13.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

217


DEĊIŻJONI Nru. 1/2004 TAL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI UE-BULGARIJA

tat-28 ta’ Settembru 2004

li temenda l-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' estensjoni tal-perijodu stabbilit fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew

(2005/208/KE)

IL-KUNSILL TA' ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra (1) (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-“Ftehim Ewropew”),

Wara li kkunsidra l-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew, u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew ġie ffirmat bejn il-Partijiet fil-21 ta' Novembru 2002.

(2)

Skond l-Artikolu 5 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali japplika provviżorjament mid-data tal-firma.

(3)

Bidliet reċenti fil-leġiżlazzjoni Bulgara mmodifikaw id-distribuzzjoni ta' funzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet implimentattivi.

(4)

Sabiex tiġi żgurata l-konformità bejn il-Protokoll Addizzjonali u l-bidliet istituzzjonali Bulgari, hu xieraq li jiġu emendati l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3 tal-Protokoll Addizzjonali billi jiġu adattati r-referenzi għall-istituzzjonijiet Bulgari rilevanti. Dan hu meħtieġ biex jippermetti l-implimentazzjoni fil-Bulgarija tal-Protokoll Addizzjonali.

(5)

Skond l-Artikolu 4 tiegħu, il-Protokoll Addizzjonali jista' jiġi emendat b'deċiżjoni tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikoli 2 u 3 tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tal-Bulgarija, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta' estensjoni tal-perijodu stabbilit fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2 tal-Ftehim Ewropew, għandhom jiġu sostitwiti b'li ġej:

“Artikolu 2

Ir-Repubblika tal-Bulgarija għandha tissottometti lill-Kummissjoni Ewropea programm ta' ristrutturar u pjanijiet ta' ħidma li jissodisfaw il-ħtiġiet elenkati fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2, u li ġew stmati u miftehma mill-Kummissjoni tagħha dwar il-Protezzjoni tal-Kompetizzjoni.

Artikolu 3

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi stima finali ta' jekk il-programm ta' ristrutturar u l-pjanijiet ta' ħidma jissodisfawx il-ħtiġiet elenkati fl-Artikolu 9(4) tal-Protokoll 2. Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea għandu jiddeċiedi jekk il-programm u l-pjanijiet jikkonformawx mal-ħtiġiet ta' l-Artikolu hawn fuq imsemmi.

Il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ regolari ta' l-implimentazzjoni tal-pjanijiet f'isem il-Komunità, u l-Ministeru tal-Finanzi għandu jagħmel dan għar-Repubblika tal-Bulgarija.”

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha mill-Kunsill ta' Assoċjazzjoni.

Magħmula fi Brussell, nhar it-28 ta’ Settembru 2004.

Għall-Kunsill ta' Assoċjazzjoni

Il-President

S. PASSY


(1)  ĠU L 358, tal-31.12.1994, p. 3.