22003D0080



Official Journal L 257 , 09/10/2003 P. 0031 - 0032


Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Nru 80/2003

ta' l-20 ta' Ġunju 2003

li temenda l-Anness XI (Servizzi ta' telekomunikazzjoni) tal-Ftehim taż-ŻEE

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, kif emendat bil-Protokoll li jaġġusta l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim" u b'mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu

Billi:

(1) L-Anness XI tal-Ftehim kien ġie emendat bid-Deċiżjoni Nru 168/2002 tas-6 ta' Diċembru 2002 tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [1].

(2) Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-proċessar ta' data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) [2] għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim.

(3) Id-Direttiva 2002/58/KE tirrevoka, b'seħħ mill-31 ta' Ottubru 2003, id-Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 1997 [3], li hi inkorporata fil-Ftehim u li b'konsegwenza trid tiġi revokata skond il-Ftehim,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

L-Anness XI tal-Ftehim għandu jiġi emendat kif ġej-:

1. Il-punt li ġej għandu jiddaħħal wara l-punt 5h (Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill):

"5ha. 32002 L 0058: Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 2002 dwar il-proċessar ta' data personali u l-ħarsien tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar privatezza u komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37).

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom, għall-finijiet tal-Ftehim preżenti, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

(a) Fl-Artikolu 1(3), il-kliem "it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea" għandhom jinbidlu bil-kliem "Ftehim taż-ŻEE";

(b) fl-Artikolu 15(1), il-kliem "prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Komunit, inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea" għandhom jinbidlu bil-kliem "prinċipji ġenerali tal-liġi taż-ŻEE".

Proċeduri dwar l-assoċjazzjoni ta' Liechtenstein, l-Islanda u n-Norveġja skond l-Artikolu 101 tal-Ftehim:

Il-persuna nominata minn kull Stat ta' l-EFTA biex tipparteċipa bħala osservatur fil-laqgħat tal-grupp ta' ħidma dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-proċessar ta' data personali tista', skond l-istess termini u kondizzjonijiet kif preskritti fil-punt 5e (Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill), tieħu sehem wkoll fil-laqgħat meta l-grupp ta' ħidma dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-proċessar ta' data personali iwettaq ix-xogħolijiet preskritti fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta' suġġetti koperti minn din id-Direttiva, jiġifieri l-ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u ta' interessi leġittimi fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika."

2. It-test tal-punt 5f (Direttiva 97/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill) għandu jitħassar b'seħħ mill-31 ta' Ottubru 2003.

Artikolu 2

It-testi tad-Direttiva 2002/58/KE bl-Islandiku u n-Norveġiż, li għandhom jiġu pubblikati fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-21 ta' Ġunju 2003, basta li n-notifikazzjonijiet fl-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ikunu ġew mgħoddija lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE [4].

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fit-taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE tal-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Ġunju 2003.

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

P. Westerlund

[1] ĠU L 38, tat-13.2.2003, p. 30.

[2] ĠU L 201, tal-31.7.2002, p. 37.

[3] ĠU L 24, tat-30.1.1998, p. 1.

[4] L-ebda ħtiġijiet kostituzzjonali ma kienu indikati.

--------------------------------------------------