22005A1231(01)

Ftehim dwar Trattament ta’ Eżenzjoni Mid-Dazju Doganali għaċ-Ċirkuwiti Integrati b’ħafna Ċippijiet (L-MCPS)

Official Journal L 349 , 31/12/2005 P. 0025 - 0026
Official Journal L 175 , 29/06/2006 P. 0361 - 0362


Ftehim

dwar Trattament ta’ Eżenzjoni Mid-Dazju Doganali għaċ-Ċirkuwiti Integrati b’ħafna Ċippijiet (L-MCPS)

(1) Għall-iskopijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a) ċirkuwiti integrati b’ħafna ċippijiet (MCPs) huma dawk iċ-ċirkuwiti integrati b’ħafna ċippijiet li jikkonsistu f’żewġ ċirkuwiti, jew aktar, integrati monolitiċi u interkonnessi magħquda għall-għanijiet u l-finijiet kollha b’mod indiviż, kemm jekk huma jew mhumiex fuq substratt wieħed, jew aktar minn wieħed, li jiżola, bi frejm taċ-ċomb jew mingħajru, iżda mingħajr ebda elementi ta’ ċirkuwiti attivi jew passivi;

(b) Sistema Armonizzata tfisser id-Deskrizzjoni Armonizzata tal-Merkanzija u s-Sistema tal-Kodifikar kif deskritta fl-Anness tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Deskrizzjoni Armonizzata tal-Merkanzija u s-Sistema tal-Kodifikar, kif din tista’ tkun emendata, u kif addottata u implimentata mill-Partijiet fil-liġijiet u regolamenti rispettivi tagħhom;

(ċ) Parti tfisser Membru tal-GAMS jew kull Membru ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) li ddepożita l-istrument ta’ aċċettazzjoni tiegħu għand id-depożitarju; u

(d) it-termini użati f’dan il-Ftehim li huma użati wkoll fil-Ftehim ta’ Marrakech li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO) għandhom l-istess tifsira bħal fil-Ftehim tad-WTO.

(2) Dan il-Ftehim għandu japplika għall-MCPs kollha, irrispettivament minn fejn prodotti ta’ din ix-xorta huma kklassifikati fis-Sistema Armonizzata.

(3) Kull Parti għandha, abbażi tan-nazzjon l-aktar iffavorit, tnaqqas għal rata żero d-dazji doganali u dazji u spejjeż oħrajn, peress li dawn id-dazji u spejjeż huma deskritti fl-Artikolu II: 1(b) tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ ta’ l-1994 (il-GATT 1994), li dan japplika għall-MCPs, b’konformità ma’ dawn il-proċedimenti:

(a) Kull Parti għandha tapplika dazji jew spejjeż fuq l-MCPs b’rata żero sakemm il-Partijiet kollha jaqblu li livell suffiċjenti ta’ kummerċ dinji fl-MCPs hu kopert bi ftehim multilaterali dwar tariffi mnaqqsa taħt l-awspiċji tad-WTO.

(b) F’dak il-mument, jew, jekk dan ikun qabel il- 31 ta’ Diċembru 2006, fl- 1 ta’ Jannar 2007, kull Parti għandha tikkonsolida d-dazji u l-ispejjeż fuq l-MCPs b’rata żero.

(ċ) Il-Partijiet kollha jaqblu li jikkooperaw mal-Membri l-oħra tad-WTO biex tintlaħaq kopertura ta’ 90 fil-mija tal-kummerċ dinji ta’ l-MCPs f’dan il-ftehim dwar tariffi mnaqqsa.

(4) (a) Kull Parti għandha, fil-mument ta’ l-aċċettazzjoni tagħha ta’ dan il-Ftehim, tipprovdi lid-depożitarju lista ta’ l-intestaturi fl-iskeda tagħha tat-tariffi li tinkudi l-MCPs. Jekk Parti tikklassifika sussegwentement MCP taħt intestatura li mhix inkluża fil-lista oriġinali tagħha, dik il-Parti għandha mingħajr telf ta’ żmien tipprovdi lista emendata lid-depożitarju.

(b) Kull Parti tista’ f’kull mument titlob emendi f’lista ta’ Parti oħra li hi taħseb li mhix kompluta, f’dan il-każ il-Parti rikjesta għandha tikkonsulta u taħdem mal-Parti li qed tagħmel b’bonafidi r-rikjesta biex tagħmel l-emendi kollha neċessarji. Il-lista emendata għandha tkun ipprovduta lid-depożitarju.

(ċ) Id-depożitarju għandu jittrażmetti l-lista pprovduta, inklużi l-emendi, lill-Partijiet kollha.

(5) Minkejja l-liberalizzazzjoni awtonoma tad-dazji u l-ispejjeż applikati fuq l-MCPs bis-saħħa ta’ dan il-Ftehim, kull Parti għandha tingħata l-permess li tikkunsidra l-irbit ta’ tariffi fuq l-MCPs b’rata żero bħala parti mill-bilanċ tagħha ġenerali tal-konċessjonijiet fi ftehim multilaterali dwar tariffi mnaqqsa taħt l-awspiċji tad-WTO.

(6) Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jkun interpretat li jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ Parti taħt il-Ftehim tad-WTO.

(7) (a) Wara li d-depożitarju jirċievi erba’ strumenti ta’ aċċettazzjoni mingħand il-Membri tal-GAMS, dawn il-Partijiet għandhom jaqblu dwar data li fiha l-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ.

(b) Dan il-Ftehim għandu jkun miftuħ għall-aċċettazzjoni minn kull Membru tad-WTO. Aċċettazzjoni li ssegwi d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim għandha tidħol fis-seħħ fid-data meta tali aċċettazzjoni tasal għand id-depożitarju. Id-depożitarju għandu jinforma lill-Partijiet kollha hekk kif jirċievi aċċettazzjoni.

(ċ) Jekk il-Partijiet jaqblu li jemendaw dan il-Ftehim, is-subparagrafi (a) u (b) għandhom japplikaw mutatis mutandis għal din l-emenda.

(8) Meta l-Partijiet kollha jorbtu d-dazji u l-ispejjeż fuq l-MCPs b’rata żero skond il-paragrafu 3 subparagrafi (a) sa (ċ), dan il-Ftehim għandu jispiċċa.

(9) L-oriġinal ta’ dan il-Ftehim bil-lingwa Ingliża kif ukoll l-istrumenti ta’ aċċettazzjoni għandhom ikunu ddepożitati għand is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea.

--------------------------------------------------