22003A0806(01)



Official Journal L 198 , 06/08/2003 P. 0011 - 0012


ANNESS

Il-protokoll ta' l-emenda

għall-Konvenzjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' l-annimali vertebrati wżati għal għanijiet sperimentali u għanijiet oħra xjentifiċi

Strasburgu, it-22 ta' Ġunju 1998

L-ISTATI MEMBRI TAL-KUNSILL TA' L-EWROPA U TAL-KOMUNITÀ EWROPEA, Firmatarji ta' dan il-Protokoll mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni ta' l-Annimali Vertebrati wżati għal Għanijiet Sperimentali u Oħra Xjentifiċi, miftuħa għall-firma fi Strasburgu, fit-18 ta' Marzu 1986 (minn issa' l quddiem imsejħa l-Konvenzjoni)

WARA LI KKUNSIDRAW il-Konvenzjioni li tinkludi disposizzjonijiet ġenerali ddisinjati sabiex jissalvagwardaw l-annimali maħsuba għalbiex jintużaw għal għanijiet xjentifiċi mill-uġigħ u n-niket, u fir-riżoluzzjoni tagħhom li jillimitaw l-użu ta' l-annimali għal għanijiet sperimentali u oħra xjentifiċi, bil-għan li jibdlu dan l-użu kulmeta jkun possibbli, b'mod partikolari billi jfittxu miżuri alternattivi u jħeġġu l-użu ta' dawn il-miżuri alternattivi,

FILWAQT LI JQISU n-natura teknika tad-disposizzjonijiet inklużi fl-Appendiċijiet mal-Konvenzjoni,

FILWAQT LI JAGĦRFU l-ħtieġa li jiżguraw il-konsistenza tagħhom mar-riżultti tar-riċerka fl-oqsma koperti,

FTIEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 30 tal-Konvenzjoni għandu jiġi emendat kif ġej:

"1. Il-Partijiet għandhom, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' din il-Kovenzjoni u kull ħames snin wara dan, jew iktar spiss jekk maġġoranza tal-Partijiet hekk jitolbu, iżommu konsultazzjonijiet multilaterali ġewwa l-Kunsill ta' l-Ewropea sabiex jeżaminaw l-applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni, u l-opportunità li jirriveduha jew jestendu kull waħda mid-disposizzjonijiet tagħha.

2. Dawn il-konsultazzjonijiet għandhom isiru fil-laqgħat imsejħa mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

Il-Partijiet għandhom jikkomunikaw l-isem tar-rappreżentat tagħhom lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa mill-inqas xahrejn qabel il-laqgħat.

3. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni, il-Partijiet għandhom ifasslu r-regoli tal-proċedura għall-konsultazzjonijiet."

Artikolu 2

Il-Konsvenzjoni għandha tkun issupplimentata minn Parti ġdida XI: "L-emendi" jinkludu l-Artikolu ġdid 31 kif ġej:

"1. Kull emenda għall-Appendiċijiet A u B, proposti minn Parti jew mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill ta' l-Ewropa għandha tiġi kkomunikata lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa u mibgħuta minnu lill-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-Komunità Ewropea u lil kull Stat mhux membru li jkun aderixxa, jew ġie mistiedem li jaderixxi mal-Konvenzjoni skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 34.

2. Kull emenda proposta skond id-disposizzjonijiet tal-paragrafu ta' qabel għandha tiġi eżaminata fil-konsultazzjoni multilaterali mhux inqas minn sitt xhur wara d-data ta' meta jkun bagħatha s-Segretarju Ġenerali fejn tista' tiġi adottata bil-maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet It-test adottat għandu jintbagħat lill-Partijiet.

3. Tnax-il xahar mill-adozzjoni tagħha f'laqgħa multilterali, kull emenda għandha tidħol fis-seħħ għajr jekk terz mill-Partijiet ikunu nnotifikaw oġġezzjoniiet."

Artikolu 3

L-Artikoli minn 31 sa 37 tal-Konvenzjoni għandhom isiru l-Artikoli minn 32 sa 39 tal-Konvenzjoni rispettivament.

Artikolu 4

1. Dan il-Protokoll għandu jkun miftuħ għall-firma tal-Firmatarji tal-Konvenzjoni li jistgħu jsiru Partijiet minn dan il-Protokoll bi:

(a) il-firma mingħajr riserva dwar ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni; jew

(b) il-firma bla ħsara għar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, segwita mir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni.

2. Firmatarju tal-Konvenzjoni jista' ma jiffirmax dan il-Protokoll mingħajr riserva dwar ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, jew jiddepożita strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni, sakemm ikun diġà ddepożita jew jiddepożita simultanjament strument tar-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni tal-Konvenzjoni.

3. L-Istati li aderixxew mal-Konvenzjoni jistgħu jaderixxu wkoll ma' dan il-Protokoll.

4. L-istrumenti tar-ratifika, l-aċċettazzjoni l-approvazzjoni jew l-adeżjoni għandhom jiġu ddepożitati mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa.

Artikolu 5

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara d-data li fiha l-Partijiet għall-Konvenzjoni jkunu saru Partijiet għal dan il-Protokoll skond l-Artikolu 4.

Artikolu 6

Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa għandu jinnotifika lill-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-Partijiet l-oħra mal-Konvenzjoni u lill-Komunità Ewropea dwar:

(a) kull firnma mingħajr riserva rigward ir-ratifika, l-aċċettazzjoni jew l-approvazzjoni;

(b) kull firma b'riserva rigward ir-ratifika, l-aċċettazzjon jew l-approvazzjoni;

(ċ) kull depożitu ta' strument ta' ratifika, aċċettzzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni;

(d) kull data tad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll skond l-Artikolu 5 tiegħu;

(e) kull att, notifika jew komunikazzjoni oħra li għandha x'taqsam ma' dan il-Protokoll.

B'xhieda ta' dan, dawk hawn taħt iffirmati, awtorizzati għalhekk kif mistħoqq, iffirmaw dan il-Protokoll.

Magħmul fi Strasburgu, dan it-tnejn u għoxrin jum ta' Ġunju 1998, bl-ilsien Ingliż u bl-ilsien Franċiż, biż-żewġ testi jkunu ugwalment awtentiċi, f'kopja waħda li għandha tiġi ddespożitata fl-arkivji tal-Kunsill ta' l-Ewropa. Is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' l-Ewropa għandu jittrasmetti kopji attestati lill-Istati Membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa, lill-Partijiet l-oħra tal-Konvenzjoni u lill-Komunità Ewropea.

--------------------------------------------------