17.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 129/27


FTEHIM

bejn Il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa

IL-PARTIJIET

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa “il-Komunità”, u

L-FEDERAZZJONI RUSSA,

BIX-XEWQA li jiffaċilitaw il-kuntatti bejn persuni bħala kundizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, billi jiffaċilitaw il-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa fuq il-bażi ta’ reċiproċità;

WARA LI KKUNSIDRAW l-Istqarrija Konġunta miftiehma fl-okkażjoni tal-Laqgħa Għolja ta’ St Petersburg li saret fil-31 ta’ Mejju, li stqarret li l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa jaqblu li jeżaminaw il-kundizzjonijiet għal vjaġġar mingħajr viża bħala perspettiva fit-tul;

FILWAQT LI JAFFERMAW mill-ġdid l-intenzjoni li tkun stabbilita sistema ta’ vjaġġar mingħajr viża bejn il-Federazzjoni Russa u l-Unjoni Ewropea;

FILWAQT LI JQISU l-Ftehim dwar Sħubija u Kooperazzjoni ta’ l-24 ta’ Ġunju 1994 li stabbilixxa Sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, fuq naħa, u l-Federazzjoni Russa, fuq in-naħa l-oħra;

WARA LI KKUNSIDRAW l-Istqarrija Konġunta dwar it-Tkabbir ta’ l-UE u r-Relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja miftiehma fis-27 ta’ April 2004 li tikkonferma l-intenzjoni ta’ l-UE u l-Federazzjoni Russa li jiffaċilitaw il-ħruġ tal-viża għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa fuq bażi reċiproka u sabiex iniedu negozjati bil-ħsieb li jilħqu ftehim;

FILWAQT LI JGĦARFU li dan l-iffaċilitar m’għandux iwassal għal migrazzjoni illegali u jagħtu attenzjoni speċjali lis-sigurtà u l-ammissjoni mill-ġdid;

FILWAQT LI JQISU l-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda u l-Protokoll li jintegra l-acquis ta’ Schengen fil-qafas ta’ l-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 1992 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-25 ta’ Marzu 1957 u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda;

FILWAQT LI JQISU l-protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Frar 1992 u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-25 ta’ Marzu 1957 u jikkonfermaw li d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim ma japplikawx għar-Renju tad-Danimarka,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan u kamp ta’ applikazzjoni

L-għan ta’ dan il-Ftehim hu sabiex jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal żjarat intiżi għal mhux aktar minn 90 jum kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa.

Artikolu 2

Klawsola Ġenerali

1.   L-iffaċilitar tal-viża previst f’dan il-Ftehim għandu japplika għal ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa biss sakemm ma jkunux eżenti mill-ħtieġa tal-viża bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Federazzjoni Russa, tal-Komunità jew ta’ l-Istati Membri, tal-ftehim preżenti jew Ftehim internazzjonali oħra.

2.   Il-liġi nazzjonali tal-Federazzjoni Russa, jew ta’ l-Istati Membri jew il-liġi Komunitarja għandhom japplikaw fi kwistjonijiet li mhumiex koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, bħaċ-ċaħda milli tinħareġ viża, rikonoxximent ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar, prova ta’ mezzi ta’ għixien suffiċjenti u ċ-ċaħda tad-dħul u miżuri ta’ espulsjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“Stat Membru” għandha tfisser kwalunkwe Stat Membru ta’ l-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;

(b)

“Ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea” tfisser ċittadin ta’ Stat Membru kif deskritt fil-punt (a);

(ċ)

“Ċittadin tal-Federazzjoni Russa” tfisser persuna, li għandha jew kisbet ċittadinanza tal-Federazzjoni Russa skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha;

(d)

“Viża” tfisser awtorizzazzjoni/permess maħruġ jew deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew mill-Federazzjoni Russa li tkun meħtieġa bil-ħsieb ta’:

dħul għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum b'kollox f'dak l-Istat Membru jew f'diversi Stati Membri jew fil-Federazzjoni Russa,

dħul għal ċaqliq fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew diversi Stati Membri jew tal-Federazzjoni Russa;

(e)

“persuna legalment residenti” tfisser:

għall-Federazzjoni Russa, ċittadin ta’ l-Unjoni Ewropea li kiseb permess ta’ residenza temporanja, permess ta’ residenza jew viża edukattiva jew ta’ xogħol għal perjodu ta’ aktar minn 90 jum fil-Federazzjoni Russa;

għall-Unjoni Ewropea, ċittadin tal-Federazzjoni Russa awtorizzat jew intitolat li joqgħod għal aktar minn 90 jum fit-territorju ta’ Stat Membru, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja jew nazzjonali.

Artikolu 4

Xiehda ċertifikata dwar l-għan tal-vjaġġ

1.   Għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u l-Federazzjoni Russa, id-dokumenti li ġejjin huma suffiċjenti sabiex ikun ġustifikat l-għan tal-vjaġġ lejn il-Parti l-oħra:

(a)

għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Federazzjoni Russa, jieħdu sehem f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew f'wieħed mill-Istati Membri:

ittra maħruġa minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jew tal-Federazzjoni Russa, jew minn istituzzjoni Ewropea li tikkonferma li l-applikant hu membru tad-delegazzjoni tagħha li qed jivvjaġġa fit-territorju tal-Parti l-oħra sabiex jipparteċipa fl-avvenimenti msemmija qabel, flimkien ma’ kopja ta’ l-istedina uffiċċjali;

(b)

għal nies ta’ negozju jew rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju:

talba bil-miktub minn persuna legali, organizzazzjoni jew kumpanija li qed tospita, jew uffiċċju jew il-fergħat tagħhom, awtoritajiet statali u lokali tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri jew kumitati organizzattivi ta’ wirjiet ta’ kummerċ u industrija, konferenzi u simpożja li jsiru fit-territorji tal-Federazzjoni Russa jew f'wieħed mill-Istati Membri;

(ċ)

għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Federazzjoni Russa:

talba bil-miktub mill-assoċjazzjoni nazzjonali (unjoni) ta’ min iġorr fil-Federazzjoni Russa jew assoċjazzjonijiet nazzjonali oħra ta’ min iġorr fl-Istati Membri li jfornu trasport internazzjonali bit-triq, li tagħti l-iskop, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(d)

għal membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f'ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa:

talba bil-miktub mill-kumpanija ferrovjarja kompetenti tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri, li tistqarr l-għan, it-tul u l-frekwenza tal-vjaġġi;

(e)

għall-ġurnalisti:

ċertifikat jew dokument ieħor maħruġ minn organizzazzjoni professjonali li jixhed li l-persuna konċernata hi ġurnalist/a kwalifikata u dokument maħruġ minn min iħaddmu/iħaddimha li jistqarr li l-għan tal-vjaġġ hu li jitwettaq xogħol ġurnalistiku;

(f)

għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f'attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tkun qed tospita sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw f'dawk l-attivitajiet;

(g)

għal studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkompanjawhom li jivvjaġġaw għall-iskop ta’ studju jew taħriġ edukattiv, inkluż il-qafas ta’ programmi ta’ bdil kif ukoll attivitajiet oħra marbuta ma’ l-iskola:

talba bil-miktub jew ċertifikat ta’ reġistrazzjoni mill-università, akkademja, istitut, kulleġġ jew skola li tospita, jew karti ta’ l-istudenti jew ċertifikati tal-korsijiet li jkunu ser jattendu;

(h)

għal parteċipanti f'avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f'kapaċità professjonali:

talba bil-miktub mill-organizzazzjoni li tospita: awtoritajiet kompetenti, Federazzjonijiet sportivi nazzjonali ta’ l-Istati Membri jew il-Federazzjoni Russa u l-Kumitat Olimpiku Nazzjonali tal-Federazzjoni Russa jew Kumitati Olimpiċi Nazzjonali ta’ l-Istati Membri;

(i)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati:

talba bil-miktub mill-Kap ta’ Tmexxija/mis-Sindku ta’ dawn l-ibliet.

(j)

għal qraba – konjuġi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inkludi kustodji), nanniet u neputijiet – li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Unjoni Eropea jew tal-Federazzjoni Russa legalment residenti fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri:

talba bil-miktub mill-persuna li tospita;

(k)

għal żjajjar ta’ mkejjen ta’ difna militari u ċivili:

dokument uffiċċjali li jikkonferma l-eżistenza u l-preservazzjoni tal-qabar kif ukoll tar-relazzjoni familjari jew oħra bejn l-applikant u l-midfun.

2.   It-talba bil-miktub imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha jkollha l-elementi li ġejjin:

(a)

għall-persuna mistiedna – isem u kunjom, data tat-twelid, sess, ċittadinanza, numru tad-dokument ta’ identità, ħin u għan tal-vjaġġ, għadd ta’ daħliet u isem ta’ tfal minuri li qed jakkumpanjaw il-persuna mistiedna;

(b)

għall-persuna li tistieden – isem, kunjom u indirizz jew

(ċ)

għall-persuna legali, kumpanija jew organizzazzjoni li jkunu qed jistiednu – isem sħiħ u indirizz u

jekk it-talba ssir minn organizzazzjoni, l-isem u l-pożizzjoni tal-persuna li tiffirma t-talba;

jekk il-persuna li tistieden hi persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew il-fergħat tagħhom li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru, jinħtieġ in-numru tar-reġistrazzjoni kif mitlub mil-liġi nazzjonali ta’ l-Istat Membru in kwistjoni;

jekk il-persuna li tistieden tkun persuna legali jew kumpanija jew uffiċċju jew il-fergħat tagħhom stabbilita fit-territorju tal-Federazzjoni Russa, in-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa.

3.   Għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kategoriji kollha tal-viżi jinħarġu skond il-proċedura simplifikata mingħajr ma tkun tinħtieġ aktar ġustifikazzjoni, stedina jew validazzjoni dwar l-għan tal-vjaġġ, previst mil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet.

Artikolu 5

Ħruġ ta’ viżi għal dħul aktar minn darba

1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi b'terminu ta’ validità sa massimu ta’ ħames snin għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini:

(a)

membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti, fil-qadi ta’ dmirijiethom, b'terminu ta’ validità limitat għall-mandat tagħhom jekk dan ikun inqas minn 5 snin;

(b)

konjuġi u tfal (inklużi dawk adottati), li jkunu taħt l-età ta’ 21 jew ikunu dipendenti, u li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li jkunu legalment residenti fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri, bit-terminu ta’ validità limitat għat-tul tal-validità ta’ l-awtorizzazzjoni tagħhom għal residenza legali.

2.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi ta’ dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità sa massimu ta’ sena għal dawn il-kategoriji ta’ ċittadini, jekk kemm-il darba matul is-sena ta’ qabel ikunu kisbu mill-inqas viża waħda, ikunu użawha skond il-liġijiet ta’ dħul u residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u jekk ikun hemm raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża ta’ dħul aktar minn darba:

(a)

għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Fdereazzjoni Russa, jieħdu sehem f'laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f'avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew f'wieħed mill-Istati Membri;

(b)

nies fin-negozju u rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet ta’ negozju li jivvjaġġaw regolarment fil-Federazzjoni Russa jew fl-Istati Membri;

(ċ)

għal xufiera li jwasslu tagħbija internazzjonali u servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bejn it-territorji tal-Federazzjoni Russa u l-Istati Membri f'vetturi reġistrati fl-Istati Membri jew fil-Federazzjoni Russa;

(d)

għal membri ta’ l-ekwipaġġ ta’ ferroviji, refriġeraturi u lokomottivi f’ferroviji internazzjonali, li jivvjaġġaw bejn it-territorji ta’ l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa;

(e)

għal persuni li jkunu qed jipparteċipaw f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil, li jivvjaġġaw regolarment fil-Federazzjoni Russa jew fl-Istati Membri;

(f)

għal parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali u persuni li jakkumpanjawhom f’kapaċità professjonali;

(g)

għal ġurnalisti;

(h)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati.

3.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom joħorġu viżi għal dħul aktar minn darba bit-terminu ta’ validità ta’ minimu ta’ sentejn u massimu ta’ 5 snin għall-kategoriji ta’ ċittadini msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, jekk kemm-il darba fis-sentejn ta’ qabel ikunu wżaw tajjeb il-viżi ta’ dħul aktar minn darba għal sena, skond il-liġijiet dwar id-dħul u r-residenza fit-territorju ta’ l-Istat li żaru u li r-raġunijiet għall-ħtieġa ta’ viża għal dħul aktar minn darba jkunu għadhom validi.

4.   Il-perjodu totali ta’ residenza ta’ persuni msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu m’għandux jaqbeż id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 fit-territorju ta’ l-Istati Membri jew fil-Federazzjoni Russa.

Artikolu 6

Ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1.   Il-ħlas għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet tal-viża jammonta għal 35 EUR.

L-ammont imsemmi qabel jista’ jkun rivedut skond il-proċedura prevista fl-Artikolu 15(4).

2.   Il-Partijiet għandhom jitolbu ħlas ta’ 70 EUR għall-ipproċessar ta’ viżi f’każijiet fejn l-applikazzjoni tal-viża u d-dokumenti ta’ appoġġ ikunu tressqu mill-applikant tal-viża fi żmien tlett ijiem qabel id-data maħsuba għat-tluq tiegħu/tagħha. Dan ma japplikax għal każijiet skond l-Artikolu 6(3), (b), (e) u (f) u l-Artikolu 7(3).

3.   Il-ħlasijiet għall-ipproċessar ta’ l-applikazzjoni għall-viża jitneħħew għal dawn il-kategoriji ta’ persuni:

(a)

għal qraba – konjuġi, tfal (inklużi dawk adottati), ġenituri (inkludi kustodji), nanniet u neputijiet – li jkunu qed iżuru ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea jew tal-Federazzjoni Russa legalment residenti fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri:

(b)

għal membri ta’ delegazzjonijiet uffiċjali li, wara stedina uffiċjali indirizzata lill-Istati Membri, l-Unjoni Ewropea jew il-Federazzjoni Russa, jieħdu sehem f’laqgħat, konsultazzjonijiet, negozjati jew programmi ta’ bdil, kif ukoll f’avvenimenti li jsiru minn organizzazzjonijiet intergovernattivi fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew f’wieħed mill-Istati Membri:

(ċ)

membri ta’ Gvernijiet u Parlamenti nazzjonali u reġjonali, Qrati Kostituzzjonali u Qrati Supremi, jekk ma jkunux eżentati mill-ħtieġa tal-viża bil-Ftehim preżenti;

(d)

studenti, studenti gradwati u għalliema li jakkumpanjawhom u li jivvjaġġaw għal għanijiet ta’ studju jew taħriġ vokazzjonali;

(e)

persuni b’diżabilità u l-persuna li takkumpanjahom, jekk meħtieġ;

(f)

persuni li jkunu ppreżentaw dokumenti li jixhdu għall-ħtieġa ta’ l-ivvjaġġar tagħhom għal skopijiet umanitarji, inkluża l-ħtieġa li jirċievu trattament mediku urġentii, u l-persuna li takkumpanja lil dawn il-persuni, jew sabiex jattendu funeral ta’ qarib/a, jew biex iżuru qarib/a morda serjament;

(g)

parteċipanti f’avvenimenti sportivi internazzjonali għaż-żgħażagħ u persuni li jakkumpanjawhom;

(h)

għal persuni li jkunu qed jieħdu sehem f’attivitajiet xjentifiċi, kulturali u artistiċi, inklużi programmi universitarji u programmi oħra ta’ bdil;

(i)

għal parteċipanti fi programmi uffiċjali ta’ bdil organizzati minn bliet ġemellati.

Artikolu 7

Tul tal-proċeduri għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għall-viża

1.   Missjonijiet diplomatiċi u pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa għandhom jieħdu deċiżjoni fuq it-talba li tinħareġ viża fi żmien għaxart ijiem mid-data ta’ meta tasal l-applikazzjoni u d-dokumenti meħtieġa għall-ħruġ tal-viża.

2.   Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jkun estiż sa 30 jum f’każijiet individwali, notevolment meta jkun jinħtieġ aktar skrutinju ta’ l-applikazzjoni.

3.   Il-perjodu ta’ żmien għat-teħid ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għall-viża jista’ jitnaqqas għal tlett ijiem jew inqas f’każijiet urġenti.

Artikolu 8

Tluq f’każ ta’ dokumenti misrufa jew misruqa

Ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li jkunu tilfu d-dokumenti ta’ identità tagħhom, jew li jkunu nsterqulhom dawn id-dokumenti waqt iż-żjara tagħhom fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew l-Istati Membri, jistgħu jħallu dak it-territorju fuq il-bażi ta’ dokumenti ta’ identità validi li jippermettu l-qsim tal-fruntiera, maħruġa minn missjonijiet diplomatiċi jew pożizzjonijiet konsulari ta’ l-Istati Membri jew tal-Federazzjoni Russa mingħajr viża jew awtorizzazzjoni oħra.

Artikolu 9

Estensjoni tal-viża f’ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni

Iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa li m’għandhomx il-possibblità li jħallu t-territorju tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Istati Membri fiż-żmien stabbilit fil-viżi tagħhom minħabba raġunijiet ta’ force majeure għandhom ikollhom it-terminu tal-viżi tagħhom estiż mingħajr ħlas skond il-leġiżlazzjoni applikata mill-Istat li qed jilqa’ għall-perjodu meħtieġ għar-ritorn tagħhom lejn l-Istat ta’ residenza tagħhom.

Artikolu 10

Proċeduri ta’ reġistrazzjoni

Il-Partijiet jaqblu li jieħdu miżuri mill-aktar fis possibbli sabiex jissimplifikaw il-proċeduri ta’ reġistrazzjoni, bil-ħsieb li jintitolaw liċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa u liċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea għal trattament ugwali fir-rigward ta’ proċeduri ta’ reġistrazzjoni meta jkunu jinsabu fit-territorju tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri, rispettivament.

Artikolu 11

Passaporti diplomatiċi

1.   Ċittadini tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri, titulari ta’ passaporti diplomatiċi validi jistgħu jidħlu, jħallu jew jiċċaqilqu fit-territorji ta’ l-Istati Membri jew tal-Federazzjoni Russa mingħajr viżi.

2.   Ċittadini msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu joqogħdu fit-territorji tal-Federazzjoni Russa jew ta’ l-Istati Membri għal perjodu li ma jaqbiżx id-90 jum għal kull perjodu ta’ 180 jum.

Artikolu 12

Validità territorjali tal-viżi

Soġġetti għar-regoli u regolamenti nazzjonali dwar is-sigurtà nazzjonali tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Istati Membri u soġġetti għar-regoli ta’ l-UE dwar viżi b’validità territorjali limitata, iċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa u ta’ l-Unjoni Ewropea għandhom ikunu intitolati għal vjaġġar fit-territorju ta’ l-Istati Membri u tal-Federazzjoni Russa fuq bażi ugwali ma’ l-Unjoni Ewropea u ċ-ċittadini Russi.

Artikolu 13

Kumitat Konġunt għall-amministrazzjoni tal-Ftehim

1.   Il-Partijiet għandhom jistabbilixxu Kumitat Konġunt għall-amministrazzjoni tal-Ftehim (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”), magħmul minn rappreżentanti tal-Komunità Ewropea u tal-Federazzjoni Russa. Il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni Ewropea, assistita minn esperti mill-Istati Membri.

2.   Il-Kumitat għandu jkollu, b’mod partikolari, dawn l-impenji:

(a)

li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim preżenti;

(b)

li jissuġġerixxi emendi jew żidiet għall-Ftehim preżenti;

(ċ)

li jeżamina u, jekk iqis meħtieġ, jipproponi emendi għal dan il-ftehim fil-każ ta’ adeżjonijiet ġodda fl-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kumitat għandu jiltaqa’ kull meta jkun meħtieġ bit-talba ta’ waħda mill-Partijiet u mill-anqas darba fis-sena.

4.   Il-Kumitat għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 14

Ir-relazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma’ Ftehim bilaterali bejn Stati Membri u l-Federazzjoni Russa

Sa mid-dħul tiegħu fis-seħħ, dan il-Ftehim għandu jieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali mwettqa bejn l-Istati Membri u l-Federazzjoni Russa, safejn id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehim jew arranġamenti jkopru kwistjonijiet li huma indirizzati mill-Ftehim preżenti.

Artikolu 15

Klawsoli Finali

1.   Dan il-Ftehim għandu jkun ratifikat jew approvat mill-Partijiet skond il-proċeduri rispettivi tagħhom u għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data meta l-Partijiet javżaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija hawn fuq tlestew.

2.   Permezz ta’ deroga għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Ftehim preżenti għandu jidħol fis-seħħ biss fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn il-Federazzjoni Russa u l-Komunità Ewropea b’ammissjoni mill-ġdid jekk din id-data tkun wara d-data prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Dan il-Ftehim hu magħluq għal perjodu ta’ żmien indefinit, sakemm ma jkunx terminat skond il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu.

4.   Dan il-Ftehim jista’ jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ wara li l-Partijiet ikunu avżaw lil xulxin dwar it-tlestija tal-proċeduri interni tagħhom li huma meħtieġa għal dan l-għan.

5.   Kull Parti tista’ tissospendi dan il-Ftehim parzjalment jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali u protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni għandha tkun notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tagħte fis-seħħ. Il-Parti li tkun issospendiet l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandha tgħarraf lill-Parti l-oħra immedjatament ladarba r-raġunijiet għas-sospensjoni ma jkunux japplikaw aktar.

6.   Kull Parti tista’ ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż bil-miktub lill-Parti l-oħra. Dan il-Ftehim għandu jieqaf iseħħ 90 jum wara d-data tal-wasla ta’ dan l-avviż.

Magħmul f'Sochi, fil-ħamsa u għoxrin jum ta' Mejju tas-sena elfejn u sitta f'żewġ kopji kull waħda biċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u r-Russu, b’kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

Hecho en Sochi, el veinticinco de mayo del dos mil seis.

V Soči dne dvacátého pátého května dva tisíce šest.

Udfærdiget i Sotji den femogtyvende maj to tusind og seks.

Geschehen zu Sotschi am fünfundzwanzigsten Mai zweitausendsechs.

Kahe tuhande kuuenda aasta maikuu kahekümne viiendal päeval Sotšis.

'Εγινε στο Σότσι, στις είκοσι πέντε Μαΐου δύο χιλιάδες έξι.

Done at Sochi on the twenty fifth day of May in the year two thousand and six.

Fait à Sotchi, le vingt cinq mai deux mille six.

Fatto a Soci, addì venticinque maggio duemilasei.

Sočos, divtūkstoš sestā gada divdesmit piektajā maijā.

Priimta du tūkstančiai šeštų metų gegužės dvidešimt penktą dieną Sočyje.

Kelt Szocsiban, a kettőezer hatodik év május huszonötödik napján.

Magħmul f'Sochi, fil-ħamsa u għoxrin jum ta' Mejju tas-sena elfejn u sitta.

Gedaan te Sotsji, de vijfentwintigste mei tweeduizend zes.

Sporządzono w Soczi dnia dwudziestego piątego maja roku dwutysięcznego szóstego.

Feito em Sotchi, em vinte e cinco de Maio de dois mil e seis.

V Soči dňa dvadsiateho piateho mája dvetisícšesť.

V Soči, petindvajsetega maja leta dva tisoč šest.

Tehty Sotšissa kahdentenakymmenentenäviidentenä päivänä toukokuuta vuonna kaksituhattakuusi.

Som skedde i Sotji den tjugofemte maj tjugohundrasex.

Adoptată la Sochi, la douăzeci și cinci mai două mii șase.

Совершено в г. Сочи двадцать пятого мая две тысячи шестого года.

Por la Comunidad Europea

Za Evropské společenství

For Det Europæiske Fællesskab

Für die Europäische Gemeinschaft

Euroopa Ühenduse nimel

Για την Ευρωπαϊκή Κοινότητα

For the European Community

Pour la Communauté européenne

Per la Comunità europea

Eiropas Kopienas vārdā

Europos bendrijos vardu

Az Európai Közösség részéről

Għall-Komunità Ewropea

Voor de Europese Gemeenschap

W imieniu Wspólnoty Europejskiej

Pela Comunidade Europeia

Za Európske spoločenstvo

Za Evropsko skupnost

Euroopan yhteisön puolesta

På Europeiska gemenskapens vägnar

Pentru Comunitatea Europeană

За Европейское сообщество

Image 1

Por la Federación de Rusia

Za Ruskou federaci

For Den Russiske Føderation

Für die Russische Föderation

Venemaa Föderatsiooni nimel

Για τη Ρωσική Ομοσπονδία

For the Russian Federation

Pour la Fédération de Russie

Per la Federazione russa

Krievijas Federācijas vārdā

Rusijos Federacijos vardu

Az Orosz Föderáció részéről

Għall-Federazzjoni Russa

Voor de Russische Federatie

W imieniu Federacji Rosyjskiej

Pela Federação da Rússia

Za Ruskú federáciu

Za Rusko federacijo

Venäjän federaation puolesta

På ryska federationen vägnar

Pentru Federația Rusă

За Российскую Федерацию

Image 2