12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

10


DEĊIŻJONI Nru 4/2006 TAL-KUMITAT TA' L-AMBAXXATURI AKP-KE

tas-27 ta’ Settembru 2006

dwar l-Istatuti u r-Regoli ta' Proċedura taċ-Ċentru Tekniku ta' Koperazzjoni Agrikola u Rurali (ĊTA)

(2006/878/KE)

IL-KUMITAT TA’ L-AMBAXXATURI AKP-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000 (1) (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “Il-Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 3 (4) ta' l-Anness III tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern tat-18 ta' Settembru 2000 bejn Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri, imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill, dwar il-Finanzjament u l-Amministrazzjoni ta' l-għajnuna tal-Komunità taħt il-Protokoll Finanzjarju għall-Ftehim ta' Sħubija bejn l-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha ffirmat f'Kotonù (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 u l-allokazzjoni ta' l-assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u t-Territorji Barranin li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat KE (2),

Billi:

(1)

L-Artikolu 3(4) ta' l-Anness III għall-Ftehim jeħtieġ lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi jistabbilixxi, wara l-iffirmar tal-Ftehim, l-Istatuti u r-Regoli ta' Proċedura taċ-Ċentru Tekniku ta' Koperazzjoni Agrikola u Rurali (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “iċ-Ċentru”), inkluż il-korpi ta' sorveljanza tiegħu. Għandu jiġi stabbilit Bord Eżekuttiv li jaġixxi bħala korp ta' sorveljanza għaċ-Ċentru, fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(4)(a) ta' l-Anness III tal-Ftehim.

(2)

It-tieni paragrafu ta' l-Artikolu 1 tal-Protokoll 2 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet għall-Ftehim jestendi tali privileġġi u immunitajiet għall-persunal taċ-Ċentru,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   Iċ-Ċentru għandu jkollu personalità ġuridika u fl-Istati kollha li huma parti għall-Ftehim ta' Kotonù, għandu jgawdi mill-akbar kapaċità legali mogħtija lil persuni ġuridiċi taħt il-liġijiet tagħhom.

2.   Il-persunal taċ-Ċentru għandu jgawdi mill-privileġġi, l-immunitajiet u l-faċilitajiet konswetudinarji previsti fil-Protokoll Nru 2 dwar il-privileġġi u l-immunitajiet u msemmija fid-Dikjarazzjonijiet VI u VII annessi għall-Ftehim.

3.   Iċ-Ċentru ma għandux l-għan li jagħmel xi qligħ.

4.   Il-kwartieri ġenerali taċ-Ċentru provviżorjament għandhom ikunu f'Wageningen (l-Olanda), b'uffiċju lokali fi Brussell.

Artikolu 2

Il-funzjonijiet u l-objettivi taċ-Ċentru huma stabbiliti bl-Artikolu 3(1), 3(2) u 3(3) ta' l-Anness III għall-Ftehim.

Iċ-Ċentru għandu jiddefinixxi d-dettalji ta' dawn l-objettivi f'dokument ta' strateġija ġenerali.

Artikolu 3

1.   Il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għandu jkun l-awtorità ta' sorveljanza taċ-Ċentru skond l-Artikolu 3(4) u 3(5) ta' l-Anness III għall-Ftehim.

2.   Għandu jiġi stabbilit Bord Eżekuttiv skond l-Artikolu 4 ta' din id-Deċiżjoni.

3.   Iċ-Ċentru għandu jwettaq l-attivitajiet tiegħu f'koperazzjoni mill-qrib ma' l-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħrajn imsemmija fil-Ftehim jew fid-dikjarazzjonijiet annessi. Iċ-Ċentru jista', fejn meħtieġ, isejjaħ lill-istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali, b'mod partikolari dawk li qegħdin fil-Komunità jew fl-Istati AKP u li jittrattaw kwistjonijiet relatati ma' żvilupp agrikolu u rurali.

4.   L-attivitajiet taċ-Ċentru għandhom jiġu evalwati perjodikament fuq l-inizjattiva tal-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 4

1.   Għandu jiġi stabbilit Bord Eżekuttiv biex jappoġġa, jimmonitorja u jikkontrolla l-aspetti tekniċi, amministrattivi u finanzjarji kollha ta' l-attivitajiet taċ-Ċentru.

2.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun magħmul, fuq bażi ta' parità, minn sitt membri li jinħatru minħabba l-kwalifiki personali u professjonali tagħhom fl-oqsma ta' l-agrikoltura u l-iżvilupp rurali u/jew il-linji politiċi ta' l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, ix-xjenza, it-tmexxija u t-teknoloġija. Huma għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod indipendenti, ma jistgħux ifittxu jew jieħdu istruzzjonijiet minn partijiet terzi u għandhom jaġixxu unikament fil-kapaċità personali tagħhom fl-interessi taċ-ĊTA.

3.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu ċittadini ta' l-Istati li huma parti għall-Ftehim u għandhom jintgħażlu mill-partijiet ikkonċernati abbażi tal-ħtiġiet ta' kwalifika. Il-ħatra tagħhom għandha tiġi konfermata mill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi. Is-sitt membri għandhom jinħatru mill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għal perijodu massimu ta' ħames snin, soġġett għal reviżjoni ta' nofs it-term.

4.   Rappreżentant mill-Kummissjoni, rappreżentant mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u rappreżentant tas-Segretarjat AKP għandhom ikunu preżenti waqt id-deliberazzjonijiet tal-Bord Eżekuttiv bħala osservaturi.

5.   Il-membri tal-Bord Eżekuttiv għandhom jeleġġu l-President u l-Viċi-President għal perijodu massimu ta' ħames snin skond id-dispożizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Il-kariga ta' President għandha tingħata lil persuna mill-parti (AKP jew Komunità) li ma tokkupax il-kariga ta' Direttur taċ-Ċentru. Il-kariga ta' Viċi-President għandha tingħata lil persuna mill-parti li ma tokkupax il-kariga ta' President.

6.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti jew tar-rappreżentati skond ir-Regoli ta' Proċedura tiegħu. Kull membru tal-Bord Eżekuttiv għandu jkollu vot wieħed. Fil-każ li jkun hemm numru ndaqs ta' voti, il-President għandu jkollu l-vot deċiżiv.

7.   Wara kull laqgħa għandhom jitniżżlu l-minuti. Id-diskussjonijiet fil-Bord Eżekuttiv għandhom ikunu kunfidenzjali.

8.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jagħmel monitoraġġ mill-qrib ta' l-attivitajiet taċ-Ċentru. Huwa għandu jżomm sa erba' laqgħat ordinarji kull sena. Hu jista' jiltaqa' wkoll kull darba li jeħtieġ għat-twettiq ta' dmirijietu, fuq l-inizjattiva tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi jew tal-President jew fuq talba tad-Direttur.

9.   Id-Direttur taċ-Ċentru għandu jkollu rwol konsultattiv fil-ħidmiet tal-Bord Eżekuttiv. Iċ-Ċentru għandu jaġixxi bħala s-segretarjat tal-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Eżekuttiv jista' jistieden membri oħra mill-amministrazzjoni u mill-persunal taċ-Ċentru u/jew esperti esterni biex jagħtu pariri dwar kwistjonijiet speċifiċi.

10.   Il-Bord Eżekuttiv għandu:

(a)

jagħti pariri u jappoġġa lid-Direttur fit-tmexxija taċ-Ċentru u jiżgura li r-regoli u l-objettivi stabbiliti mill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi jiġu implimentati tajjeb;

(b)

fuq proposta tad-Direttur taċ-Ċentru:

(i)

jadotta l-karta ta' l-istrateġija globali taċ-Ċentru sabiex tiġi preżentata lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għall-approvazzjoni;

(ii)

japprova l-programmi ta' ħidma annwali u pluriennali;

(iii)

japprova l-istruttura organizzativa, il-politika tal-persunal u l-mappa ta' l-organizzazzjoni;

(iv)

japprova r-reklutaġġ ta' persunal ġdid u t-tiġdid, l-estensjoni jew it-tmiem tal-kuntratti eżistenti tal-persunal;

(v)

japprova l-baġits annwali taċ-Ċentru;

(vi)

jadotta r-rendikonti finanzjarji annwali;

u

(vii)

japprova r-rapporti annwali u jgħaddihom lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi sabiex dan ikun jista' jivverifika li l-attivitajiet taċ-Ċentru huma konsistenti ma' l-objettivi stabbiliti bil-Ftehim u l-karta ta' l-istrateġija globali;

(ċ)

jirrapporta lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi dwar kull kwistjoni importanti li tinqalgħa fit-twettiq ta' dmirijietu

11.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi.

12.   Wara sejħa pubblika għal offerti, il-Bord Eżekuttiv għandu jagħżel mill-inqas minn tliet offerti kumpannija ta' awdituri rikonoxxuta internazzjonalment għal perijodu ta' tliet snin. Dawn l-awdituri għandhom jeżaminaw jekk ir-rendikonti finanazjarji annwali sarux kif suppost u skond Standards ta' Kontabbiltà Internazzjonali u jagħtu ħarsa ġenerali vera u ġusta tas-sitwazzjoni finanzjarja taċ-Ċentru. L-awdituri għandhom ukoll jikkummentaw dwar is-sodezza tat-tmexxija finanzjarja taċ-Ċentru.

13.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jgħaddi r-rendikonti finanzjarji annwali lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għall-approvazzjoni finali. Il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għandu jkun responsabbli mill-kwittanza tad-Direttur fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-baġit.

14.   Il-Bord Eżekuttiv għandu jistabbilixxi r-Regoli ta' Proċedura tiegħu.

Artikolu 5

1.   Iċ-Ċentru għandu jkun immexxi minn Direttur maħtur mill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għal perijodu massimu ta' ħames snin.

Il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għandu jagħti istruzzjonijiet lill-ko-presidenti tiegħu biex jiffirmaw il-kuntratt tad-Direttur. Il-kuntratt għandu jiġi mfassal u rregolat skond ir-regoli applikabbli għall-persunal taċ-Ċentru. Il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi għandu jkollu s-setgħa li jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa fir-rigward tad-Direttur.

2.   Id-Direttur għandu jkun ir-rappreżentant legali taċ-Ċentru u għandu jimplimenta l-linji gwida attwati mill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi. Id-Direttur għandu jkun responsabbli quddiem il-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi.

3.   Wara li jkun kiseb il-qbil tal-Bord Eżekuttiv, id-Direttur għandu jissottometti l-programm ta' ħidma u l-baġit annwali taċ-Ċentru, li jirriflettu l-funzjonijiet taċ-Ċentru u l-objettivi msemmija fl-Artikolu 2, għall-approvazzjoni tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi.

4.   Id-Direttur għandu jinforma regolarment lill-Bord Eżekuttiv dwar l-attivitajiet taċ-Ċentru.

5.   Fi żmien disa' xhur wara t-tmiem ta' kull sena kalendarja d-Direttur għandu jippreżenta l-attivitajiet u l-kontijiet taċ-Ċentru f'rapport u għandu jissottomettih lill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi, wara li jikseb l-approvazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.

6.   Id-Direttur għandu jkun responsabbli mill-organizzazzjoni u t-tmexxija taċ-Ċentru. Id-Direttur għandu jirrapporta lill-Bord Eżekuttiv dwar kwalunkwe miżura rigward ir-Regoli ta' Proċedura taċ-Ċentru li jistgħu jiġu adottati biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta' regoli li jikkonċernaw iċ-Ċentru.

Artikolu 6

Il-baġit taċ-Ċentru għandu jkun iffinanzjat skond ir-regoli stabbiliti fil-Protokoll Finanzjarju tal-Ftehim. Il-baġit jista' wkoll jiġi mogħni minn riżorsi oħra.

Artikolu 7

L-Istatuti u r-Regoli ta' Proċedura taċ-Ċentru jistgħu jiġu emendati mill-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi fuq rakkomandazzjoni tal-Bord Eżekuttiv.

Artikolu 8

L-Istati AKP, l-Istati-Membri u l-Komunità Ewropea, skond il-każ, għandhom ikunu mitluba jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 9

Id-Deċiżjoni 1/91 tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KEE tad-19 ta' April 1991 dwar ir-regoli operattivi taċ-ĊTA, id-Deċiżjoni 3/91 tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KEE tad-19 ta' April 1991 li tistabbilixxi l-Istatuti u l-proċeduri operattivi tal-Kumitat Konsultattiv taċ-ĊTA, id-Deċiżjoni 2/97 tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KE tat-30 ta' April 1997 li timmodifika lil din ta' l-aħħar, id-Deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KE 1/2003 tal-11 ta' April 2003, 10/2003 tat-23 ta' Diċembru 2003 u 6/2004 tas-17 ta' Diċembru 2004 li jaħtru lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv taċ-ĊTA, huma b'dan imħassra.

Artikolu 10

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, nhar is-27 ta' Settembru 2006

Għall-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi AKP-KE

Il-President

R. MAKONGO


(1)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar bil-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4).

(2)  ĠU L 317, 15.12.2000, p. 355.