12.12.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

651


DEĊIŻJONI Nru 1/2005 TAL-KUMITAT KONĠUNT KE-ANDORRA

ta’ l-10 ta’ Ottubru 2005

(2005/867/EC)

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' l-Andorra (1) li ġie ffirmat ġewwa l-Lussemburgu fit-28 ta' Ġunju 1990, u b'mod partikolari l-Artikolu 17 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-protokoll dwar kwistjonijiet veterinarji li jissupplimenta l-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' l-Andorra (2) li ġie ffirmat ġewwa Brussel fil-15 ta' Mejju 1997, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

Billi:

Fil-laqgħa tiegħu fl-Andorra fil-25 u s-26 ta' Jannar 2005, is-sotto-grupp veterinarju tal-Kumitat Konġunt bejn il-KE u l-Andorra, li ġie stabbilit skond l-Artikolu 2 tal-protokoll dwar kwistjonjiet veterinarji li jissupplimenta l-Ftehim fil-forma ta' skambju ta' ittri bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Prinċipat ta' l-Andorra, irrakkomanda l-adozzjoni ta' lista addizzjonali ta' disposizzjonijiet veterinarji Komunitarji li għandhom jiġu applikati mill-Andorra, flimkien mal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja msemmija fid-Deċiżjonijiet Nri 2/1999 (3), 1/2001 (4) u 2/2003 (5) tal-Kumitat Konġunt bejn il-KE u l-Andorra. It-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni, min-naħa ta' l-Andorra, tal-leġislazzjoni veterinarja Komunitarja li tidher f' din il-lista għandha sseħħ fi żmien 18-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1.   L-Andorra timpenja ruħha li tittrasponi u timplimenta d-disposizzjonijiet Komunitarji msemmija fl-Anness għal din id-Deċiżjoni fi żmien 18-il xahar mid-data ta' l-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

2.   Fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (6) l-Andorra jeħtiġilha tittrasponi u timplimenta biss id-disposizzjonijiet dwar is-sikurezza alimentari. Il-parteċipazzjoni ta' l-Andorra fis-sistema ta' twissija rapida stabbilita mill-Artikolu 50(6) ta' dak l-istess Regolament tinfetaħ mid-data tat-trasposizzjoni fil-liġi ta' l-Andorra u l-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq.

3.   L-Andorra tikkomunika lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri l-elenki ta' l-istabbilimenti approvati f'konformità ma' l-Artikolu 31 tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar kontrolli uffiċjali mwettqa sabiex tiġi assigurata l-verifika tal-konformita' mal-leġislazzjoni ta' l-għalf u ta' l-ikel, ir-regoli tas-saħħa u l-benessri ta' l-annimali (7)

4.   L-istabbilimenti fl-Andorra jkunu suġġetti għall-ispezzjonijiet Komunitarji bl-istess mod li huma l-istabbilimenti fi ħdan il-Komunità, skond l-Artikolu 45 ta' l-istess Regolament. Kif previst fit-Titolu V tar-Regolament (KE) Nru 882/2004 l-Andorra tippreżenta l-pjan tagħha għas-sorveljanza uffiċjali lis-sotto-grupp veterinarju stabbilit f'konformità ma' l-Artikolu 2 tal-Protokoll dwar kwistjonijiet veterinarji. Aġġornamenti sussegwenti tal-pjan tagħha jiġu notifikati lill-Kummissjoni u approvati minnha. Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tinforma lill-Istati Membri fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta' l-Annimali.

5.   Għal dak li għandu x'jaqsam mal-moviment mhux kummerċjali tal-pets u għall-implimentazzjoni tal-miżura uffiċjali ta' iżolament prevista taħt il-punt (b) tat-tielet sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġiet rigward is-saħħa ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets (8), l-Andorra tikkonkludi ftehim ma' Franza u Spanja. Biex timplimenta l-miżura taħt l-Artikolu 15 ta' dak l-istess Regolament, l-Andorra tuża l-laboratorji ddeżinjati mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2004/233/KE ta' l-4 ta' Marzu 2004 li tawtorizza l-laboratorji li jivverifikaw l-effettività f'ċerti karnivori domestiċi tat-tilqim kontra l-idrofobija (9). Fl-Anness II, parti B, taqsima 2 tar-Regolament, l-Andorra titneħħa mil-lista u tiddaħħal fl-Anness II Parti B taqsima 1.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar li jiġi wara dak li fih tiġi adottata.

Magħmul fi Brussel, nhar l-10 ta’ Ottubru 2005.

Għall-Kumitat Konġunt

Il-President

Juli MINOVES


(1)   ĠU L 374, 31.12.1990, p. 14.

(2)   ĠU L 148, 6.6.1997, p. 16.

(3)   ĠU L 31, 5.2.2000, p. 84.

(4)   ĠU L 33, 2.2.2002, p. 35.

(5)   ĠU L 269, 21.10.2003, p. 28.

(6)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 1642/2003 (ĠU L 245, 29.9.2003, p. 4).

(7)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(8)   ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1. Regolament emendat l-aħħar mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 425/2005 (ĠU L 69, 16.3.2005, p. 3)

(9)   ĠU L 71, 10.3.2004, p. 30. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/656/KE (ĠU L 241, 17.9.2005, p. 63).


ANNESS

Referenzi għal dawn it-test bażiċi għandhom jiġu mifhuma li jinkludu referenzi għall-emendi u għar-regoli ta' implimentazzjoni kollha.

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji u r-rekwiżiti ġenerali tal-liġi alimentari, li tistabbilixxi l-Awtorità Ewropea għas-Sikurezza Alimentari u li tistipola proċeduri rigward is-sikurezza alimentari (1).

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene ta' l-oġġetti ta' l-ikel (2).

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistipola regoli speċifiċi dwar l-iġjene ta' l-ikel derivat mill-annimali (3).

Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistipola regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta' prodotti derivati mill-annimali u maħsuba għall-konsum mill-bniedem (4).

Ir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali biex tiġi żgurata l-verifika tal-konformità mal-liġi dwar l-għalf tal-bhejjem u l-ikel, saħħet l-annimali u r-regoli tal-benessri ta' l-annimali (5).

Id-Direttiva 2004/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li tirrevoka ċerti direttivi dwar l-iġjene ta' l-ikel u l-kundizzjonijiet sanitarji għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' ċerti prodotti dderivati mill-annimali u maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/662/KEE u 92/118/KEE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 95/408/KE (6).

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 998/2003 tas-26 ta' Mejju 2003 dwar ir-rekwiżiti sanitarji ta' l-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (7).

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta' Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' l-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttivi 92/102/KEE u 64/432/KEE (8).

Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji ta' l-annimali li jiggvernaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti għall-konsum mill-bniedem derivati mill-annimali (9).


(1)   ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(3)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)   ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.

(5)   ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(6)   ĠU L 157, 30.4.2004, p. 33.

(7)   ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.

(8)   ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8.

(9)   ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.