8.5.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

103


DEĊIŻJONI Nru 3/2005 TAL-KUMITAT TAL-KOOPERAZZJONI DOGANALI TA' L-AKP-KE

tat-13 ta' Jannar 2006

li tidderoga mid-definizzjoni tal-kunċett ta' “prodotti ta' oriġini” tqis is-sitwazzjoni speċjali tar-Renju ta' l-Isważiland fir-rigward tal-manifattura ta' ħjut tal-qalba mibrum (core spun yarns)

(2006/46/KE)

IL-KUMITAT TAL-KOOPERAZZJONI DOGANALI TA' L-AKP-KE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE ffirmat f' Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000, u b'mod partikolari l-Artikolu 38 tal-Protokoll 1 ta' l-Anness V tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 38(1) ta' l-imsemmi Protokoll jipprevedi derogi mir-regoli ta' l-oriġini li jingħataw kull meta l-iżvilupp ta' industrija eżistenti jew il-ħolqien ta' waħda ġdida jitolbu dan;

(2)

Fl-10 ta' Mejju 2001 id-Deċiżjoni Nru 3/2001 tal-Kumitat tal-Kooperazzjoni Doganali ta' l-AKP-KE li tidderoga mill-kunċett ta' “prodotti ta' oriġini” li tqis is-sitwazzjoni speċjali tar-Renju ta' l-Isważiland fir-rigward tal-manifattura tal-ħjut tal-qalba mibrum (intestatura HS 5206.22, 5206.42, 5402.52 u 5402.62) (1) ġiet adottata. Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni għandha tapplika bejn il-perjodu ta' l-1 ta' April 2001 u l-31 ta' Marzu 2006.

(3)

Fid-dawl ta' l-iskadenza ta' din id-dispożizzjoni, l-Istati Afrikani tal-Karibew u l-Paċifiku, ressqu fit-8 ta' Lulju 2005, f'isem ir-Renju ta' l-Isważiland, talba għal deroga ġdida mir-regoli ta' l-oriġini, kif hemm fil-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE, dwar ħjut tal-qalba mibrum fir-rigward ta' kwantita annwali ta' 1 300 tunnellata, magħmula minn dan il-pajjiż matul perjodu ta' 5 snin u impurtat fil-Komunità mill-1 ta' April 2006 'l quddiem;

(4)

Id-deroga mitluba hija ġġustifikata skond id-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikolu 38 (5) u (6) speċjalment f' dak li għandu x'jaqsam ma' l-iżvilupp ta' industriji eżistenti fl-Isważiland; il-fatt li l-applikant huwa Stat mdawwar bl-art; u l-inapplikabilità tar-regoli dwar iż-żieda ta' l-oriġini;

(5)

Id-deroga ma tikkawżax danni serji lill-Industrija Komunitarja stabbilita meta tieħu f'kunsiderazzjoni l-kwantitajiet ta' l-importazzjoni previsti, dejjem sakemm ċerti kundizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu ma' kwantitajiet, sorveljanza u tul ta' żmien huma rrispettati;

(6)

Id-deroga ma tistax tingħata għal ħames snin peress li, f'konformità ma' l-Artikolu 37 tal-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE, arranġamenti ġodda ta' kummerċ għandhom jidħlu fis-seħħ sa l-1 ta' Jannar 2008. Din id-Deċiżjoni għalhekk tapplika mill-1 ta' April 2006 sa l-aħħar ta' l-2007 sakemm jiġu adottati dawn l-arranġamenti ġodda ta' kummerċ;

(7)

Għalhekk, skond l-Artikolu 39, deroga tista' tingħata lir-Renju ta' l-IsSważiland fil-konfront tal-ħjut tal-qalba mibrum għal 1 300 tunnellata kull sena mill-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Diċembru 2007,

IDDEĊIDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Permezz ta' deroga mid-dispożizzjonijiet speċjali fil-lista ta' l-Anness II tal-Protokoll 1 ta' l-Anness V tal-Ftehim ta' Sħubija ta' l-AKP-KE, ħjut tal-qalba mibrum ta' l-intestaturi HS 5206.22, 5206.42, 5402.52 u 5402.62, manifatturat fl-Isważiland minn materjali li ma joriġinawx għandhom jitqiesu bħala li joriġinaw fl-Isważiland skond it-termini ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deroga prevista fl-Artikolu 1 għandha tapplika għall-prodotti u l-kwantitajiet murija fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni li huma impurtati fil-Komunità mill-Isważiland matul il-perjodu ta' l-1 ta' April 2006 sal-31 ta' Diċembru 2007.

Artikolu 3

Il-kwantitajiet stipulati fl-Anness għandhom ikunu taħt il-ġestjoni tal-Kummissjoni, li għandha tieħu l-azzjonijiet amministrattivi kollha li tqis li jkunu tajbin għat-tmexxija effiċjenti tagħhom. L-Artikoli 308(a), 308(b) u 308(c) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 (2) relatati mal-ġestjoni tal-kwoti tariffarji japplikaw mutatis mutandis għall-ġestjoni tal-kwantitajiet indikati fl-Anness.

Artikolu 4

1.   L-awtoritajiet tad-dwana ta' l-Isważiland għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex iwettqu kontrolli kwantitattivi fuq l-esportazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1. Għal dan il-għan, iċ-ċertifikati maħruġa b'konformità ma' din id-Deċiżjoni għandhom ikollhom referenza għaliha.

2.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-Isważiland, kull tliet xhur, għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni, fattura tal-kwantitajiet li għalihom inħarġu ċertifikati ta' ċirkolazzjoni EUR 1 skond din id-Deċiżjoni u n-numri tas-serje ta' dawn iċ-ċertifikati.

Artikolu 5

Kaxxa 7 taċ-ċertifikati EUR.1 maħruġa skond din id-Deċiżjoni għandu jkollha dan il-kliem:

“Derogation — Decision No 3/2005”

Artikolu 6

L-Istati Afrikani tal-Karibew u l-Paċifiku, l-Istati Membri u l-Komunità Ewropea għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa min-naħa tagħhom biex jimplimentaw din id-Deċiżjoni.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni se tidħol fis-seħħ fid-data ta' l-adozzjoni tagħha.

Din id-Deċiżjoni tapplika mill-1 ta' April 2006.

Magħmula fi Brussell, it-13 ta' Jannar 2006.

Għall-AKP-KE Il-Kumitat tal-Kooperazzjoni Doganali

Il-Presidenti Konġunti

Robert VERRUE

Peter H. KATJAVIVI


(1)  ĠU L 144, 30.5.2001, p. 35.

(2)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 886/2005 (ĠU L 148, 11.6.2005, p. 5).


ANNESS

L-Isważiland

Numru ta' l-ordni

HS — Intestatura

Isem tal-merkanzija

Perjodu

Kwantitajiet

09.1698

5206.22

5206.42

5402.52

5402.62

Ħjut tal-qalba mibrum

1.4.2006 sa 31.3.2007

1 300 tunnellata

1.4.2007 sa 31.12.2007

975 tunnellata