikolu 3;

(7) "Kunsill" tfisser il-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali stabbilit skond l-Artikolu 6;

(8) "Vot speċjali" tfisser vot li jeħtieġ mill-inqas żewġ terzi tal-voti mitfugħin mill-membri produtturi preżenti u li jivvutaw u mill-inqas 60 fil-mija tal-voti mitfugħin mill-membri konsumaturi preżenti u li jivvutaw, magħdudin separatament, bil-kondizzjoni li dawn il-voti jintefgħu minn ta’ l-inqas nofs il-membri produtturi preżenti u li jivvutaw u minn ta’ l-inqas nofs il-membri konsumaturi preżenti u li jivvutaw.

(9) "Vot b’maġġoranza mqassma sempliċi" tfisser vot li jeħtieġ aktar minn nofs il-voti mitfugħin mill-membri produtturi preżenti u li jivvutaw u aktar minn nofs il-voti mitfugħin mill-membri konsumaturi preżenti u li jivvutaw, magħdudin separatament;

(10) "Biennju finanzjarju" tfisser il-perijodu mill-1 ta’ Jannar ta’ sena waħda sal-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ wara.

(11) "Valuta liberament konvertibbli" tfisser l-Ewro, il-Yen Ġappuniż, il-Lira Sterlina, il-Frank Żvizzeru, id-Dollaru ta’ l-Istati Uniti, u kwalunkwe valuta oħra li tkun indikata minn żmien għal żmien minn organizzazzjoni monetarja internazzjonali kompetenti bħala li fil-fatt tintuża b’mod ġenerali biex isiru ħlasijiet għal transazzjonijiet internazzjonali u li hija nnegozjata b’mod ġenerali fis-swieq prinċipali tal-kambju.

(12) Għall-finijiet tal-kalkolu tad-distribuzzjoni tal-voti skond il-paragrafu 2(b) ta’ l-Artikolu 10, "riżorsi tal-foresti tropikali" tfisser il-foresti naturali magħluqa u l-pjantaġġuni tal-foresti li jinsabu bejn it-Tropiku ta’ Kankru u t-Tropiku ta’ Kaprikornu.

KAPITOLU III

ORGANIZZAZZJONI U AMMINISTRAZZJONI

Artikolu 3

Kwartieri ġenerali u struttura ta’ l-Organizzazzjoni internazzjonali ta’ l-Injam tropikali

1. L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali stabbilita mill-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983 għandha tkompli teżisti sabiex tamministra d-dispożizzjonijiet u tissorvelja l-operat ta’ dan il-Ftehim.

2. L-Organizzazzjoni għandha tiffunzjona permezz tal-Kunsill stabbilit skond l-Artikolu 6, il-kumitati u korpi sussidjarji oħrajn li jissemmew fl-Artikolu 26 u d-Direttur Eżekuttiv u l-persunal.

3. Il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni għandhom ikunu jinsabu dejjem fit-territorju ta’ membru.

4. Il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni għandhom ikunu f’Yokohama, sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix mod ieħor.

5. Jistgħu jiġu stabbiliti uffiċċji reġjonali ta’ l-Organizzazzjoni jekk il-Kunsill jiddeċiedi dan permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12.

Artikolu 4

Sħubija fl-Organizzazzjoni

Għandu jkun hemm żewġ kategoriji ta’ sħubija fl-Organizzazzjoni, jiġifieri:

(a) Produttur; u

(b) Konsumatur.

Artikolu 5

Sħubija minn organizzazzjonijiet intergovernattivi

1. Kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għal "Gvernijiet" għandha tinftiehem bħala li tinkludi l-Komunità Ewropea u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn li għandhom responsabbiltajiet komparabbli fejn għandhom x’jaqsmu n-negozjar, il-konklużjoni u l-applikazzjoni ta’ ftehim internazzjonali, b’mod partikolari ftehim dwar prodotti bażiċi. Għalhekk, kwalunkwe referenza f’dan il-Ftehim għall-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew għan-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja, jew għall-adeżjoni, fil-każ ta’ tali organizzazzjonijiet, għandha tinftiehem bħala li tinkludi referenza għall-iffirmar, ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew għan-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja, jew għall-adeżjoni minn tali organizzazzjonijiet.

2. Fil-każ ta’ vot dwar kwistjonijiet fi ħdan il-kompetenza tagħhom, il-Komunità Ewropea u organizzazzjonijiet intergovernattivi oħrajn li jissemmew fil-paragrafu 1 għandhom jivvotaw b’numru ta’ voti ugwali għan-numru totali tal-voti attribwibbli lill-Istati membri tagħhom li huma parti mill-Ftehim, skond l-Artikolu 10. F’każijiet bħal dawn, l-Istati membri ta’ tali organizzazzjonijiet m’għandux ikollhom id-dritt li jeżerċitaw id-drittijiet individwali tagħhom li jivvotaw.

KAPITOLU IV

KUNSILL INTERNAZZJONALI TA’ L-INJAM TROPIKALI

Artikolu 6

Kompożizzjoni tal-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali

1. L-ogħla awtorità ta’ l-Organizzazzjoni għandha tkun il-Kunsill Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali, li għandu jikkonsisti mill-membri kollha ta’ l-Organizzazzjoni.

2. Kull membru għandu jkun rappreżentat fil-Kunsill minn rappreżentant wieħed u jista’ jaħtar supplenti u konsulenti biex jattendu għas-sessjonijiet tal-Kunsill.

3. Supplenti għandu jkollu s-setgħa li jaġixxi u jivvota f’isem ir-rappreżentant meta dan ta’ l-aħħar ma jkunx preżenti jew f’ċirkostanzi speċjali.

Artikolu 7

Setgħat u funzjonijiet tal-kunsill

Il-Kunsill għandu jeżerċita dawk is-setgħat kollha u jwettaq jew jirranġa għat-twettiq ta’ dawk il-funzjonijiet kollha li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim. B’mod partikolari, huwa għandu:

(a) Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jadotta tali regoli u regolamenti li huma meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u li huma konsistenti miegħu, inkluż ir-regoli ta’ proċedura tiegħu stess u r-regoli finanzjarji u r-regolamenti dwar il-persunal ta’ l-Organizzazzjoni. Tali regoli finanzjarji u regolamenti għandhom, fost oħrajn, jirregolaw id-dħul u l-infiq tal-fondi taħt il-kontijiet stabbiliti fl-Artikolu 18. Fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, il-Kunsill jista’ jipprevedi proċedura li biha jkun jista’, mingħajr ma jiltaqa’, jiddeċiedi kwistjonijiet speċifiċi;

(b) Jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jkunu meħtieġa biex jiġi żgurat il-funzjonament u l-operat effettiv u effiċjenti ta’ l-Organizzazzjoni; u

(ċ) Iżomm dawk ir-reġistri li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu skond dan il-Ftehim.

Artikolu 8

President u viċi-president tal-kunsill

1. Għal kull sena kalendarja l-Kunsill għandu jeleġġi President u Viċi-President, li s-salarji tagħhom m’għandhomx jitħallsu mill-Organizzazzjoni.

2. Il-President u l-Viċi-President għandhom jiġu eletti, wieħed minn fost ir-rappreżentanti tal-membri produtturi u l-ieħor minn fost ir-rappreżentanti tal-membri konsumaturi.

3. Dawn il-karigi għandhom jalternaw kull sena bejn iż-żewġ kategoriji ta’ membri, sakemm, madankollu, dan ma jimpedixxix l-elezzjoni mill-ġdid ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma, f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

4. Fin-nuqqas temporanju tal-President, il-Viċi-President għandu jassumi l-funzjonijiet tal-President. Fin-nuqqas temporanju kemm tal-President kif ukoll tal-Viċi-President, jew fin-nuqqas ta’ wieħed minnhom jew tat-tnejn li huma għall-bqija tal-mandat li ġew eletti għalih, il-Kunsill jista’ jeleġġi uffiċjali ġodda minn fost ir-rappreżentanti tal-membri produtturi u/jew minn fost ir-rappreżentanti tal-membri konsumaturi, skond kif ikun il-każ, fuq bażi temporanja jew għall-bqija tal-mandat li l-predeċessur jew il-predeċessuri ġew eletti għalih.

Artikolu 9

Sessjonijiet tal-kunsill

1. Bħala regola ġenerali, il-Kunsill għandu jorganizza mill-inqas sessjoni regolari waħda fis-sena.

2. Il-Kunsill għandu jiltaqa’ f’sessjoni speċjali kull meta jiddeċiedi dan jew fuq talba ta’ kwalunkwe membru jew tad-Direttur Eżekuttiv, bi ftehim mal-President u mal-Viċi-President tal-Kunsill, u:

(a) Maġġoranza tal-membri produtturi jew maġġoranza tal-membri konsumaturi; jew

(b) Maġġoranza tal-membri.

3. Is-sessjonijiet tal-Kunsill għandhom isiru fil-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix mod ieħor. F’dan ir-rigward, il-Kunsill għandu jipprova jlaqqa’ sessjonijiet alternanti tal-Kunsill barra mill-kwartieri ġenerali, preferibbilment f’pajjiż produttur.

4. Meta jqis il-frekwenza u l-post tas-sessjonijiet tiegħu, il-Kunsill għandu jipprova jiżgura d-disponibbiltà ta’ biżżejjed fondi.

5. L-avviż ta’ kwalunkwe sessjoni u l-aġenda għal tali sessjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-membri mid-Direttur Eżekuttiv mill-inqas sitt ġimgħat minn qabel, ħlief f’każijiet ta’ emerġenza, meta l-avviż għandu jiġi kkomunikat mill-inqas sebat ijiem minn qabel.

Artikolu 10

Tqassim tal-voti

1. Il-membri produtturi flimkien għandu jkollhom 1000 vot u l-membri konsumaturi flimkien għandu jkollhom 1000 vot.

2. Il-voti tal-membri produtturi għandhom ikunu mqassmin kif ġej:

(a) Erba’ mitt vot għandhom ikunu mqassmin ugwalment fost it-tliet reġjuni produtturi ta’ l-Afrika, ta’ l-Asja u l-Paċifiku u ta’ l-Amerika Latina u l-Karibew. Il-voti hekk allokati lil kull wieħed minn dawn ir-reġjuni mbagħad għandhom jitqassmu ugwalment fost il-membri produtturi ta’ dak ir-reġjun;

(b) Tliet mitt vot għandhom ikunu mqassmin fost il-membri produtturi skond l-ishma rispettivi tagħhom mir-riżorsi totali tal-foresti tropikali tal-membri produtturi kollha; u

(ċ) Tliet mitt vot għandhom ikunu mqassmin fost il-membri produtturi b’mod proporzjonali għall-medja tal-valur ta’ l-esportazzjoni netta rispettiva tagħhom ta’ injam tropikali matul il-perijodu ta’ tliet snin l-aktar riċenti li għalih hemm disponibbli ċifri definittivi.

3. Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-voti totali allokati lill-membri produtturi mir-reġjun Afrikan, ikkalkulati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu mqassmin ugwalment fost il-membri produtturi kollha mir-reġjun Afrikan. Jekk jifdal xi voti, kull wieħed minn dawn il-voti għandu jkun allokat lil membru produttur mir-reġjun Afrikan: l-ewwel wieħed lill-membru produttur li jkollu allokat l-akbar numru ta’ voti kkalkulati skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, it-tieni lill-membru produttur li jkollu allokat it-tieni l-akbar numru ta’ voti, u dan jibqa’ sejjer sakemm il-voti li jifdal ikunu tqassmu kollha.

4. Soġġett għall-paragrafu 5 ta’ dan l-artikolu, il-voti tal-membri konsumaturi għandhom ikunu mqassmin kif ġej: kull membru konsumatur għandu jkollu 10 voti inizjali; il-voti li jifdal għandhom ikunu mqassmin fost il-membri konsumaturi b’mod proporzjonali għall-volum medju ta’ l-importazzjoni netta rispettiva tagħhom ta’ injam tropikali matul il-perijodu ta’ ħames snin li jibda sitt snin kalendarji qabel it-tqassim tal-voti.

5. Il-voti mqassmin lil membru konsumatur għal biennju speċifiku m’għandhomx ikunu aktar minn 5 fil-mija aktar mill-voti mqassmin lil dak il-membru għall-biennju ta’ qabel. Il-voti li jifdal għandhom jerġgħu jitqassmu fost il-membri konsumaturi b’mod proporzjonali għall-volum medju ta’ l-importazzjoni netta rispettiva tagħhom ta’ injam tropikali matul il-perijodu ta’ ħames snin li jibda sitt snin kalendarji qabel it-tqassim tal-voti.

6. Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, il-Kunsill jista’ jaġġusta l-perċentwali minima meħtieġa għal vot speċjali mill-membri konsumaturi jekk iqis li dan huwa meħtieġ.

7. Il-Kunsill għandu jqassam il-voti għal kull biennju finanzjarju fil-bidu ta’ l-ewwel sessjoni tiegħu ta’ dak il-biennju skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. Dan it-tqassim għandu jibqa’ fis-seħħ għall-bqija ta’ dak il-biennju, ħlief kif previst fil-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu.

8. Kull meta s-sħubija ta’ l-Organizzazzjoni tinbidel jew meta xi membru jkollu d-drittijiet tiegħu li jivvota sospiżi jew ristawrati skond xi dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jerġa’ jqassam il-voti fil-kategorija jew fil-kategoriji tal-membri affettwati skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu. F’dak il-każ, il-Kunsill għandu jiddeċiedi meta dan it-tqassim mill-ġdid għandu jkun effettiv.

9. M’għandu jkun hemm l-ebda vot frazzjonali.

Artikolu 11

Proċedura tal-votazzjoni tal-kunsill

1. Kull membru għandu jkollu d-dritt jixħet in-numru ta’ voti li għandu, u l-ebda membru m’għandu jkollu d-dritt jaqsam il-voti tiegħu. Madankollu, membru jista’ jixħet b’mod differenti minn dawn il-voti kwalunkwe vot li huwa awtorizzat jixħet skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu.

2. B’notifika bil-miktub lill-President tal-Kunsill, kwalunkwe membru produttur jista’ jawtorizza, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, lil kwalunkwe membru produttur ieħor, u kwalunkwe membru konsumatur jista’ jawtorizza, taħt ir-responsabbiltà tiegħu, lil kwalunkwe membru konsumatur ieħor, biex jirrappreżenta l-interessi tiegħu u li jixħet il-voti tiegħu fi kwalunkwe laqgħa tal-Kunsill.

3. Meta membru jastjeni, huwa għandu jitqies li ma jkunx xeħet il-voti tiegħu.

Artikolu 12

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-kunsill

1. Il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’kunsens.

2. Jekk ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, il-Kunsill għandu jieħu d-deċiżjonijiet kollha u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet kollha b’vot b’maġġoranza mqassma sempliċi, sakemm dan il-Ftehim ma jipprevedix vot speċjali.

3. Meta membru jagħmel użu mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 11, u l-voti tiegħu jinxteħtu f’laqgħa tal-Kunsill, dak il-membru, għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, għandu jitqies bħala preżenti u li jivvota.

Artikolu 13

Kworum għall-kunsill

1. Il-kworum għal kwalunkwe laqgħa tal-Kunsill għandu jkun il-preżenza ta’ maġġoranza tal-membri ta’ kull kategorija li tissemma fl-Artikolu 4, bil-kondizzjoni li dawn il-membri għandhom mill-inqas żewġ terzi tal-voti totali fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

2. Jekk m’hemmx kworum skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu fil-jum iffissat għal-laqgħa u fil-jum ta’ wara, il-kworum fil-jiem sussegwenti tas-sessjoni għandha tkun il-preżenza ta’ maġġoranza tal-membri ta’ kull kategorija li tissemma fl-Artikolu 4, bil-kondizzjoni li dawn il-membri għandhom maġġoranza tal-voti totali fil-kategoriji rispettivi tagħhom.

3. Ir-rappreżentanza skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 11 għandha titqies bħala preżenza.

Artikolu 14

Direttur Eżekuttiv u persunal

1. Il-Kunsill għandu jaħtar lid-Direttur Eżekuttiv permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12.

2. It-termini u l-kondizzjonijiet tal-ħatra tad-Direttur Eżekuttiv għandhom jiġu determinati mill-Kunsill.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun l-uffiċjal amministrattiv ewlieni ta’ l-Organizzazzjoni u għandu jkun responsabbli lejn il-Kunsill għall-amministrazzjoni u għall-operat ta’ dan il-Ftehim skond id-deċiżjonijiet tal-Kunsill.

4. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaħtar il-persunal skond ir-regolamenti li jiġu stabbiliti mill-Kunsill. Il-persunal għandu jkun responsabbli lejn id-Direttur Eżekuttiv.

5. La d-Direttur Eżekuttiv u lanqas il-membri tal-persunal m’għandu jkollhom kwalunkwe interess finanzjarju fl-industrija jew fil-kummerċ ta’ l-injam, jew f’attivitajiet kummerċjali assoċjati.

6. Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom, id-Direttur Eżekuttiv u l-persunal m’għandhomx ifittxu jew jirċievu struzzjonijiet minn membri jew awtoritajiet esterni għall-Organizzazzjoni. Huma għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ tirrifletti ħażin fuq il-pożizzjonijiet tagħhom bħala uffiċjali internazzjonali li fl-aħħar mill-aħħar huma responsabbli lejn il-Kunsill. Kull membru għandu jirrispetta l-karattru esklużivament internazzjonali tar-responsabbiltajiet tad-Direttur Eżekuttiv u l-persunal u m’għandux jipprova jinfluwenzahom fit-twettiq tar-responsabbiltajiet tagħhom.

Artikolu 15

Kooperazzjoni u koordinazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħrajn

1. Fit-twettiq ta’ l-għanijiet tal-Ftehim, il-Kunsill għandu jagħmel l-arranġamenti kif adatt għal konsultazzjonijiet u kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u mal-korpi u l-aġenziji speċjalizzati tagħha, inkluż il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet internazzjonali u reġjonali rilevanti oħrajn, kif ukoll is-settur privat, organizzazzjonijiet non-governattivi u s-soċjetà ċivili.

2. L-Organizzazzjoni għandha, sakemm l-aktar hu possibbli, tuża l-faċilitajiet, is-servizzi u l-ħiliet esperti ta’ l-organizzazzjonijiet intergovernattivi, governattivi jew non-governattivi, is-soċjetà ċivili u s-settur privat sabiex tevita d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u biex jitjiebu l-komplementarjetà u l-effiċjenza ta’ l-attivitajiet tagħhom.

3. L-Organizzazzjoni għandha tieħu vantaġġ sħiħ mill-faċilitajiet tal-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi.

Artikolu 16

Ammissjoni ta’ osservaturi

Il-Kunsill jista’ jistieden lil kwalunkwe Stat membru jew Stat osservatur tan-Nazzjonijiet Uniti li m’huwiex parti minn dan il-Ftehim, jew lil kwalunkwe organizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 15 li tkun interessata fl-attivitajiet ta’ l-Organizzazzjoni, biex jattendi bħala osservatur għas-sessjonijiet tal-Kunsill.

KAPITOLU V

PRIVILEĠĠI U IMMUNITAJIET

Artikolu 17

Privileġġi u immunitajiet

1. L-Organizzazzjoni għandu jkollha personalità ġuridika. B’mod partikolari għandu jkollha l-kapaċità tikkuntratta, takkwista u tiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli, u tieħu passi legali.

2. L-istatus, il-privileġġi u l-immunitajiet ta’ l-Organizzazzjoni, tad-Direttur Eżekuttiv tagħha, tal-persunal u l-esperti tagħha, u tar-rappreżentanti tal-membri waqt li jkunu fit-territorju tal-Ġappun għandhom ikomplu jkunu rregolati mill-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn il-Gvern tal-Ġappun u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ l-Injam Tropikali ffirmat f’Tokjo fis- 27 ta’ Frar 1988, b’tali emendi li jistgħu jkunu meħtieġa għall-funzjonament tajjeb tal-Ftehim.

3. L-Organizzazzjoni tista’ tikkonkludi, ma’ pajjiż wieħed jew aktar, ftehim li jrid jiġi approvat mill-Kunsill relatat ma’ tali kapaċità, privileġġi u immunitajiet li jistgħu jkunu meħtieġa biex dan il-Ftehim jiffunzjona tajjeb.

4. Jekk il-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni jitmexxew għal pajjiż ieħor, il-membru konċernat għandu, mill-aktar fis possibbli, jikkonkludi ftehim dwar il-kwartieri ġenerali, li jrid jiġi approvat mill-Kunsill, ma’ l-Organizzazzjoni. Sakemm jiġi konkluż tali Ftehim, l-Organizzazzjoni għandha titlob lill-Gvern ospitanti l-ġdid, fil-limiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, biex jagħti eżenzjoni mit-tassazzjoni fuq ir-remunerazzjoni mħallsa mill-Organizzazzjoni lill-impjegati tagħha, u fuq l-assi, id-dħul u l-proprjetà l-oħra ta’ l-Organizzazzjoni.

5. Il-Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali għandu jkun indipendenti minn dan il-Ftehim. Madankollu, huwa għandu jintemm:

(a) Bi ftehim bejn il-Gvern ospitanti u l-Organizzazzjoni;

(b) Fil-każ li l-kwartieri ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni jitneħħew mill-pajjiż tal-Gvern ospitanti; jew

(ċ) Fil-każ li l-Organizzazzjoni ma tibqax teżisti.

KAPITOLU VI

FINANZI

Artikolu 18

Kontijiet finanzjarji

1. Għandhom ikunu stabbiliti:

(a) Il-Kont Amministrattiv, li huwa kont ta’ kontribuzzjonijiet stmati;

(b) Il-Kont Speċjali u l-Fond tas-Sħubija ta’ Bali, li huma kontijiet ta’ kontribuzzjonijiet volontarji; u

(ċ) Kontijiet oħrajn li l-Kunsill jista’ jqis li huma adatti u meħtieġa.

2. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi, skond l-Artikolu 7, regoli finanzjarji li jipprovdu ġestjoni u amministrazzjoni trasparenti tal-kontijiet, inkluż regoli li jkopru t-tpaċija tal-kontijiet meta jintemm jew jiskadi dan il-Ftehim.

3. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jkun responsabbli għal, u jirrapporta lill-Kunsill dwar l-amministrazzjoni tal-kontijiet finanzjarji.

Artikolu 19

Kont amministrattiv

1. L-ispejjeż meħtieġa għall-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiddaħħlu fil-Kont Amministrattiv u għandhom jitħallsu permezz ta’ kontribuzzjonijiet annwali mill-membri skond il-proċeduri kostituzzjonali jew istituzzjonali rispettivi tagħhom u li jiġu stmati skond il-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-artikolu.

2. Il-Kont Amministrattiv għandu jinkludi:

(a) Spejjeż amministrattivi bażiċi bħal salarji u benefiċċji, spejjeż ta’ l-installazzjoni, u vvjaġġar uffiċjali; u

(b) Spejjeż operattivi essenzjali bħal dawk relatati mal-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni (outreach), laqgħat ta’ esperti msejħin mill-Kunsill u t-tħejjija u l-pubblikazzjoni ta’ l-istudji u tal-valutazzjonijiet skond l-Artikoli 24, 27 u 28 ta’ dan il-Ftehim.

3. L-ispejjeż tad-delegazzjonijiet fil-Kunsill, tal-kumitati u ta’ kwalunkwe korp sussidjarju ieħor tal-Kunsill li jissemmew fl-Artikolu 26 għandhom jitħallsu mill-membri konċernati. F’każijiet fejn membru jitlob servizzi speċjali mill-Organizzazzjoni, il-Kunsill għandu jirrikjedi lil dak il-membru biex iħallas l-ispejjeż ta’ dawk is-servizzi.

4. Qabel it-tmiem ta’ kull biennju finanzjarju, il-Kunsill għandu japprova l-baġit għall-Kont Amministrattiv ta’ l-Organizzazzjoni għall-biennju ta’ wara u għandu jistma l-kontribuzzjoni ta’ kull membru għal dak il-baġit.

5. Il-kontribuzzjonijiet lejn il-Kont Amministrattiv għal kull biennju finanzjarju għandhom jiġu stmati kif ġej:

(a) L-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu għandhom jinqasmu b’mod ugwali bejn il-membri produtturi u konsumaturi u għandhom jiġu stmati fil-proporzjon li n-numru ta’ voti ta’ kull membru jkollu meta mqabbel mal-voti totali tal-grupp tal-membru;

(b) L-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu għandhom jinqasmu bejn il-membri fil-proporzjonijiet ta’ 20 fil-mija għall-produtturi u 80 fil-mija għall-konsumaturi u għandhom jiġu stmati fil-proporzjon li n-numru ta’ voti ta’ kull membru jkollu meta mqabbel mal-voti totali tal-grupp tal-membru;

(ċ) L-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(b) ta’ dan l-artikolu m’għandhomx ikunu aktar minn terz ta’ l-ispejjeż li jissemmew fil-paragrafu 2(a) ta’ dan l-artikolu. B’kunsens, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li jvarja dan il-limitu għal biennju finanzjarju speċifiku;

(d) Il-Kunsill jista’ jirrevedi kif il-Kont Amministrattiv u l-kontijiet volontarji jikkontribwixxu għall-operat effiċjenti u effettiv ta’ l-Organizzazzjoni fil-kuntest ta’ l-evalwazzjoni li tissemma fl-Artikolu 33; u

(e) Meta jiġu stmati l-kontribuzzjonijiet, il-voti ta’ kull membru għandhom jiġu kkalkulati mingħajr ma titqies is-sospensjoni tad-drittijiet li jivvota ta’ xi membru jew xi tqassim mill-ġdid tal-voti li jirriżulta minnha.

6. Il-kontribuzzjoni inizjali ta’ kwalunkwe membru li jissieħeb fl-Organizzazzjoni wara li jidħol fis-seħħ dan il-Ftehim għandha tiġi stmata mill-Kunsill abbażi tan-numru ta’ voti li għandu jkollu dak il-membru u tal-perijodu li jifdal fil-biennju finanzjarju kurrenti, iżda l-istima li tkun saret fuq il-membri l-oħrajn mill-biennju finanzjarju kurrenti m’għandhiex tinbidel b’dan.

7. Il-kontribuzzjonijiet għall-Kont Amministrattiv għandhom ikunu dovuti fl-ewwel jum ta’ kull sena finanzjarja. Il-kontribuzzjonijiet tal-membri rigward il-biennju finanzjarju li fihom jissieħbu fl-Organizzazzjoni għandhom ikunu dovuti fid-data ta’ meta jsiru membri.

8. Jekk membru ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għall-Kont Amministrattiv fi żmien erba’ xhur wara li din il-kontribuzzjoni tkun dovuta skond il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, id-Direttur Eżekuttiv għandu jitlob lil dak il-membru biex iwettaq il-ħlas mill-aktar fis possibbli. Jekk dak il-membru jkun għadu ma ħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu fi żmien xahrejn wara din it-talba, dak il-membru għandu jintalab jiddikjara r-raġunijiet għaliex ma jistax iwettaq il-ħlas. Jekk meta jiskadu seba’ xhur mid-data meta kienet dovuta l-kontribuzzjoni, dak il-membru jkun għadu ma ħallasx il-kontribuzzjoni tiegħu, id-drittijiet tiegħu li jivvota għandhom ikunu sospiżi sa meta jkun ħallas il-kontribuzzjoni kollha tiegħu, sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix mod ieħor. Jekk membru ma jkunx ħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għal sentejn konsekuttivi, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 30, dak il-membru għandu jsir ineliġibbli biex jissottometti proposti ta’ proġetti jew pre-proġetti biex jitqiesu għall-fondi skond il-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 25.

9. Jekk membru jkun ħallas il-kontribuzzjoni sħiħa tiegħu għall-Kont Amministrattiv fi żmien erba’ xhur wara li din il-kontribuzzjoni tkun dovuta skond il-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu, il-kontribuzzjoni ta’ dak il-membru tingħata skont kif jista’ jiġi stabbilit mill-Kunsill fir-regoli finanzjarji ta’ l-Organizzazzjoni.

10. Membru li d-drittijiet tiegħu ġew sospiżi skond il-paragrafu 8 ta’ dan l-artikolu għandu jibqa’ obbligat iħallas il-kontribuzzjoni tiegħu.

Artikolu 20

Kont speċjali

1. Il-Kont Speċjali għandu jkun fih żewġ sub-kontijiet:

(a) Is-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi; u

(b) Is-Sub-Kont tal-Proġetti.

2. Is-sorsi possibbli ta’ finanzi għall-Kont Speċjali għandhom ikunu:

(a) Il-Fond Komuni għall-Prodotti Bażiċi;

(b) Istituzzjonijiet finanzjarji reġjonali u internazzjonali;

(ċ) Kontribuzzjonijiet volontarji mill-membri; u

(d) Sorsi oħrajn.

3. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi kriterji u proċeduri biex il-Kont Speċjali jitħaddem b’mod trasparenti. Dawn il-proċeduri għandhom iqisu l-ħtieġa għal rappreżentazzjoni bilanċjata fost il-membri, inkluż il-membri kontribwenti, fit-tħaddim tas-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi u s-Sub-Kont tal-Proġetti.

4. L-għan tas-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi għandu jkun li jiffaċilita l-kontribuzzjonijiet mhux assenjati biex ikunu ffinanzjati pre-proġetti, proġetti u attivitajiet approvati li huma konsistenti mal-Programmi Tematiċi stabbiliti mill-Kunsill abbażi tal-prijoritajiet tal-politika u tal-proġetti identifikati skond l-Artikoli 24 u 25.

5. Id-donaturi jistgħu jallokaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għal Programmi Tematiċi speċifiċi jew jistgħu jitolbu lid-Direttur Eżekuttiv biex jagħmel proposti ħalli jiġu allokati l-kontribuzzjonijiet tagħhom.

6. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jirrapporta regolarment lill-Kunsill dwar l-allokazzjoni u l-infiq tal-fondi fis-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi u dwar l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta’ pre-proġetti, proġetti u attivitajiet u l-ħtiġiet finanzjarji biex il-Programmi Tematiċi jiġu implimentati b’suċċess.

7. L-għan tas-Sub-Kont tal-Proġetti għandu jkun li jiffaċilita l-kontribuzzjonijiet assenjati biex ikunu ffinanzjati pre-proġetti, proġetti u attivitajiet approvati skond l-Artikoli 24 u 25.

8. Il-kontribuzzjonijiet assenjati għas-Sub-Kont tal-Proġetti għandhom jintużaw biss għall-pre-proġetti, il-proġetti u l-attivitajiet li kienu indikati għalihom, sakemm id-donatur ma jiddeċidix mod ieħor b’konsultazzjoni mad-Direttur Eżekuttiv. Wara li jitlesta jew jintemm pre-proġett, proġett jew attività, l-użu ta’ xi fondi li jista’ jifdal għandu jiġi deċiż mid-donatur.

9. Biex tkun żgurata l-prevedibbiltà meħtieġa tal-fondi għall-Kont Speċjali, filwaqt li titqies in-natura volontarja tal-kontribuzzjonijiet, il-membri għandhom jagħmlu ħilithom biex imantnu fih livell xieraq ta’ riżorsi sabiex il-pre-proġetti, il-proġetti u l-attivitajiet li japprova l-Kunsill jitwettqu b’mod sħiħ.

10. L-irċevuti kollha li jappartjenu għal pre-proġetti, proġetti u attivitajiet speċifiċi taħt is-Sub-Kont tal-Proġetti jew is-Sub-Kont tal-Programmi Tematiċi għandhom jiddaħħlu fis-Sub-Kont rispettiv. L-infiq kollu li sar fuq tali pre-proġetti, proġetti u attivitajiet, inkluż ir-remunerazzjoni u l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar tal-konsulenti u l-esperti, għandu jitniżżel fl-istess Sub-Kont.

11. L-ebda membru m’għandu jkun responsabbli minħabba s-sħubija tiegħu fl-Organizzazzjoni għal kwalunkwe obbligu li jirriżulta minn azzjonijiet ta’ xi membru ieħor jew entità oħra b’rabta ma’ pre-proġetti, proġetti jew attivitajiet.

12. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprovdi l-għajnuna fl-iżvilupp ta’ proposti għal pre-proġetti, proġetti u attivitajiet skond l-Artikoli 24 u 25 u għandu jagħmel ħiltu, skond tali termini u kondizzjonijiet kif jista’ jiddeċiedi l-Kunsill, biex ifittex finanzi adegwati u assigurati għal pre-proġetti, proġetti u attivitajiet approvati.

Artikolu 21

Il-fond tas-sħubija ta’ bali

1. Qed jiġi stabbilit b’dan Fond għall-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam tropikali sabiex jgħin lill-membri produtturi jagħmlu l-investimenti meħtieġa biex jinkiseb l-għan ta’ l-Artikolu 1 (d) ta’ dan il-Ftehim.

2. Il-Fond għandu jkun magħmul minn:

(a) Kontribuzzjonijiet minn membri donaturi;

(b) Ħamsin fil-mija tad-dħul li jirriżulta mill-attivitajiet relatati mal-Kont Speċjali;

(ċ) Riżorsi minn sorsi privati u pubbliċi oħrajn li l-Organizzazzjoni tista’ taċċetta konsistenti mar-regoli finanzjarji tagħha; u

(d) Sorsi oħrajn approvati mill-Kunsill.

3. Ir-riżorsi tal-Fond għandhom jiġu allokati mill-Kunsill biss għal pre-proġetti u proġetti għall-għan imniżżel fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u li jkunu ġew approvati skond l-Artikoli 24 u 25.

4. Meta jalloka r-riżorsi tal-Fond, il-Kunsill għandu jistabbilixxi kriterji u prijoritajiet għall-użu tal-Fond, filwaqt li jqis:

(a) Il-ħtiġiet tal-membri għall-għajnuna biex tinkiseb esportazzjoni ta’ l-injam tropikali u prodotti ta’ l-injam minn sorsi ġestiti b’mod sostenibbli;

(b) Il-ħtiġiet tal-membri biex jistabbilixxu u jġestixxu programmi ta’ konservazzjoni sinifikattivi fil-foresti li jipproduċu l-injam; u

(ċ) Il-ħtiġiet tal-membri li jimplimentaw programmi ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti.

5. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jipprovdi l-għajnuna fl-iżvilupp ta’ proposti għal proġetti skond l-Artikolu 25 u għandu jagħmel ħiltu, skond tali termini u kondizzjonijiet kif jista’ jiddeċiedi l-Kunsill, biex ifittex finanzi adegwati u assigurati għall-proġetti approvati mill-Kunsill.

6. Il-membri għandhom jagħmlu ħilithom biex imantnu l-Fond tas-Sħubija ta’ Bali għal livell adegwat biex jitmexxew ’il quddiem l-għanijiet tal-Fond.

7. F’intervalli regolari, il-Kunsill għandu jeżamina l-adegwatezza tar-riżorsi disponibbli għall-Fond u għandu jagħmel ħiltu biex jikseb ir-riżorsi addizzjonali meħtieġa mill-membri produtturi biex jinkiseb l-għan tal-Fond.

Artikolu 22

Forom ta’ ħlas

1. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-kontijiet stabbiliti skond l-Artikolu 18 għandhom jitħallsu f’valuti liberament konvertibbli u għandhom ikunu eżenti minn restrizzjonijiet fuq il-kambju barrani.

2. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll li jaċċetta forom oħrajn ta’ kontribuzzjonijiet għall-kontijiet stabbiliti skond l-Artikolu 18, ħlief il-kont amministrattiv, inkluż tagħmir jew persunal xjentifiku u tekniku, biex jiġu sodisfatti l-ħtiġiet tal-proġetti approvati.

Artikolu 23

Verifika u pubblikazzjoni tal-kontijiet

1. Il-Kunsill għandu jaħtar awdituri indipendenti sabiex jivverifikaw il-kontijiet ta’ l-Organizzazzjoni.

2. Id-dikjarazzjonijiet verifikati indipendement tal-kontijiet stabbiliti skond l-Artikolu 18 għandhom ikunu disponibbli għall-membri mill-aktar fis possibbli wara l-għeluq ta’ kull sena finanzjarja, iżda mhux aktar tard minn sitt xhur wara dik id-data, u għandhom jitqiesu għall-approvazzjoni mill-Kunsill fis-sessjoni tiegħu li jmiss, kif adatt. Wara dan għandu jiġi ppubblikat sommarju tal-kontijiet u l-karta tal-bilanċ verifikati.

KAPITOLU VII

ATTIVITAJIET OPERATTIVI

Artikolu 24

Ħidma ta’ politika ta’ l-Organizzazzjoni

1. Sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 1, l-Organizzazzjoni għandha twettaq ħidma ta’ politika u attivitajiet ta’ proġetti b’manjiera integrata.

2. Il-ħidma ta’ politika ta’ l-Organizzazzjoni għandha tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim għall-membri ta’ l-ITTO b’mod ġenerali.

3. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi fuq bażi regolari pjan ta’ azzjoni biex jiggwida l-attivitajiet ta’ politika u jidentifika l-prijoritajiet u l-programmi tematiċi li jissemmew fil-paragrafu 4 ta’ l-Artikolu 20 ta’ dan il-Ftehim. Il-prijoritajiet identifikati fil-pjan ta’ azzjoni għandhom ikunu riflessi fil-programmi ta’ ħidma approvati mill-Kunsill. L-attivitajiet ta’ politika jistgħu jinkludu l-iżvilupp u t-tħejjija ta’ linji gwida, manwali, studji, rapporti, għodod bażiċi ta’ komunikazzjoni u sensibilizzazzjoni, u ħidmiet simili identifikati fil-pjan ta’ azzjoni ta’ l-Organizzazzjoni.

Artikolu 25

Attivitajiet ta’ proġetti ta’ l-Organizzazzjoni

1. Il-membri u d-Direttur Eżekuttiv jistgħu jissottomettu proposti għal pre-proġetti u proġetti li jagħtu kontribut biex jinkisbu l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u qasam ta’ prijorità wieħed jew aktar għal programmi ta’ ħidma jew tematiċi identifikati fil-pjan ta’ azzjoni approvat mill-Kunsill skond l-Artikolu 24.

2. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi kriterji għall-approvazzjoni tal-proġetti u l-pre-proġetti, billi jitqiesu fost l-oħrajn ir-rilevanza tagħhom għall-għanijiet ta’ dan il-Ftehim u għall-oqsma ta’ prijorità għall-programmi ta’ ħidma jew tematiċi, l-effetti ambjentali jew soċjali tagħhom, ir-relazzjoni tagħhom ma’ programmi u strateġiji nazzjonali tal-foresti, il-kost-effettività tagħhom, il-ħtiġiet tekniċi u reġjonali, il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni ta’ l-isforzi, u l-ħtieġa li tiġi inkorporata l-esperjenza miksuba.

3. Il-Kunsill għandu jistabbilixxi skeda u proċedura għas-sottomissjoni, valutazzjoni, approvazzjoni u prijoritizzazzjoni lil pre-proġetti u proġetti li qed ifittxu fondi mingħand l-Organizzazzjoni, kif ukoll għall-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom.

4. Id-Direttur Eżekuttiv jista’ jissospendi l-ħlas tal-fondi ta’ l-Organizzazzjoni għal pre-proġett jew proġett jekk ma jkunux qed jintużaw skond id-dokument tal-proġett jew f’każijiet ta’ frodi, ħela, negliġenza jew ġestjoni ħażina. Id-Direttur Eżekuttiv jipprovdi lill-Kunsill fis-sessjoni li jmiss rapport għall-konsiderazzjoni tiegħu. Il-Kunsill għandu jieħu azzjoni xierqa.

5. Il-Kunsill jista’ jistabbilixxi, skond kriterji miftehmin, limiti fuq in-numru ta’ proġetti u pre-proġetti li membru jew id-Direttur Eżekuttiv jista’ jissottometti f’ċiklu ta’ proġetti speċifiku. Il-Kunsill jista’ wkoll jieħu l-miżuri xierqa, inkluż li jissospendi jew itemm l-isponsorjar tiegħu ta’ pre-proġett jew proġett, wara r-rapport tad-Direttur Eżekuttiv.

Artikolu 26

Kumitati u korpi sussidjarji

1. Dawn li ġejjin b’dan qed jiġu stabbiliti bħala Kumitati ta’ l-Organizzazzjoni, li għandhom ikunu miftuħin għall-membri kollha:

(a) Kumitat dwar l-Industrija tal-Foresti;

(b) Kumitat dwar l-Ekonomija, l-Istatistika u s-Swieq;

(ċ) Kumitat dwar ir-Riafforestazzjoni u l-Ġestjoni tal-Foresti; u

(d) Kumitat dwar il-Finanzi u l-Amministrazzjoni.

2. Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, il-Kunsill jista’ jistabbilixxi jew ixolji l-kumitati u l-korpi sussidjarji kif ikun adatt.

3. Il-Kunsill għandu jiddetermina l-funzjonament u l-ambitu tal-ħidma tal-kumitati u l-korpi sussidjarji l-oħrajn. Il-Kumitati u l-korpi sussidjarji l-oħrajn għandhom ikunu responsabbli lejn u jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kunsill.

KAPITOLU VIII

STATISTIKA, STUDJI U INFORMAZZJONI

Artikolu 27

Statistika, studji u informazzjoni

1. Il-Kunsill għandu jawtorizza lid-Direttur Eżekuttiv biex jistabbilixxi u jżomm relazzjonijiet mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet intergovernattivi, governattivi u non-governattivi rilevanti sabiex jgħin ħalli tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ data u informazzjoni reċenti u affidabbli, inkluż dwar il-produzzjoni u l-kummerċ fl-injam tropikali, tendenzi u diskrepanzi fid-data, kif ukoll informazzjoni rilevanti dwar l-injam mhux tropikali u dwar il-ġestjoni tal-foresti li jipproduċu l-injam. Kif jitqies meħtieġ għat-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, l-Organizzazzjoni, b’kooperazzjoni ma’ dawn l-organizzazzjonijiet, għandha tikkompila, tiġbor, tanalizza u tippubblika tali informazzjoni.

2. L-Organizzazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-isforzi biex jiġi standardizzat u armonizzat ir-rappurtar internazzjonali dwar materji relatati mal-foresti, waqt li tiġi evitata d-duplikazzjoni fil-ġbir tad-data minn organizzazzjonijiet differenti.

3. Il-membri għandhom jipprovdu, sakemm l-aktar ikun possibbli b’mod konsistenti mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, fiż-żmien speċifikat mid-Direttur Eżekuttiv, statistika u informazzjoni dwar l-injam, il-kummerċ tiegħu u l-attivitajiet maħsubin biex tinkiseb ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam, kif ukoll informazzjoni oħra rilevanti kif mitluba mill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar it-tip ta’ informazzjoni li għandha tiġi pprovduta skond dan il-paragrafu u dwar il-format kif trid tiġi ppreżentata.

4. Fuq talba jew fejn ikun meħtieġ, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb il-kapaċità teknika tal-pajjiżi membri, b’mod partikolari tal-pajjiżi membri li qed jiżviluppaw, biex ikunu sodisfatti l-ħtiġiet dwar l-istatistika u r-rappurtar skond dan il-Ftehim.

5. Jekk membru ma jkunx ipprovda, għal sentejn konsekuttivi, l-istatistika u l-informazzjoni meħtieġa skond il-paragrafu 3 u ma jkunx talab l-għajnuna tad-Direttur Eżekuttiv, id-Direttur Eżekuttiv għandu għall-ewwel jitlob spjegazzjoni mingħand dak il-membru fi żmien speċifikat. F’każ li ma tingħata l-ebda spjegazzjoni sodisfaċenti, il-Kunsill għandu jieħu dik l-azzjoni li jqis li tkun xierqa.

6. Il-Kunsill għandu jirranġa biex isir kwalunkwe studju rilevanti tat-tendenzi u tal-problemi għall-perijodu qasir u fit-tul tas-swieq internazzjonali ta’ l-injam u tal-progress lejn il-kisba ta’ ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam.

Artikolu 28

Rapport annwali u evalwazzjoni biennali

1. Il-Kunsill għandu jippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu u dik l-informazzjoni oħra li jqis opportun.

2. Kull sentejn, il-Kunsill għandu jeżamina u jivvaluta:

(a) Is-sitwazzjoni internazzjonali ta’ l-injam; u

(b) Fatturi, kwistjonijiet u żviluppi oħrajn meqjusa rilevanti għall-kisba ta’ l-għanijiet ta’ dan il-Ftehim.

3. L-eżami għandu jsir fid-dawl ta’:

(a) L-informazzjoni pprovduta mill-membri rigward il-produzzjoni nazzjonali, il-kummerċ, il-provvista, il-ħażniet, il-konsum u l-prezzijiet ta’ l-injam;

(b) Data statistika oħra u indikaturi speċifiċi pprovduti mill-membri kif mitluba mill-Kunsill;

(ċ) L-informazzjoni pprovduta mill-membri dwar il-progress tagħhom lejn ġestjoni sostenibbli tal-foresti tagħhom li jipproduċu l-injam;

(d) Dik l-informazzjoni oħra rilevanti li tista’ tkun disponibbli għall-Kunsill kemm direttament jew permezz ta’ l-organizzazzjonijiet fis-sistema tan-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet intergovernattivi, governattivi jew non-governattivi; u

(e) L-informazzjoni pprovduta mill-membri dwar il-progress tagħhom lejn l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ informazzjoni dwar il-qtugħ illegali u l-kummerċ illegali ta’ l-injam tropikali u ta’ prodotti tal-foresti li m’humiex ta’ l-injam.

4. Il-Kunsill għandu jippromwovi l-iskambju ta’ fehmiet fost il-pajjiżi membri dwar:

(a) L-istatus tal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti li jipproduċu l-injam u ta’ kwistjonijiet relatati fil-pajjiżi membri; u

(b) Il-flussi tar-riżorsi u l-ħtiġiet rigward l-għanijiet, il-kriterji u l-linji gwida stabbiliti mill-Organizzazzjoni.

5. Meta jintalab, il-Kunsill għandu jagħmel ħiltu biex itejjeb il-kapaċità teknika tal-pajjiżi membri, b’mod partikolari l-pajjiżi membri li qed jiżviluppaw, sabiex tinkiseb id-data meħtieġa għal taqsim adegwat ta’ l-informazzjoni, inkluż il-provvista ta’ riżorsi għat-taħriġ u faċilitajiet għall-membri.

6. Ir-riżultati ta’ l-eżami għandhom ikunu inklużi fir-rapporti tas-sessjoni tal-Kunsill korrispondenti.

KAPITOLU IX

MIXXELLANJI

Artikolu 29

Obbligi ġenerali tal-membri

1. Sakemm idum japplika l-Ftehim, il-membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha u jikkooperaw biex jippromwovu l-kisba ta’ l-għanijiet tiegħu u biex tkun evitata kull azzjoni li tmur kontrih.

2. Il-membri jimpenjaw irwieħhom li jaċċettaw u jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u għandhom iżommu lura milli jimplimentaw miżuri li jkollhom l-effett li jillimitawhom jew imorru kontrihom.

Artikolu 30

Ħelsien mill-obbligi

1. Fejn ikun meħtieġ minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali jew emerġenza jew forza maġġura mhux espressament previsti f’dan il-Ftehim, il-Kunsill jista’, b’vot speċjali skond l-Artikolu 12, jeħles lil membru minn obbligu taħt dan il-Ftehim jekk ikun sodisfatt bi spjegazzjoni minn dak il-membru dwar ir-raġunijiet għaliex l-obbligu ma jistax jiġi sodisfatt.

2. Meta jeħles lil membru skond il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, il-Kunsill għandu jiddikjara espliċitament it-termini u l-kondizzjonijiet li bihom, u l-perijodu li matulu, il-membru huwa meħlus minn tali obbligu, u r-raġunijiet għaliex ġie meħlus.

Artikolu 31

Ilmenti u tilwim

Kwalunkwe membru jista’ jressaq quddiem il-Kunsill ilment li membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dan il-Ftehim u kwalunkwe tilwima li tikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim. Id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar dawn il-kwistjonijiet għandhom jittieħdu b’kunsens, minkejja kwalunkwe dispożizzjoni oħra f’dan il-Ftehim, u jkunu finali u jorbtu.

Artikolu 32

Miżuri differenzjali u ta’ rimedju u miżuri speċjali

1. Il-membri konsumaturi li huma pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-interessi tagħhom jintlaqtu ħażin minn miżuri meħudin taħt dan il-Ftehim jistgħu japplikaw lill-Kunsill għal miżuri differenzjali u ta’ rimedju adatti. Il-Kunsill għandu jqis li jieħu miżuri adatti skond il-paragrafi 3 u 4 tat-Taqsima III tar-Riżoluzzjoni 93 (IV) tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

2. Il-membri fil-kategorija tal-pajjiżi l-inqas żviluppati kif iddefiniti min-Nazzjonijiet Uniti jistgħu japplikaw lill-Kunsill għal miżuri speċjali skond il-paragrafu 4 tat-Taqsima III tar-Riżoluzzjoni 93 (IV) u skond il-paragrafi 56 u 57 tad-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi u l-Programm ta’ Azzjoni għall-Pajjiżi l-Inqas Żviluppati għas-snin 90.

Artikolu 33

Reviżjoni

Il-Kunsill jista’ jevalwa l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inkluż l-għanijiet u l-mekkaniżmi finanzjarji, ħames snin wara li jidħol fis-seħħ.

Artikolu 34

Non-diskriminazzjoni

L-ebda parti minn dan il-Ftehim tawtorizza l-użu ta’ miżuri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-kummerċ internazzjonali fi, u partikolarment għaliex jikkonċernaw l-importazzjoni ta’, u l-użu ta’, l-injam u ta’ prodotti ta’ l-injam.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 35

Depożitarju

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti huwa b’dan innominat bħala d-depożitarju ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 36

Firma, ratifika, aċċettazzjoni u approvazzjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-iffirmar, fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mit- 3 ta’ April 2006 sa xahar wara d-data meta jidħol fis-seħħ, mill-Gvernijiet mistednin għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta’ Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

2. Kwalunkwe Gvern li jissemma fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’:

(a) Fil-ħin ta’ l-iffirmar ta’ dan il-Ftehim, jiddikjara li b’tali firma huwa jesprimi l-kunsens tiegħu li jintrabat b’dan il-Ftehim (iffirmar definittiv); jew

(b) Wara li jiffirma dan il-Ftehim, jirratifikah, jaċċettah jew japprovah permezz tad-depożitu ta’ strument b’dak l-effett mad-depożitarju.

3. Ma’ l-iffirmar u r-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew l-adeżjoni, jew l-applikazzjoni proviżorja, il-Komunità Ewropea jew kwalunkwe organizzazzjoni intergovernattiva li tissemma fil-paragrafu 1 ta’ l-Artikolu 5, għandha tiddepożita dikjarazzjoni maħruġa mill-awtorità kompetenti ta’ din l-organizzazzjoni li tispeċifika n-natura u l-estent tal-kompetenza tagħha fi kwistjonijiet irregolati minn dan il-Ftehim, u għandha tinforma lid-depożitarju bi kwalunkwe bidla sostanzjali f’tali kompetenza. Meta tali organizzazzjoni tiddikjara kompetenza esklużiva fuq il-kwistjonijiet kollha rregolati minn dan il-Ftehim, l-Istati membri ta’ din l-organizzazzjoni m’għandhomx jieħdu l-azzjonijiet skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36, l-Artikolu 37 u l-Artikolu 38, jew għandhom jieħdu l-azzjoni skond l-Artikolu 41 jew jirtiraw in-notifika ta’ applikazzjoni proviżorja skond l-Artikolu 38.

Artikolu 37

Adeżjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-Gvernijiet skond il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li għandhom jinkludu limitu ta’ żmien għad-depożitu ta’ l-istrumenti ta’ adeżjoni. Dawn il-kondizzjonijiet għandhom jintbagħtu mill-Kunsill lid-Depożitarju. Madanakollu, il-Kunsill jista’ jikkonċedi aktar żmien lill-Gvernijiet li ma jistgħux jaderixxu sal-limitu ta’ żmien stabbilit fil-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni.

2. L-adeżjoni għandha sseħħ permezz tad-depożitu ta’ strument ta’ adeżjoni mad-depożitarju.

Artikolu 38

Notifika ta’ applikazzjoni proviżorja

Gvern firmatarju li biħsiebu jirratifika, jaċċetta jew japprova dan il-Ftehim, jew Gvern li għalih il-Kunsill stabbilixxa kondizzjonijiet għall-adeżjoni iżda li għadu ma setax jiddepożita l-istrument tiegħu jista’, fi kwalunkwe ħin, jinnotifika lid-depożitarju li ser japplika dan il-Ftehim b’mod proviżorju skond il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, meta jidħol fis-seħħ skond l-Artikolu 39 jew, jekk diġà jkun fis-seħħ, f’data speċifikata.

Artikolu 39

Dħul fis-Seħħ

1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ definittivament fl- 1 ta’ Frar 2008 jew fi kwalunkwe data warajha, jekk 12-il Gvern ta’ produtturi li għandhom mill-inqas 60 fil-mija tal-voti totali kif stabbilit fl-Anness A għal dan il-Ftehim u 10 Gvernijiet ta’ konsumaturi kif elenkati fl-Anness B u li jirrappreżentaw 60 fil-mija tal-volum globali ta’ l-importazzjoni ta’ l-injam tropikali fis-sena ta’ referenza 2005 jkunu ffirmaw dan il-Ftehim definittivament jew ikunu rratifikawh, aċċettawh jew approvawh skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36 jew skond l-Artikolu 37.

2. Jekk dan il-Ftehim ma jkunx daħal fis-seħħ definittivament fl- 1 ta’ Frar 2008, għandu jidħol fis-seħħ proviżorjament f’dik id-data jew fi kwalunkwe data fi żmien sitt xhur warajha jekk 10 Gvernijiet ta’ produtturi li għandhom mill-inqas 50 fil-mija tal-voti totali kif stabbilit fl-Anness A għal dan il-Ftehim u seba’ Gvernijiet ta’ konsumaturi kif elenkati fl-Anness B u li jirrappreżentaw 50 fil-mija tal-volum globali ta’ l-importazzjoni ta’ l-injam tropikali fis-sena ta’ referenza 2005 ikunu ffirmaw dan il-Ftehim definittivament jew ikunu rratifikawh, aċċettawh jew approvawh skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36 jew ikunu nnotifikaw lid-depożitarju skond l-Artikolu 38 li ser japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament.

3. Jekk il-ħtiġiet għad-dħul fis-seħħ skond il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu ma jkunux ġew sodisfatti fl- 1 ta’ Settembru 2008, is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jistieden lil dawk il-Gvernijiet li ffirmaw dan il-Ftehim definittivament jew irratifikawh, aċċettawh jew approvawh skond il-paragrafu 2 ta’ l-Artikolu 36, jew innotifikaw lid-depożitarju li ser japplikaw dan il-Ftehim proviżorjament, biex jiltaqgħu fl-iqsar żmien prattikabbli biex jiddeċiedu jekk idaħħlux dan il-Ftehim fis-seħħ proviżorjament jew defittivament bejniethom b’mod sħiħ jew parzjali. Il-Gvernijiet li jiddeċiedu li jdaħħlu dan il-Ftehim fis-seħħ proviżorjament bejniethom jistgħu jiltaqgħu minn żmien għal żmien biex jirrevedu s-sitwazzjoni u jiddeċiedu jekk dan il-Ftehim għandux jidħol fis-seħħ definittivament bejniethom.

4. Għal kwalunkwe Gvern li ma jkunx innotifika lid-depożitarju skond l-Artikolu 38 li ser japplika dan il-Ftehim proviżorjament u li jiddepożita l-istrumenti tiegħu tar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fid-data ta’ tali depożitu.

5. Id-Direttur Eżekuttiv ta’ l-Organizzazzjoni għandu jlaqqa’ l-Kunsill mill-aktar fis possibbli wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 40

Emendi

1. Permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, il-Kunsill jista’ jirrakkomanda emenda ta’ dan il-Ftehim lill-membri.

2. Il-Kunsill għandu jiffissa data sa liema l-membri għandhom jinnotifikaw lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tagħhom ta’ l-emenda.

3. Emenda għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara li d-depożitarju jkun irċieva n-notifiki ta’ l-aċċettazzjoni minn membri li jikkostitwixxu mill-inqas żewġ terzi tal-membri produtturi u li jirrappreżentaw mill-inqas 75 fil-mija tal-voti tal-membri produtturi, u mill-membri li jikkostitwixxu mill-inqas żewġ terzi tal-membri konsumaturi u li jirrappreżentaw mill-inqas 75 fil-mija tal-voti tal-membri konsumaturi.

4. Wara li d-depożitarju jinforma lill-Kunsill li l-ħtiġiet għad-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda jkunu ġew sodisfatti, u minkejja d-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu rigward id-data ffissata mill-Kunsill, membru jista’ xorta waħda jinnotifika lid-depożitarju bl-aċċettazzjoni tiegħu ta’ l-emenda, dment li tali notifika ssir qabel ma tidħol fis-seħħ l-emenda.

5. Kwalunkwe membru li ma jkunx innotifika l-aċċettazzjoni tiegħu ta’ emenda sad-data meta tali emenda tidħol fis-seħħ m’għandux jibqa’ jkun parti minn dan il-Ftehim sa minn dik id-data, ħlief jekk tali membru jkun issodisfa lill-Kunsill li l-aċċettazzjoni tiegħu ma setgħetx tinkiseb fil-ħin minħabba diffikultajiet biex jitlestew il-proċeduri kostituzzjonali jew istituzzjonali tiegħu u l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi għal dak il-membru l-perijodu għall-aċċettazzjoni ta’ l-emenda. Dan il-membru m’għandux ikun marbut bl-emenda qabel ma jkun innotifika li aċċettaha.

6. Jekk il-ħtiġiet għad-dħul fis-seħħ ta’ l-emenda ma jkunux ġew sodisfatti sad-data ffissata mill-Kunsill skond il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, l-emenda għandha titqies li ġiet irtirata.

Artikolu 41

Irtirar

1. Membru jista’ jirtira minn dan il-Ftehim fi kwalunkwe ħin wara d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim billi jagħti avviż ta’ l-irtirar bil-miktub lid-depożitarju. Dak il-membru għandu fl-istess ħin jinforma lill-Kunsill bl-azzjoni li jkun ħa.

2. L-irtirar għandu jsir effettiv 90 jum wara li d-depożitarju jkun irċieva l-avviż.

3. L-obbligi finanzjarji lejn l-Organizzazzjoni li jkollu membru skond dan il-Ftehim m’għandhomx jintemmu minħabba li jkun irtira.

Artikolu 42

Esklużjoni

Jekk il-Kunsill jiddeċiedi li xi membru jkun qed jikser l-obbligi tiegħu skond dan il-Ftehim u jiddeċiedi wkoll li dak il-ksur ifixkel b’mod sinifikattiv l-operat ta’ dan il-Ftehim, huwa jista’, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jeskludi lil dak il-membru minn dan il-Ftehim. Il-Kunsill għandu minnufih jinnotifika b’dan lid-depożitarju. Sitt xhur wara d-data tad-deċiżjoni tal-Kunsill, dak il-membru m’għandux jibqa’ jagħmel parti minn dan il-Ftehim.

Artikolu 43

Tpaċija tal-Kontijiet ma’ membri li jirtiraw jew jiġu esklużi jew membri li ma jistgħux jaċċettaw emenda

1. Il-Kunsill għandu jiddetermina kwalunkwe tpaċija tal-kontijiet ma’ membru li ma jibqax jagħmel parti minn dan il-Ftehim minħabba:

(a) Non-aċċettazzjoni ta’ emenda għal dan il-Ftehim skond l-Artikolu 40;

(b) Irtirar minn dan il-Ftehim skond l-Artikolu 41; jew

(ċ) Esklużjoni minn dan il-Ftehim skond l-Artikolu 42.

2. Il-Kunsill għandu jżomm kwalunkwe stima jew kontribuzzjoni mħallsa lill-kontijiet finanzjarji stabbiliti skond l-Artikolu 18 minn membru li ma jibqax jagħmel parti minn dan il-Ftehim.

3. Membru li ma jibqax jagħmel parti minn dan il-Ftehim m’għandu jkollu d-dritt għal ebda sehem mill-profitti ta’ likwidazzjoni jew ta’ l-assi l-oħrajn ta’ l-Organizzazzjoni. Lanqas m’għandu tali membru jkun responsabbli għall-ħlas ta’ xi parti mid-defiċit, jekk ikun hemm, ta’ l-Organizzazzjoni meta jintemm dan il-Ftehim.

Artikolu 44

Tul ta’ żmien, estensjoni u tmiem

1. Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għal perijodu ta’ 10 snin wara li jidħol fis-seħħ sakemm il-Kunsill, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, ma jiddeċidix li jestendih, jinnegozjah mill-ġdid jew itemmu skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2. Il-Kunsill jista’, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jiddeċiedi li jestendi dan il-Ftehim għal żewġ perijodi, perijodu inizjali ta’ ħames snin u perijodu addizzjonali ta’ tliet snin.

3. Jekk, qabel ma jiskadi l-perijodu ta’ 10 snin li jissemma fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, jew qabel ma jiskadi perijodu ta’ estensjoni li jissemma fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, skond kif ikun il-każ, il-Ftehim il-ġdid li jissostitwixxi dan il-Ftehim ikun ġie nnegozjat iżda għadu ma daħalx fis-seħħ b’mod definittiv jew proviżorju, il-Kunsill jista’, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jestendi dan il-Ftehim sad-dħul fis-seħħ definittiv jew proviżorju tal-Ftehim il-ġdid.

4. Jekk il-Ftehim il-ġdid ikun ġie nnegozjat u jidħol fis-seħħ matul perijodu ta’ estensjoni ta’ dan il-Ftehim skond il-paragrafu 2 jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, dan il-Ftehim, kif estiż, għandu jintemm malli jidħol fis-seħħ il-Ftehim il-ġdid.

5. Il-Kunsill jista’ fi kwalunkwe ħin, permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, jiddeċiedi li jtemm dan il-Ftehim b’effett minn tali data skond kif jista’ jiddetermina.

6. Minkejja t-tmiem ta’ dan il-Ftehim, il-Kunsill għandu jkompli jeżisti għal perijodu ta’ mhux aktar minn 18-il xahar sabiex iwettaq il-likwidazzjoni ta’ l-Organizzazzjoni, inkluż it-tpaċija tal-kontijiet, u, soġġett għad-deċiżjonijiet rilevanti li għandhom jittieħdu permezz ta’ vot speċjali skond l-Artikolu 12, matul dak il-perijodu għandu jkollu tali setgħat u funzjonijiet kif jista’ jkun meħtieġ għal dawn il-finijiet.

7. Il-Kunsill għandu jinnotifka lid-depożitarju bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond dan l-artikolu.

Artikolu 45

Riżervi

Ma jistgħu jsiru riżervi fir-rigward ta’ l-ebda dispożizzjoni ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet supplimentari u transitorji

1. Dan il-Ftehim għandu jkun is-suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

2. L-atti kollha minn jew f’isem l-Organizzazzjoni jew kwalunkwe wieħed mill-korpi tagħha skond il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1983, u/jew il-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994, li jkunu fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u li t-termini tagħhom ma jipprevedux l-iskadenza f’dik id-data għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm ma jinbidlux skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim.

MAGĦMUL f’Ġinevra fis- 27 ta’ Jannar 2006, bit-testi ta’ dan il-Ftehim bil-lingwa Għarbija, Ċiniża, Ingliża, Franċiża, Russa u Spanjola jkunu ugwalment awtentiċi.

--------------------------------------------------

20060127

ANNESS A

Lista tal-Gvernijiet li jattendu l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta’ Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994 li huma membri produtturi potenzjali kif iddefinit fl-Artikolu 2 (Definizzjonijiet) u allokazzjoni indikattiva tal-voti skond l-Artikolu 10 (Tqassim tal-Voti)

Membri | Total ta’ voti |

AFRIKA | 249 |

Angola | 18 |

Benin | 17 |

Kamerun [1] | 18 |

Repubblika Ċentru Afrikana [1] | 18 |

Kosta ta’ l-Avorju [1] | 18 |

Repubblika Demokratika tal-Kongo [1] | 18 |

Gabon [1] | 18 |

Gana [1] | 18 |

Liberja [1] | 18 |

Madagaskar | 18 |

Niġerja [1] | 18 |

Repubblika tal-Kongo [1] | 18 |

Rwanda | 17 |

Togo [1] | 17 |

ASJA-PAĊIFIKU | 389 |

Kambodja [1] | 15 |

Fiġi [1] | 14 |

Indja [1] | 22 |

Indoneżja [1] | 131 |

Malasja [1] | 105 |

Mjanmar [1] | 33 |

Papwa Ginea Ġdida [1] | 25 |

Filippini [1] | 14 |

Tajlandja [1] | 16 |

Vanwatu [1] | 14 |

AMERIKA LATINA U KARIBEW | 362 |

Barbados | 7 |

Bolivja [1] | 19 |

Brażil [1] | 157 |

Kolombja [1] | 19 |

Kosta Rika | 7 |

Repubblika Dominikana | 7 |

Ekwador [1] | 11 |

Gwatemala [1] | 8 |

Gujana [1] | 12 |

Ħaiti | 7 |

Ħonduras [1] | 8 |

Messiku [1] | 15 |

Nikaragwa | 8 |

Panama [1] | 8 |

Paragwaj | 10 |

Perù [1] | 24 |

Surinam [1] | 10 |

Trinidad u Tobago [1] | 7 |

Veneżwela [1] | 18 |

Total | 1000 |

[*] Membru tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

--------------------------------------------------

20060127

ANNESS B

Lista tal-Gvernijiet li jattendu l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti għan-Negozjar ta’ Ftehim Suċċessur għall-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994 li huma membri konsumaturi potenzjali kif iddefinit fl-Artikolu 2 (Definizzjonijiet)

Albanija

Alġerija

Awstralja [*]

Kanada [*]

Ċina [*]

Eġittu [*]

Komunità Ewropea [*]

Awstrija [*]

Belġju [*]

Repubblika Ċeka

Estonja

Finlandja [*]

Franza [*]

Ġermanja [*]

Greċja [*]

Irlanda [*]

Italja [*]

Litwanja

Lussemburgu [*]

Olanda [*]

Polonja

Portugall [*]

Slovakkja

Spanja [*]

Żvezja [*]

Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq [*]

Iran (Repubblika Iżlamika ta’)

Iraq

Ġappun [*]

Lesoto

Ġamaħirija Għarbija Libjana

Marokk

Nepal [*]

New Zealand [*]

Norveġja [*]

Repubblika tal-Korea [*]

Żvizzera [*]

Stati Uniti ta’ l-Amerika [*]

[*] Membru tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 1994.

--------------------------------------------------

20060127

Dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim

Skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim Internazzjonali dwar l-Injam Tropikali, 2006, din id-dikjarazzjoni tindika s-setgħat trasferiti lill-Komunità Ewropea mill-Istati Membri tagħha fl-oqsma li jittratta dwarhom il-Ftehim.

Il-Komunità Ewropea tiddikjara li, skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea:

- fir-rigward ta’ l-oqsma kummerċjali koperti mill-Ftehim, il-Komunità Ewropea għandha kompetenza esklużiva taħt il-politika kummerċjali komuni, u

- il-Komunità Ewropea tikkondividi s-setgħat ma’ l-Istati Membri tagħha fl-oqsma ambjentali u fil-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp.

L-ambitu u l-eżerċizzju tas-setgħat tal-Komunità Ewropea huma, min-natura tagħhom, soġġetti għal żvilupp kontinwu, u l-Komunità Ewropea ser tikkompleta jew temenda din id-dikjarazzjoni, jekk ikun meħtieġ, skond l-Artikolu 36(3) tal-Ftehim.

--------------------------------------------------