22004A0124(01)



Official Journal L 017 , 24/01/2004 P. 0025 - 0039


Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Reġjun Amministrat b'mod Speċjali tal-Hong Kong tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jabitaw mingħajr awtorizzazzjoni

IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

IL-KOMUNITÀ EWROPEA,

minn hawn ‘il quddiem imsejħa "il-Komunità",

u

IL-GVERN TAR-REĠJUN AMMINISTRAT B'MOD SPEĊJALI TAL-HONG KONG TAR-REPUBBLIKA POPOLARI TAĊ-ĊINA,

hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejħa "il-Hong Kong SAR",

DETERMINATI li jsaħħu l-koperazzjoni ta' bejniethom sabiex jiġġieldu l-immigrazzjoni illegali b'mod aktar effettiv,

JAGĦMLU REFERENZA għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 [1], u b'mod partikolari għall-Artikolu 1(2) flimkien ma' l-Anness II tiegħu, u jeżentaw lid-detenturi ta' passaport tar-"Reġjun Amministrat b'mod Speċjali tal-Hong Kong" mill-ħtieġa, għall-żjarat ta' mhux aktar minn tliet xhur b'kollox, li jkollhom fil-pussess tagħhom viża waqt li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea,

XEWQANA li jistabbilixxu, permezz ta' dan il-Ftehim u fuq il-bażi tar-reċiprokarità, proċeduri rapidi u effettivi għall-identifikazzjoni u r-ritorn ta' persuni, li ma jkunux jew ma jkunux għadhom jikkonformu mal-kondizzjonijiet tad-dħul, biex ikunu preżenti jew biex joqgħodu fit-territorji tal-Hong Kong SAR jewf'wieħed mill-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea, u biex jiffaċilitaw it-transitu ta' dawn il-persuni fi spirtu ta' koperazzjoni,

JIKKONSIDRAW li d-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim, li jagħmel parti mill-prospettiva tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, ma jgħoddux għar-Renju tad-Danimarka, skond il-protokoll fuq il-posizzjoni tad-Danimarka li hu anness mat-Trattat dwar l-Unjoni ta' l-Ewropa u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskop ta' dan il-Ftehim:

(a) "Stat Membru" għandu jfisser kwalunkwe Stat Membru ta' l-Unjoni Ewropea, minbarra r-Renju tad-Danimarka;

(b) "ċittadin ta' Stat Membru" għandha tfisser kwalunkwe persuna li żżomm in-nazzjonalità, kif imfissra għall-iskopijiet tal-Komunità, ta' Stat Membru;

(ċ) "residenza permanenti tal-Hong Kong SAR" għandha tfisser kwalunkwe persuna li għandha d-dritt li tabita, iġifieri id-dritt li tgħix b'mod permanenti fil-Hong Kong SAR;

(d) "persuna ta' ġurisdizzjoni oħra" għandha tfisser kwalunkwe persuna li ma tkunx residenti b'mod permanenti fil-Hong Kong SAR, u l-anqas ma tkun ċittadin ta' Stat Membru. Din għandha tinkludi ċittadini ta' terzi pajjiżi u persuni mingħajr ċittadinanza ta' stat;

(e) "persuni mingħajr ċittadinanza ta' stat" għandha tfisser kwalunkwe persuna li ma jkolliex nazzjonalità;

(f) "awtorizzazzjoni għar-residenza"' għandha tfisser permess ta' kull tip maħruġ mill-Hong Kong SAR jew minn wieħed mill-Istati Membri li jagħti permess lill-persuna biex tabita fit-territorju tiegħu. Din m'għandhiex tinkludi l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' residenza jew għall-permessi temporanji biex il-persuna tibqa' fit-territorju bħala viżitatur jew b'konnessjoni ma' l-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-kenn;

(g) "viża" għandha tfisser l-awtorizzazzjoni maħruġa jew id-deċiżjoni meħuda mill-Hong Kong SAR jew minn wieħed mill-Istati Membri li tippermetti d-dħul ta' persuna, jew it-transitu tagħha, mit-territorju tiegħu u li tinħareġ jew tittieħed qabel il-persuna tkun waslet fuq il-fruntiera. Din m'għandiex tinkludi viża tat-transitu bl-ajru.

TAQSIMA 1

AMMISSJONI MILL-ĠDID MILL-HONG KONG SAR

Artikolu 2

Ammissjoni mill-ġdid tar-residenti permanenti u ta' persuni li kienu residenti permanenti

1. Il-Hong Kong SAR għandu jerġa' jaċċetta, fuq applikazzjoni ta' Stat Membru u mingħajr ebda formalitajiet oħra barra dawk imsemmija f'dan il-Ftehim, lill-persuni kollha li ma jkunux, jew li ma jkunux għadhom jikkonformu mal-kondizzjonijiet preżenti għad-dħul, preżenza, jew residenza, fil-territorju ta' l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba dejjem jekk tingħata prova, jew ikun maħsub b'mod leġittimu u fuq bażi ta' l-evidenza prima facie, li huma jkunu residenti permanenti tal-Hong Kong SAR. L-istess għandu jgħodd għall-persuni li, minn meta jidħlu fit-territorju ta' Stat membru, ikunu tilfu d-dritt tagħom għar-residenza permanenti fil-Hong Kong SAR, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ġew mill-inqas imwiegħda in-naturalizzazzjoni minn dak l-Istat Membru.

2. Fuq talba ta' Stat Membru, il-Hong Kong SAR għandu, skond kif ikun neċessarju u mingħajr dewmien, joħroġ id-dokument għall-ivjaġġar li l-persuna li tkun ser tiġi ammessa mill-ġdid ikollha bżonn għar-ritorn tagħha li jkun ta' perjodu ta' validità ta' mill-inqas sitt xhur. Jekk, għall-raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna ikkonċernata ma tkunx tista' tiġi trasferita fi żmien il-perjodu ta' validità tad-dokument ta' l-ivvjaġġar li jkun inħareġ oriġinarjament, il-Hong Kong SAR għandu joħroġ dokument ġdid ta' l-ivvjaġġar li jkollu l-istess perjodu ta' validità fi żmien 14-il ġurnata. Jekk il-Hong Kong SAR ma joħroġx id-dokument ta' l-ivvjaġġar mitlub fi żmien 15-il ġurnata mid-data tat-talba għandu jiġi meqjus bħala li jaċċetta l-użu ta' dokument standard ta' l-ivvjaġġar ta' l-UE għall-iskopijiet ta' l-ammissjoni mill-ġdid.

Artikolu 3

Ammissjoni mill-ġdid ta' persuni ta' ġurisdizzjoni oħra

1. Il-Hong Kong SAR għandu jaċċetta mill-ġdid, fuq applikazzjoni ta' Stat Membru u mingħajr ebda formalitajiet oħra barra minn dawk imsemmija f'dan il-Ftehim, lill-persuni kollha ta' ġurisdizzjoni oħra li ma jkunux, jew ma jkunux għadhom jikkonformu mal-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, preżenza, jew residenza, fit-territorju ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba dejjem jekk tingħata prova, jew ikun maħsub b'mod leġittimu fuq bażi ta' l-evidenza prima facie li tkun ingħatat, li persuni bħal dawn:

(a) fiż-żmien tad-dħul ikollhom viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza valida maħruġa mill-Hong Kong SAR; jew

(b) wara li jkunu daħlu fit-territorju tal-Hong Kong SAR, ikomplu biex jidħlu fit-territorju ta' l-Istati Membri b'mod illegali, direttament mit-territorju tal-Hong Kong SAR.

2. L-obbligu għall-ammissjoni mill-ġdid fil-paragrafu 1 m'għandhiex tapplika f'każ li:

(a) persuna minn ġurisdizzjoni oħra tkun fi transitu permezz ta' l-ajru mill-Ajruport Internazzjonali ta' Hong Kong; jew

(b) l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkun ħareġ viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza lill-persuna ta' ġurisdizzjoni oħra qabel jew wara li din tkun daħlet fit-territorju tiegħu, liema viża jew awtorizzazzjoni ikunu validi għall-perjodu itwal minn kwalunkwe viża jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-Hong Kong SAR; jew

(ċ) l-persuna ta' ġurisdizzjoni oħra tkun gawdiet aċċess mingħajr viża għat-territorju ta' l-Istat Membru li jagħmel it-talba.

3. Fuq talba ta' Stat Membru, il-Hong Kong SAR għandu, skond kif ikun meħtieġ u mingħajr dewmien, joħroġ id-dokument għall-ivvjaġġar li l-persuna li tkun ser tiġi aċċettata mill-ġdid ikollha bżonn għar-ritorn tagħha li jkun ta' perjodu ta' validità ta' mill-anqas sitt xhur. Jekk, għal raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna ikkonċernata ma tkunx tista' tiġi trasferita waqt il-perjodu ta' validità tad-dokument ta' l-ivvjaġġar li jkun inħareġ oriġinarjament, il-Hong Kong SAR għandu joħroġ dokument ġdid bl-istess perjodu ta' validità fi żmien 14-il ġurnata. Jekk il-Hong Kong SAR ma joħroġx id-dokumenti mitluba ta' l-ivvjaġġar fi żmien 15-il ġurnata mid-data tat-talba għandu jiġi meqjus bħala li aċċetta l-użu tad-dokument standard ta' l-ivvjaġġar ta' l-UE għall-iskopijiet ta' l-ammissjoni mill-ġdid.

TAQSIMA II

AMMISSJONI MILL-ĠDID MILL-KOMUNITÀ

Artikolu 4

Ammissjoni mill-ġdid ta' ċittadini proprji u ta' persuni li kienu ċittadini proprji

1. Stat Membru għandu jerġa jaċċetta, fuq applikazzjoni tal-Hong Kong SAR u mingħajr ebda formalitajiet oħra minbarra dawk imsemmija f'dan il-Ftehim, lill-persuni kollha li ma jkunux, jew ma jkunux għadhomx jikkonformu mal-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, preżenza, jew residenza, fit-territorju tal-Hong Kong SAR dejjem jekk tingħata prova, jew ikun maħsub b'mod leġittimu fuq bażi ta' l-evidenza prima facie li tkun ingħatat, li huma jkunu individwi ta' dak l-Istat Membru.

L-istess għandu jgħodd għall-persuni li jkunu ġew imċaħħda, jew li jkunu ċaħdu, in-nazzjonalità ta' Stat Membru minn meta jkunu daħlu fit-territorju tal-Hong Kong SAR sakemm dawn il-persuni ma jkunux ta' l-inqas ġew imwiegħda residenza permanenti fil-Hong Kong SAR.

2. Fuq it-talba tal-Hong Kong SAR, Stat Membru għandu, skond kif ikun neċessarju u mingħajr dewmien, joħroġ id-dokument ta' l-ivvjaġġar lill-persuna li tkun ser tiġi aċċettata mill-ġdid għar-ritorn tagħha liema dokument għandu jkun validu għall-perjodu ta' mill-anqas sitt xhur. Jekk, għall-raġunijiet legali jew fattwali, il-persuna ikkonċernata ma tkunx tista' tiġi trasferita waqt il-perjodu ta' validità tad-dokument ta' l-ivvjaġġar li jkun inħareġ oriġinarjament, l-Istat Membru għandu joħroġ dokument ġdid bl-istess perjodu ta' validità fi żmien 14-il ġurnata.

Artikolu 5

Ammissjoni mill-ġdid ta' persuni minn ġurisdizzjoni oħra

1. Stat Membru għandu jaċċetta mill-ġdid, fuq applikazzjoni tal-Hong Kong SAR u mingħajr ebda formalitajiet minbarra dawk imsemmija f'dan il-Ftehim, lill-persuni kollha minn ġurisdizzjoni oħra li ma jkunux, jew ma jkunux għadhom jikkonformu mal-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, preżenza, jew residenza, fit-territorju tal-Hong Kong SAR dejjem jekk tingħata prova, jew ikun maħsub b'mod leġittimu fuq bażi ta' l-evidenza prima facie li tkun ingħatat, li dawn il-persuni:

(a) fiż-żmien tad-dħul kellhom viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza valida maħruġa mill-Istat Membru mitlub; jew

(b) wara li jkunu daħlu fit-territorju ta' l-Istat Membru mitlub, ikunu komplew deħlin aktar b'mod illegali fit-territorju tal-Hong Kong SAR, direttament mit-territorju ta' l-Istat Membru mitlub.

2. L-obbligu għall-ammissjoni mill-ġdid fil-paragrafu 1 m'għandiex tapplika jekk:

(a) il-persuna ta' ġurisdizzjoni oħra tkun fi transitu bl-ajru mill-ajruport internazzjonali ta' l-Istat Membru mitlub; jew

(b) Il-Hong Kong SAR ikun ħareġ viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza lill-persuna ta' ġurisdizzjoni oħra qabel jew wara li din tkun daħlet fit-territorju tiegħu, liema viża jew awtorizzazzjoni jkunu validi għall-perjodu itwal minn kwalunkwe viża jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-Istat Membru mitlub; jew

(ċ) il-persuna ta' ġurisdizzjoni oħra tkun gawdiet minn aċċess bla viża għat-territorju tal-Hong Kong SAR.

3. Jekk tnejn jew aktar Stati Membri ikunu ħarġu viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza, l-obbligu għall-ammissjoni mill-ġdid fil-paragrafu 1 ikun għall-Istat Membru li joħroġ id-dokument bl-itwal perjodu ta' validità jew, jekk wieħed jew aktar mid-dokumenti jkunu diġà skadew, id-dokument li jkun għadu validu. Jekk id-dokumenti kollha jkunu diġà skadew, l-obbligu għall-ammissjoni mill-ġdid fil-paragrafu wieħed ikun għall-Istat Membru li joħroġ id-dokument bl-aktar data ta' l-iskadenza reċenti.

4. Fuq talba tal-Hong Kong SAR, Stat Membru għandu, skond kif ikun neċessarju u mingħajr dewmien, joħroġ id-dokument li l-persuna tkun se tiġi ammessa mill-ġdid ikollha bżonn għar-ritorn tagħha li jkun ta' perjodu ta' validità ta' mill-anqas sitt xhur. Jekk għal raġunijiet fattwali jew legali, il-persuna ikkonċernata ma tkunx tista' tiġi trasferita waqt il-perjodu ta' validità tad-dokument ta' l-ivvjaġġar li jkun inħareġ oriġinarjament, l-Istat Membru ikkonċernat għandu joħroġ dokument ta' l-ivvjaġġar ġdid bl-istess perjodu ta' validità fi żmien 14-il ġurnata.

TAQSIMA III

PROĊEDURA TA' L-AMMISSJONI MILL-ĠDID

Artikolu 6

Il-prinċipju

1. Suġġett għall-paragrafu 2, it-trasferiment ta' persuna li għandha tiġi aċċettata mill-ġdid fuq bażi ta' wieħed mill-obbligi inklużi fl-Artikoli minn 2 sa 5 għandu bżonn is-sottomissjoni ta' l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti mitluba.

2. L-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid tista' tiġi mibdula b'komunikazzjoni bil-miktub lill-Parti Kontraenti mitluba f'perjodu ta' żmien raġonevoli qabel ir-ritorn ta' dik il-persuna ikkonċernata dejjem jekk

(a) il-persuna li jkollha tiġi aċċettata mill-ġdid ikollha dokument ta' l-ivvjaġġar validu u, fejn ikun applikabbli, viża jew awtorizzazzjoni għar-residenza valida tal-Parti Kontraenti mitluba; u

(b) il-persuna li jkollha tiġi aċċettata mill-ġdid tkun lesta tirritorna għand il-Parti Kontraenti mitluba.

Artikolu 7

Applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid

1. Kwalunkwe applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) id-dettalji tal-persuna li tkun ser tiġi aċċettata mill-ġdid (eż. l-ismijiet mogħtija, il-kunjomijiet, id-data tat-twelid, u, fejn possibbli, il-post tat-twelid, u l-aħħar lok ta' residenza;

(b) kopji tad-dokumenti li jagħtu prova jew evidenza prima facie tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti.

2. Sa fejn ikun possibbli, l-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja:

(a) dikjarazzjoni li turi li l-persuna li tkun ser tiġi trasferita jista' jkollha bżonn l-għajnuna jew kura, dejjem jekk il-persuna ikkonċernata tkun aċċettat b'mod espliċitu din id-dikjarazzjoni;

(b) kwalunkwe miżura oħra ta' protezzjoni jew ta' sigurtà li tista' tkun meħtieġa f'każ ta' trasferiment individwali.

3. Formola komuni li għandha tintuża għall-applikazzjonijiet ta' ammissjoni mill-ġdid hija mehmuża bħala l-Anness 5 għal dan il-Ftehim.

Artikolu 8

Mezzi ta' evidenza li jikkonċernaw in-nazzjonalità jew ir-residenza permanenti

1. Prova tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti skond l-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tista' tingħata permezz tad-dokumenti elenkati fl-Anness 1 ta' dan il-Ftehim, anke jekk il-perjodu ta' validità tagħhom ikun skada. Jekk dawn id-dokumenti jiġu ippreżentati, l-Istati Mmebri għandhom jirrikonoxxu n-nazzjonalità, u l-Hong Kong SAR għandu jirrikonoxxi r-residenza permanenti, mingħajr formalitajiet oħra. Prova tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti ma tistax tingħata permezz ta' dokumenti foloz.

2. Evidenza prima facie tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti skond l-Arikolu 2(1) u l-Artikolu 4(1) tista' tingħata permezz tad-dokumenti elenkati fl-Anness 2 ta' dan il-Ftehim anke jekk il-perjodu ta' validità tagħhom ikun skada. Jekk dawn id-dokumenti jiġu ippreżentati, l-Istati Membri għandhom iqisu n-nazzjonalità, u l-Hong Kong SAR għandu jqis ir-residenza permanenti, bħala stabbiliti sakemm ma jkunux jistgħu jagħtu prova mod ieħor.

3. Jekk l-ebda mid-dokumenti elenkati fl-Annessi 1 u 2 ma jkunx jista' jiġi ippreżentat, l-awtoritajiet kompetenti tal-Hong Kong SAR jew ta' l-Istat Membru ikkonċernat għandhom, fuq talba, jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa sabiex jiġu stabbiliti n-nazzjonalità jew ir-residenza permanenti tiegħu jew tagħha.

Artikolu 9

Mezzi ta' evidenza li jikkonċernaw persuni ta' ġurisdizzjoni oħra

1. Prova tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni ta' ġurisdizzjoni oħra stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) tista' tingħata permezz tal-mezzi ta' l-evidenza elenkati fl-Anness 3 għal dan il-Ftehim; ma tistax tingħata permezz ta' dokumenti foloz. Kwalunkwe prova ta' dan it-tip għandha tiġi rikonoxxuta b'mod reċiproku mill-Partijiet Kontraenti mingħajr formalitajiet oħra.

2. Evidenza prima facie tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni mill-ġdid tal-persuni ta' ġurisdizzjoni oħra stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 5(1) tista' tingħata permezz tal-mezzi ta' l-evidenza elenkati fl-Anness 4 ta' dan il-Ftehim. Meta evidenza prima facie bħal din tiġi ippreżentata, il-Partijiet Kontraenti għandhom iqisu l-kondizzjonijiet li jridu jiġu stabbiliti sakemm ma jkunux jistgħu jagħtu evidenza mod ieħor.

3. In-nuqqas ta' leġittimità tad-dħul, preżenza jew residenza tista' tiġi stabbilita permezz tad-dokumenti ta' l-ivvjaġġar tal-persuna ikkonċernata li fihom il-viża meħtieġa jew l-awtorizzazzjoni l-oħra ta' residenza għat-territorju ta' l-Istat Membru li jkun qed jippreżenta t-talba jew tal-Hong Kong SAR ikunu nieqsa. Dikjarazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti li tippreżenta t-talba li l-persuna ikkonċernata tkun nieqsa mid-dokumenti meħtieġa ta' l-ivvjaġġar, il-viża jew l-awtorizzazzjoni ta' residenza għandhom bl-istess mod jipprovdu prova prima facie tad-dħul, preżenza jew residenza mhux leġittima.

Artikolu 10

Limiti ta' żmien

1. L-applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti mitluba bħala massimu fi żmien sena wara li l-awtorità li tipperżenta t-talba tkun irċeviet tagħrif li persuna ta' ġurisdizzjoni oħra ma tkunx jew ma tkunx għadha tikkonformi mal-kondizzjonijiet fis-seħħ għad-dħul, preżenza jew residenza. Fejn ikun hemm ostakli legali jew fattwali għall-applikazzjoni li tiġi sottomessa fil-ħin, il-limitu ta' żmien għandu, fuq talba, jiġi miżjud iżda sakemm biss l-ostakli jkunu fis-seħħ.

2. Applikazzjoni għall-ammissjoni mill-ġdid għandha tingħata risposta mingħajr dewmien żejjed, u f'kull każ fi żmien massimu ta' xahar; raġunijiet għandhom jingħataw f'każ li tiġi miċħuda t-talba għall-ammissjoni mill-ġdid. Dan il-limitu ta' żmien jibda jgħodd mid-data ta' meta tiġi irċevuta t-talba għall-ammissjoni mill-ġdid. Hekk kif jintemm dan il-limitu ta' żmien it-trasferiment għandu jitqies bħala milqugħ.

3. Wara li jkun intlaħaq il-ftehim jew, fejn xieraq, hekk kif jiskadi l-limitu ta' żmien ta' xahar, il-persuna ikkonċernata għandha tiġi trasferita mingħajr dewmien żejjed u, l-aktar, fi żmien tliet xhur. Hekk kif issir l-applikazzjoni, il-limitu ta' żmien jista' jiżdied bl-ammont ta' ħin li jittieħed sabiex jiġu trattati l-ostakli legali u prattiċi.

Artikolu 11

Modalitajiet tat-trasferiment u metodi ta' trasport

1. Qabel tintbgħat persuna lura, l-awtoritajiet kompetenti tal-Hong Kong SAR u ta' l-Istat Membru ikkonċernat għandhom jagħmlu l-arranġamenti bil-miktub u bil-quddiem rigward id-data tat-trasferiment, il-post preċiż fejn tkun ser tinqasam il-fruntiera u l-iskorta possibli.

2. L-ebda mezz ta' transport, kemm jekk bl-ajru, bl-art jew bil-baħar, m'għandu jiġi miċħud, iżda, bħala regola, ir-ritorn għandu jsir bl-ajru. Ir-ritorn bl-ajru m'għandux ikun ristrett għall-użu ta' trasportaturi nazzjonali jew ta' l-istaff ta' sigurtà tal-Parti Kontraenti li tipperżenta t-talba, u jista' jsir bl-użu ta' titjiriet bi skeda kif ukoll permezz ta' titjiriet b'ajruplani mikrija.

TAQSIMA IV

OPERAZZJONIJIET TA' TRANSITU

Artikolu 12

Prinċipji

1. Il-Hong Kong SAR għandu jippermetti t-transitu ta' persuni ta' ġurisdizzjoni oħra mit-territorju tiegħu jekk Stat Membru jitlob dan, u Stat Membru għandu jawtorizza t-transitu ta' persuni ta' ġurisdizzjoni oħra mit-territorju tiegħu jekk il-Hong Kong SAR jitlob dan, sakemm tkun assigurata l-kontinwazzjoni tal-vjaġġ fi Stati ta' transitu oħrajn u l-ammissjoni mill-ġdid mill-Istat tad-destinazzjoni.

2. L-Istati Membri u l-Hong Kong SAR għandhom jaħdmu biex jirrestrinġu t-transitu ta' persuni minn ġurisdizzjoni oħra għall-każi fejn il-persuni ma jkunux jistgħu jintbagħtu lura direttament lejn l-Istat ta' destinazzjoni.

3. It-transitu jista' jiġi miċħud mill-Hong Kong SAR jew minn Stat Membru:

(a) jekk persuna minn ġurisdizzjoni oħra tkun f'riskju ta' persekuzzjoni, jew ikun hemm il-probabbiltà li suġġetta għal prosekuzzjoni jew għal sanzjonijiet kriminali fi Stat ieħor ta' transitu jew fl-Istat ta' destinazzjoni, jew tista' tiġi mhedda b'prosekuzzjoni kriminali fit-territorju ta' l-Istat Membru mitlub jew tal-Hong Kong SAR;

(b) fuq bażi ta' saħħa pubblika, sigurtà domestika, ordni pubblika jew interessi nazzjonali oħra.

4. Il-Hong Kong SAR jew l-Istat Membru jista' jħassar kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa jekk iċ-ċirkostanzi msemmija fil-paragrafu 3 jinħolqu wara jew isiru magħrufa u jtellfu l-operazzjoni ta' transitu, jew jekk il-vjaġġ sussegwenti fl-Istati possibbli ta' transitu jew l-ammissjoni mill-ġdid ta' l-Istat ta' destinazzjoni ma jkunux għadhom assigurati.

Artikolu 13

Il-proċedura ta' transitu

1. Applikazzjoni ta' transitu bil-miktub għandha tiġi sottomessa lill-awtoritajiet kompetenti u għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) it-tip ta' transitu (bl-ajru, bl-art jew bil-baħar), Stati oħra li jkunu possibli għat-transitu u d-destinazzjoni finali li tkun ippjanata;

(b) id-dettalji tal-persuna ikkonċernata (eż. l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid, u - fejn ikun possibbli - il-post tat-twelid, in-nazzjonalità, it-tip u n-numru tad-dokument ta' l-ivvjaġġar);

(ċ) il-post preċiż li jkun maħsub biex tinqasam il-fruntiera, il-ħin tat-trasferiment u l-użu possibli ta' l-iskorta;

(d) dikjarazzjoni li fid-dawl tal-Parti Kontraenti li tipperżenta t-talba, il-kondizzjonijiet skond l-Artikolu 12(2) jiġu milħuqa, u l-ebda raġunijiet għal ċaħda ma jkunu mgħarrfa skond l-Artikolu 12(3).

Formola komuni li għandha tintuża għall-applikazzjonijiet ta' transitu hija mehmuża bħala l-Anness 6 għal dan il-Ftehim.

2. L-awtorità kompetenti tal-Parti Kontraenti mitluba għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma bil-miktub lill-awtorità kompetenti li tippreżenta t-talba bl-ammissjoni, waqt li tikkonferma l-post preċiż minn fejn għandha tinqasam il-fruntiera u ż-żmien maħsub għall-ammissjoni, jew tinformha biċ-ċaħda għall-ammissjoni u r-raġunijiet għal din iċ-ċaħda.

3. Jekk it-transitu jsir bl-ajru, il-persuna li għandha tiġi aċċettata mill-ġdid u l-iskorta li tista' tkun preżenti għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jiksbu viża ta' transitu ta' l-ajruport.

4. L-awtoritajiet kompetenti tal-Parti Kontraenti mitluba għandhom, fuq konsiderazzjoni ta' konsultazzjonijiet reċiproċi, jgħinu fit-transitu, b'mod partikolari permezz ta' sorveljanza tal-persuni involuti u permezz tal-provvediment tal-faċilitajiet adattati għal dak il-għan.

TAQSIMA V

SPEJJEŻ

Artikolu 14

Trasport u Spejjeż tat-transitu

Mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' l-awtoritajiet kompetenti li jirkupraw l-ispejjeż assoċjati ma' l-ammissjoni mill-ġdid mingħand il-persuna li jkollha tiġi aċċettata mill-ġdid jew mingħand it-terzi partijiet, l-ispejjeż kollha għat-trasport li jsiru minħabba l-ammissjoni mill-ġdid u t-transitu skond dan il-Ftehim sal-fruntiera ta' l-Istat li jkun id-destinazzjoni finali għandhom jitħallsu mill-Parti Kontraenti li tippreżenta t-talba.

TAQSIMA VI

KLAWSOLA GĦALL-PROTEZZJONI TAD-DATA U GĦAN-NUQQAS TA' EFFETT

Artikolu 15

Protezzjoni tad-data

Il-komunikazzjoni ta' data personali għandha ssir biss jekk din il-komunikazzjoni tkun meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim mill-awtoritajiet kompetenti tal-Hong Kong SAR jew ta' Stat Membru skond kif ikun il-każ.

L-ipproċessar u t-trattament ta' data personali f'każ partikolari għandhom ikunu s-suġġett għal-liġijiet domestiċi tal-Hong Kong SAR u, fejn il-kontrollatur ikun awtorità kompetenti ta' Stat Membru, għad-disposizzjonijet tad-Direttiva 95/46/KE [2] u tal-leġislazzjoni nazzjonali ta' dak l-Istat Membru li tkun adottata skond din id-Direttiva. Barra minn hekk il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw:

(a) id-data personali għandha tiġi ipproċessata b'mod ġust u skond il-liġi;

(b) id-data personali għandha tinġabar għall-għan speċifiku, espliċitu u leġittimu ta' l-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u ma tistax terġa' tiġi ipproċessata mill-awtorità li tikkomunika u lanqas mill-awtorità li tirċievi b'mod li ma jkunx jaqbel ma' dan il-għan;

(ċ) id-data personali għandha tkun adegwata, relevanti u mhux eċċessiva komparat ma' l-iskop li għalih tinġabar u/jew terġa' tiġi ipproċessata; b'mod partikolari, id-data personali ikkomunikata tista' tikkonċerna biss dan li ġej:

- id-dettalji tal-persuna li tkun ser tiġi trasferita (eż. il-kunjom, l-isem mogħti, xi ismijiet ta' qabel, il-laqmijiet jew il-psewdonomi, id-data u l-post tat-twelid, is-sess, in-nazzjonalità preżenti u ta' qabel, jekk ikun il-każ),

- il-karta ta' l-identità jew il-passaport (in-numru, il-perjodu ta' validità, id-data tal-ħruġ, l-awtorità ta' ħruġ, il-post ta' fejn isir il-ħruġ),

- il-postijiet ta' waqfien temporanju u r-rotot,

- informazzjoni oħra li tkun meħtieġa biex tiġi identifikata l-persuna li tkun ser tiġi trasferita jew biex jiġu eżaminati l-ħtiġiet għall-ammissjoni mill-ġdid skond dan il-Ftehim;

(d) id-data personali għandha tkun preċiża u, fejn meħtieġ, għandha tinżamm aġġornata;

(e) id-data personali għandha tinżamm f'format li jippermetti l-identifikazzjoni ta' suġġetti tad-data għal żmien li ma jkunx itwal milli jkun meħtieġ għall-iskop li għalih tkun inġabret id-data jew li għalih id-data tkun ġiet ipproċessata aktar fil-fond;

(f) kemm l-awtorità li tikkomunika u kemm l-awtorità li tkun qed tirċievi għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jassiguraw kif ikun xieraq ir-reviżjoni, it-tħassir jew l-ibblokkjar ta' data personali fejn l-ipproċessar ma jkunx jikkonformi mad-disposizzjonijiet ta' dan l-artikolu, b'mod partikolari minħabba l-fatt li d-data ma tkunx adegwata, relevanti, preċiża, jew tkun eċċessiva fir-rigward ta' l-iskop ta' l-ipproċessar. Dan jinkludi n-notifika ta' kwalunkwe reviżjoni, tħassir jew ibblokkjar għall-Parti l-oħra;

(g) fuq talba, l-awtorità li tirċievi għandha tinforma lill-awtorità li tikkomunika bl-użu tad-data ikkomunikata u bir-riżultati miksuba minnhom;

(h) id-data personali tista' tiġi ikkomunikata biss lill-awtoritajiet kompetenti. Komunikazzjoni oħra lill-korpijiet oħrajn tinħtieġ il-permess minn qabel ta' l-awtorità li tikkomunika;

(i) l-awtoritajiet li jikkomunikaw u li jirċievu huma obbligati li jagħmlu reġistrazzjoni bil-miktub tal-komunikazzjoni u ta' l-irċevuta tad-data personali.

Artikolu 16

Klawsola ta' nuqqas ta' effett

1. Dan il-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet, l-obbligi u r-responsabbilitajiet li joħorġu mil-Liġi Internazzjonali li tkun applikabbli għall-Komunità, l-Istati Membri u għall-Hong Kong SAR.

2. Xejn minn dan il-Ftehim m'għandu jwaqqaf ir-ritorn ta' persuna taħt arranġementi oħra formali jew informali.

TAQSIMA VII

IMPLIMENTAZZJONI U APPLIKAZZJONI

Artikolu 17

Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jipprovdu għajnuna lil xulxin fl-applikazzjoni u fl-interpretazzjoni ta' dan il-Ftehim. Għal dan il-għan, huma għandhom jistabbilixxu Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid li b'mod partikolari għandu jkollu l-kompitu:

(a) li jħares l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim;

(b) li jiddeċiedi fuq l-implimentazzjoni ta' l-arranġamenti li jkunu meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta' dan il-Ftehim;

(ċ) li jibdel b'mod regolari l-informazzjoni fuq kwalunkwe Protokolli ta' implimentazzjoni li jkunu saru minn Stati Membri individwali u mill-Hong Kong SAR skond l-Artikolu 18;

(d) li jirrakkomanda emendi għal dan il-Ftehim.

2. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid dwar l-emendar ta' l-annessi għal dan il-ftehim jistgħu jiġu approvati mill-Partijiet permezz ta' proċedura simplifikata.

3. Il-Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid għandu jkun kompost minn rappreżentanti tal-Komunità u tal-Hong Kong SAR; il-Komunità għandha tkun rappreżentata mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, mgħejjuna minn esperti ta' l-Istati Membri.

4. Il-Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid għandu jiltaqa' fejn ikun meħtieġ fuq talba ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti.

5. Il-Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid għandu jistabbilixxi r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 18

Protokolli ta' implimentazzjoni

1. Il-Hong Kong SAR u xi Stat Membru jistgħu joħolqu protokolli ta' implimentazzjoni li għandhom ikopru regoli fuq:

(a) in-nominazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti, postijiet preċiżi fejn tinqasam il-fruntiera u l-iskambjar ta' postijiet ta' kuntatt;

(b) il-kondizzjonijiet għat-transitu taħt skorta ta' persuni ta' ġurisdizzjoni oħra;

(ċ) il-mezzi u d-dokumenti miżjuda ma' dawk elenkati fl-Annessi minn 1 sa 4 għal dan il-Ftehim.

2. Il-protokolli ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jidħlu fis-seħħ biss wara li l-Kumitat għall-Ammissjoni mill-ġdid msemmi fl-Artikolu 17 ikun ġie notifikat.

3. Il-Hong Kong SAR jaqbel li japplika kwalunkwe disposizzjoni ta' protokoll ta' implimentazzjoni li jkun inħoloq ma' xi Stat Membru ukoll fir-relazzjonijiet tiegħu ma' kwalunkwe Stat Membru ieħor fuq talba ta' dan ta' l-aħħar.

Artikolu 19

Relazzjoni mal-ftehim jew l-arranġamenti bilaterali fuq l-ammissjoni mill-ġdid ta' l-Istati Membri

id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim għandhom jieħdu l-preċedenza fuq id-disposizzjonijiet ta' kwalunkwe ftehim bilaterali jew arranġament dwar l-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni li jkunu joqgħodu mingħajr awtorizzazzjoni li jkunu ġew konklużi jew jistgħu jiġu konklużi skond l-Artikolu 18, bejn Stat Membru individwali u l-Hong Kong SAR, sakemm id-disposizzjonijiet ta' dan ta' l-aħħar ma jkunux jaqblu ma' dawk ta' dan il-Ftehim.

TAQSIMA VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni

1. Dan il-Ftehim għandu jiġi ratifikat jew approvat mill-Partijiet Kontraenti skond il-proċeduri rispettivi tagħhom.

2. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tat-tieni xahar wara d-data ta' meta l-Partijiet Kontaenti jkunu informaw lil xulxin li l-proċeduri msemmija fl-ewwel paragrafu jkunu ġew konklużi.

3. Dan il-Ftehim huwa konkluż għall-perjodu mhux limitat.

4. Kull Parti Kontraenti tista' tiċħad dan il-Ftehim billi b'mod uffiċjali tinnotifika lill-Parti Kontraenti l-oħra. Dan il-Ftehim m'għandux jibqa' japplika wara sitt xhur mid-data ta' dik in-notifika.

Artikolu 21

L-Annessi

L-Annessi minn 1 sa 6 għandhom ikunu parti integrali ta' dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussel fis-sebgħa u għoxin ġurnata ta' Novembru tas-sena elfejn u tnejn f'duplikazzjoni bid-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, it-Taljan, il-Portugiż, l-Ispanjol u l-Isvediż, kull wieħed minn dawn it-testi jkun awtentiku bl-istess mod

Por la Comunidad EuropeaFor Det Europæiske FællesskabFür die Europäische GemeinschaftΓια την Ευρωπαϊκή ΚοινότηταFor the European CommunityPour la Communauté européennePer la Comunità europeaVoor de Europese GemeenschapPela Comunidade EuropeiaEuroopan yhteisön puolestaFör Europeiska gemenskapen

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

Por el Gobierno de la Región Administrativa Especial de Hong Kong de la República Popular ChinaPå regeringen for Folkerepublikken Kinas særlige administrative region Hongkongs vegneIm Namen der Regierung der Sonderverwaltungsregion Hongkong der Volksrepublik ChinaΓια την κυβέρνηση της ειδικής διοικητικής περιοχής Χονγκ Κονγκ της Λαϊκής Δημοκρατίας της ΚίναςFor the Government of the Hong Kong Special Administrative Region of the People's Republic of ChinaPour le gouvernement de la région administrative spéciale de Hong Kong de la République populaire de ChinePer il governo della regione ad amministrazione speciale di Hong Kong della Repubblica popolare cineseVoor de regering van de Speciale Administratieve Regio Hong Kong van de Volksrepubliek ChinaPelo Governo da Região Administrativa Especial de Hong Kong da República Popular da ChinaKiinan kansantasavallan erityishallintoalueen Hongkongin hallituksen puolestaFör regeringen i Folkrepubliken Kinas särskilda administrativa region Hongkong

+++++ TIFF +++++

[1] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka t-terzi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viżas waqt li jkunu qed jaqsmu l-fruntieri esterni u li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn dan l-obbligu (ĠU L 81, tat-23.3.2001, p. 1).

[2] Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' l-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' l-individwi rigward l-ipproċessar tad-data personali u dwar il-moviment ħieles ta' din id-data (ĠU L 281, tat-23.11.1995, p. 31).

--------------------------------------------------

ANNESS 1

Lista komuni tad-dokumenti li l-presentazzjoni tagħhom hija ikkonsidrata bħala prova tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti (L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(1))

L-Istati Membri:

- passaporti ta' kull tip (passaporti nazzjonali, passaporti diplomatiċi, passaporti tas-servizz, passaporti kollettivi u passaporti alternattivi inklużi l-passaporti tat-tfal);

- karti ta' l-identità ta' kull tip (inklużi dawk temporanji u dawk proviżorji);

- kotba tas-servizz u karti ta' l-identità militari;

- kotba għar-reġistrazzjoni tal-baħħara u karti tas-servizz tal-kaptani;

- dokumenti uffiċjali li jindikaw in-nazzjonalità tal-persuna ikkonċernata.

Hong Kong:

- Passaporti tar-Reġjun Amministrat b'mod speċjali tal-Hong Kong;

- Ċertifikat ta' l-identità tal-Hong Kong;

- Karta ta' l-Identità Permanenti tal-Hong Kong;

- dokumenti uffiċjali li jindikaw l-istatut tar-residenza permanenti tal-persuna ikkonċernata.

--------------------------------------------------

ANNESS 2

Lista komuni tad-dokumenti li l-presentazzjoni tagħhom hija ikkonsidrata bħala evidenza prima facie tan-nazzjonalità jew tar-residenza permanenti (L-Artikolu 2(1), l-Artikolu 3(1), l-Artikolu 4(1) and l-Artikolu 5(1))

- fotokopji ta' kwalunkwe mid-dokumenti elenkati fl-Annes 1 ta' dan il-Ftehim;

- liċenzi tas-sewqan jew fotokopji tagħhom;

- ċertifikati tat-twelid u fotokopji tagħhom;

- karti ta' l-identità tal-kumpannija jew fotokopji tagħhom;

- dikjarazzjonijiet mix-xhieda;

- dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna ikkonċernata u l-lingwa mitkellma minnu/ha, inkluż permezz ta' riżultat ta' test uffiċjali;

- kwalunkwe dokument ieħor li jista' jgħin biex tiġi stabbilita n-nazzjonalità jew l-istat ta' residenza permanenti tal-persuna ikkonċernata.

--------------------------------------------------

ANNESS 3

Lista komuni tad-dokumenti li huma ikkonsidrati bħala prova tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni ta' ġurisdizzjoni oħra (L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5(1))

- timbri tad-dħul/ħruġ jew aċċettazzjonijiet simili fid-dokument ta' l-ivvjaġġar tal-persuna ikkonċernata;

- biljetti kif ukoll ċertifikati u kontijiet ta' kull tip (eż. kontijiet tal-lukandi, karti ta' l-appuntamenti ma' tobba/dentisti, karti tad-dħul f'istituzzjonijiet pubbliċi/privati, eċċ.) li b'mod ċar juru li l-persuna ikkonċernata kienet preżenti fit-territorju ta' l-Istat Membru mitlub jew tal-Hong Kong SAR;

- biljetti tal-ferrovija u biljetti u/jew listi tal-passiġġieri ta' vjaġġi bl-ajru jew bil-baħar li juru r-rotta li tkun ittieħdet fit-territorju ta' l-Istat mitlub;

- informazzjoni li turi li l-persuna ikkonċernata użat is-servizzi ta' kurjer jew ta' aġenzija ta' l-

--------------------------------------------------

ANNESS 4

Lista komuni tad-dokumenti li huma ikkonsidrati bħala evidenza prima facie tal-kondizzjonijiet għall-ammissjoni mill-ġdid ta' persuni minn ġurisdizzjoni oħra (L-Artikolu 3(1), l-Artikolu 5(1))

- dikjarazzjonijiet uffiċjali magħmula, b'mod partikolari, mill-istaff ta' l-awtorità tal-fruntiera u xhieda oħrajn li jistgħu jagħtu xhieda għall-persuna ikkonċernata li tkun qed taqsam il-fruntiera;

- deskrizzjoni tal-post u ċ-ċirkostanzi li fihom il-persuna ikkonċernata tiġi interċettata wara li id-dħul tagħha fit-territorju ta' l-Istat Membru li jippreżenta t-talba jew tal-Hong Kong SAR;

- informazzjoni relatata ma' l-identità u/jew il-permanenza ta' persuna li tkun ingħatat minn organizzazzjoni internazzjonali;

- rapporti/konferma ta' informazzjoni minn membri tal-familja, persuni li jakkumpanjaw fl-ivvjaġġar, eċċ.;

- dikjarazzjoni mill-persuna ikkonċernata.

--------------------------------------------------

ANNESS 5

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

ANNESS 6

+++++ TIFF +++++

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR L-ARTIKOLU 1(f)

Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota li, skond il-liġijiet preżenti dwar l-immigrazzjoni tal-Hong Kong SAR, "awtorizzazzjoni għar-residenza" fis-sens ta' l-Artikolu 1(f) b'mod partikolari tinħareġ fil-każi kollha fejn persuna tingħata permess biex tinżel fil-Hong Kong:

- bħala student fi skola, università jew istituzzjoni edukattiva oħra, li jkunu approvati u speċifikati b'mod uffiċjali, jew

- għall-impjieg bi ħlas u attivitajiet ekonimiċi ta' persuni li jaħdmu għar-rashom (professjonisti, investituri, talenti, ħaddiema importati, għajnuniet domestiċi eċċ.), jew

- bl-iskop li jkunu miġbura r-residenti tal-Hong Kong bħala dipendenti (riunjoni familjari).

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA D-DANIMARKA

Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota li dan il-Ftehim ma japplikax għat-territorju tar-Renju tad-Danimarka. F'dawn iċ-ċirkostanzi huwa xieraq li l-Hong Kong SAR u d-Danimarka jikkonkludu ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid fuq l-istess termini ta' dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA LI TIKKONĊERNA L-ISLANDA U N-NORVEĠJA

Il-Partijiet Kontraenti jieħdu nota tar-relazzjoni mill-viċin li teżisti bejn il-Komunità Ewropea u l-Islanda u n-Norveġja, b'mod partikolari permezz tal-Ftehim tat-18 ta' Mejju 1999 li jikkonċerna l-assoċjazzjoni ta' dawn il-pajjiżi ma' l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp ta' l-acquis Schengen. F'dawn iċ-ċirkostanzi huwa xieraq li l-Hong Kong SAR jikkonkludi ftehim dwar l-ammissjoni mill-ġdid ma' l-Islanda u man-Norveġja fuq l-istess termini ta' dan il-Ftehim.

--------------------------------------------------