31.12.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

181


DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE

Nru 23/2005

tat-8 ta’ Frar 2005

li temenda l-Protokoll 31 tal-Ftehim taż-ŻEE, dwar il-kooperazzjoni f’oqsma speċifiċi ‘l barra mill-erba’ libertajiet

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u b’mod partikolari l-Artikoli 86 u 98 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim kien emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 90/2004 tat-8 ta' Ġunju 2004 (1).

(2)

Ikun xieraq li l-kooperazzjoni tal-Partijiet Kontraenti tal-Ftehim tiġi estiża biex tkun tinkludi r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (2).

(3)

Il-Protokoll 31 tal-Ftehim għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti li sseħħ din il-kooperazzjoni estiża b’effett mill-1 ta’ Jannar 2005,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Dan li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 16 tal-Protokoll 31 tal-Ftehim:

“4.

(a)

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fiċ-Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ iċ-‘Ċentru’, kif stabbilit bl-att tal-Komunità li ġej:

32004 R 0851: Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li tistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1);

(b)

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jikkontribwixxu b’mod finanzjarju għall-attivitajiet imsemmija taħt (a) f’konformità ma’ l-Artikolu 82(1)(a) u l-Protokoll 32 tal-Ftehim;

(c)

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Bord tat-Tmexxija u għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fih bħall-Istati Membri ta’ l-UE ħlief għad-dritt tal-vot;

(d)

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom jipparteċipaw b’mod sħiħ fil-Forum Konsultattiv u għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fih bħall-Istati Membri ta’ l-UE;

(e)

L-Istati ta’ l-EFTA għandhom japplikaw il-Protokoll tal-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej u r-regoli applikabbli adottati skond il-Protokoll lill-Aġenzija u lill-personal tagħha;

(f)

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 12 (2) (a) tal-Kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet Ewropej, ċittadini ta’ l-Istati ta’ l-EFTA li jgawdu d-drittijiet sħaħ tagħhom bħala ċittadini jistgħu jiġu impjegati b’kuntratt mid-Direttur ta’ l-Aġenzija;

(g)

Permezz ta’ l-Artikolu 79(3) tal-Ftehim, il-Parti VII (Dispożizzjonijiet Istituzzjonali) tal-Ftehim għandha tapplika għal dan il-paragrafu;

(h)

Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni għandu, sabiex japplika dan ir-Regolament, japplika wkoll għal kwalunkwe dokument taċ-Ċentru dwar l-Istati ta’ l-EFTA.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-aħħar notifika lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE taħt l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim (*).

Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2005.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fis-Sezzjoni taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, 8 ta’ Frar 2005.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Richard WRIGHT


(1)  ĠU L 349, 25.11.2004, p. 52.

(2)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

(*)  Constitutional requirements indicated.