16.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

87


DEĊIŻJONI Nru 1/2005 TAL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI UE-KROAZJA

tas-26 ta' April 2005

li permezz tagħha jadotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu inklużi r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

(2005/404/KE)

IL-KUNSILL TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja (minn hawn ’il quddiem imsemmija l-“Kroazja”), min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikoli 110 u 111 tiegħu,

Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2005,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun presedut alternattivament, għal perjodi ta’ tnax-il xahar, minn rappreżentant tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Kroazja. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data ta’ l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ regolarment fil-livell ministerjali darba fis-sena. Bi qbil bejn il-Partijiet, jistgħu jsiru sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fuq talba ta' xi waħda mill-Partijiet.

Sakemm il-Partijiet ma jaqblux mod ieħor, kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha ssir fil-post fejn is-soltu jsiru laqgħat tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jissejħu b’mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rappreżentati f’laqgħa f’każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rappreżentat, huwa għandu jinnotifika lill-President bl-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha irid jiġi rappreżentat b’dan il-mod.

Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista' jeżerċità d-drittijiet kollha ta’ dan il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn uffiċjali.

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi informat dwar il-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

Rappreżentant tal-Bank Ewropew ta’ l-Investiment għandu jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbiliment u Assoċjazzjoni, bħala osservatur, meta l-aġenda tinkludi materji li jikkonċernaw lill-Bank.

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tal-Kroazja fi Brussel għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji għandhom jiżguraw li l-korrispondenza tingħadda lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn ikun opportun, tiġi ċirkolata lill-membri oħra tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza li tiġi ċirkolata għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, lir-Rappreżentanzi Permanenti ta’ l-Istati Membri u lill-Missjoni tal-Kroazja fi Brussel.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jiġu ċirkolati, fejn ikun opportun, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizzi indikati fil-paragrafu preċedenti.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi tal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trasmessa mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom il-President irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm ebda punt ma għandu jinkiteb fl-aġenda provviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni relattiva lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data tat-trasmissjoni ta' l-aġenda.

L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa.

Xi punt barra minn dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fl-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista’, bi qbil maż-żewġ Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta’ xi każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozzi tal-minuti ta’ kull laqgħa għandhom jitfasslu miż-żewġ Segretarji.

Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fl-aġenda:

id-dokumentazzjoni preżentata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni talab li jiddaħħlu,

id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li sar qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozzi tal-minuti għandhom jiġu preżentati, għall-approvazzjoni, lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Meta jiġu approvati, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom jiġu arkivjati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, li għandu jservi ta’ depożitarju tad-dokumenti ta' l-Assoċjazzjoni. Kopja ċertifikata għandha tingħadda lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-ftehim komuni bejn il-Partijiet. Matul il-perjodu bejn sessjoni u oħra, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fis-sens ta’ l-Artikolu 112 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, għandhom ikunu intestati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” segwiti minn numru ta’ serje progressiva, bid-data ta’ l-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji.

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom jingħaddew lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom ikunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet.

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f'dawn il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm il-Komunità kif ukoll il-Kroazja għandhom iħallsu l-ispejjeż li jagħmlu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward ta' spejjeż tal-persunal, ta’ vjaġġar u ta' sussistenza kif ukoll ta’ spejjeż postali u ta' telekomunikazzjoni.

Spejjeż konnessi ma' servizzi ta' interpreti fil-laqgħat, ma' traduzzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Komunità, barra l-ispiża konnessa mas-servizzi ta' interpretazzjoni jew traduzzjoni għall-Kroat jew mill-Kroat, li għandhom jitħallsu mill-Kroazja.

Spejjeż oħra relatati ma' l-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tilqa' l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1.   Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huwa b’dan stabbilit sabiex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietu. Għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea u rappreżentanti tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Gvern tal-Kroazja, min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ uffiċjali għolja taċ-ċivil.

2.   Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, ġeneralment, jiżgura l-kontinwità tar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni u tal-funzjonament korrett tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandu jieħu kont ta' kull materja riferita lilu mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll ta' kull kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-implimentazzjoni ta' kuljum tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Għandu jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

3.   Fil-każijiet fejn il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jirreferi għal obbligu ta’ konsultazzjoni jew għall-possibbiltà ta’ konsultazzjoni, din il-konsultazzjoni tista’ ssir fi ħdan il-Kumitat ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni. Il-konsultazzjoni tista’ tissokta fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4.   Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

Magħmula fi Brussell, 26 ta' April 2005.

Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

J. ASSELBORN


ANNESS

Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jkun presedut alternattivament għal perjodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, u minn rappreżentant tal-Gvern tal-Kroazja. L-ewwel perjodu għandu jibda fid-data ta’ l-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2005.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandu jiltaqa’ meta jitolbu hekk iċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet.

Kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandha ssir fi żmien u f’post miftiehma miż-żewġ Partijiet.

Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President għandu jiġi nformat dwar il-kompożizzjoni prevista tad-delegazzjoni ta’ kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tal-Kroazja għandhom flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Il-komunikazzjonijiet kollha magħmula lill-President tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll dawk kollha li jsiru minnu, previsti f'din id-Deċiżjoni, għandhom isiru lis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni u lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma għandhomx ikunu pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi tal-laqgħat

1.   Il-President għandu jfassal aġenda provviżorja għal kull laqgħa. Din għandha tiġi trasmessa mis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa.

L-aġenda provviżorja għandha tinkludi l-punti li fir-rigward tagħhom il-President irċieva talba għall-inklużjoni fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm ebda punt ma għandu jinkiteb fl-aġenda provviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni relattiva lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data tat-trasmissjoni ta' l-aġenda.

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden esperti sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

L-aġenda għandha tiġi adottata mill-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta' kull laqgħa. Jista’ jitqiegħed fl-aġenda xi punt barra minn dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2.   Il-President jista’, bi qbil maż-żewġ Partijiet, iqassar il-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafu 1 sabiex jittieħed kont tal-ħtiġijiet ta’ xi każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għandhom jittieħdu l-minuti ta' kull laqgħa, li għandhom ikunu bbażati fuq riassunt magħmul mill-President tal-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom il-Kumitat ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji u jiġu konservati minn kull Parti. Għandha tiġi trasmessa kopja tal-minuti lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni taħt l-Artikolu 114 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jieħu deċiżjonijiet/jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti għandhom ikunu intestati rispettivament “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni”, segwiti b’numru ta’ serje progressiva, bid-data ta’ l-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom isiru bi qbil komuni bejn il-Partijiet.

Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għandhom jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji u għandhom jiġu trasmessi lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Anness.

Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm il-Komunità kif ukoll il-Kroazja għandhom iħallsu l-ispejjeż li jagħmlu għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward ta' spejjeż tal-persunal, ta’ vjaġġar u ta' sussistenza kif ukoll ta’ spejjeż postali u ta' telekomunikazzjoni.

Spejjeż konnessi ma' servizzi ta' interpreti fil-laqgħat, ma' traduzzjoni u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Komunità, barra l-ispiża konnessa mas-servizzi ta' interpretazzjoni jew traduzzjoni għall-Kroat jew mill-Kroat, li għandhom jitħallsu mill-Kroazja. Spejjeż oħra relatati ma' l-organizzazzjoni tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tilqa' l-laqgħat.

Artikolu 10

Sottokumitati u gruppi speċjali

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistitwixxi sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex joperaw taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, li lilu għandhom jirrapportaw wara kull laqgħa tagħhom. Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalunkwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel il-mandat tiegħu jew jistitwixxi sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ma għandhom ikollhom l-ebda setgħa deċiżjonali.