22003A0306(01)

Traduzzjoni tal-konvenzjoni ta' rotterdam dwar il-proċedura ta' kunsens infurmat minn qabel għal ċertiummer kimiċi u pestiċidi gil-kummerċ internazzjonali

Official Journal L 063 , 06/03/2003 P. 0029 - 0047
CS.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
ET.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
HU.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
LT.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
LV.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
MT.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
PL.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
SK.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111
SL.ES Chapter 11 Volume 46 P. 93 - 111


ANNESS A

Traduzzjoni

TAL-KONVENZJONI TA' ROTTERDAM DWAR IL-PROĊEDURA TA' KUNSENS INFURMAT MINN QABEL GĦAL ĊERTI KIMIĊI U PESTIĊIDI FIL-KUMMERĊ INTERNAZZJONALI

Il-Partijiet għall-Konvenzjoni,

Konxji ta' l-impatt dannuż fuq is-saħħa umana u l-ambjent minn ċerti kimiċi u pestiċidi perikulużi fil-kummerċ internazzjonali,

Filwaqt li jirrevokaw id-disposizzjonijiet pertinenti tad-Dikjarazzjoni ta' Rio dwar l-Ambjent u Żvilupp u l-kapitolu 19 ta' l-Agenda 21 dwar "Immaneġġar ambjentalment tajjeb ta' kimiċi tossiċi, inkluża prevenzjoni ta' traffiku illegali internazzjonali fi prodotti tossiċi u perikolużi",

Konxji mix-xogħol magħmul mill-Programm dwar l-Ambjent tan-Nazzjonijiet Uniti (UNEP) u l-Organizzazzjoni dwar l-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) fl-operazzjoni tal-proċedura voluntarja ta' Kunsens Informat Minn Qabel, kif miġbur fil-Linji Gwida ta' Londra Emendati tal-UNEP għall-Iskambju ta' Informazzjoni dwar Kimiċi f'Kummerċ Internazzjonali (hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għaliha bħala "Linji Gwida ta' Londra Emendati") u l-Kodiċi Internazzjonali ta' Mġieba ta' l-FAO dwar id-Distribuzzjoni u Użu ta' Pestiċidi (hawn iżjed 'il quddiem issir referenza għalih bħala "Kodiċi Internazzjonali ta' Mġieba"),

Filwaqt li jqisu ċ-ċirkostanzi u r-rekwiżiti partikolari tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u pajjiżi b'ekonomiji fi transizzjoni, b'mod partikolari l-ħtieġa li jissaħħu l-ħila u l-kapaċità għall-immaniġġar ta' kimiċi, inkluż trasferiment ta' teknoloġija, billi tingħata assistenza finanzjarja u teknika u tkun promossa l-koperazzjoni fost il-Partijiet,

Filwaqt li jinnotaw il-ħtiġiet speċifiċi ta' xi pajjiżi ta' informazzjoni dwar movimenti fi transizzjoni,

Filwaqt li jirrikonoxxu li prattiċi ta' mmaneġġar tajba għal kimiċi għandhom ikunu promossi fil-pajjiżi kollha, filwaqt li jitqiesu, inter alia, l-istandards voluntarji preskritti fil-Kodiċi Internazzjonali ta' Mġieba u l-Kodiċi tal-UNEP dwar Etika fil-Kummerċ Internazzjonali ta' Kimiċi,

Xewqanin li jiżguraw li kimiċi perikolużi li jkunu esportati mit-territorju tagħhom ikunu ppakkjati u ttikkettjati f'manjiera li tkun protettiva b'mod adegwat tas-saħħa umana u ta' l-ambjent, konsistenti mal-prinċipji tal-Linji Gwida ta' Londra Emendati u l-Kodiċi Internazzjonali ta' Mġieba,

Filwaqt li jirrikonoxxu li politiki kummerċjali u ambjentali għandhom isostnu lil xulxin bil-ħsieb li jinkiseb żvilupp sostenibbbli,

Filwaqt li jenfasizzaw li xejn f'din il-Konvenzjoni m'għandu jkun interpretat li jimplika b'xi mod bdil fid-drittijiet u obbligi ta' Parti għal kull ftehim internazzjonali eżistenti li japplika għal kimiċi fil-kummerċ internazzjonali jew il-protezzjoni ta' l-ambjent,

Filwaqt li jifhmu li l-premessi ta' hawn fuq mhumiex intiżi biex joħolqu ġerarkija bejn din il-Konvenzjoni u ftehim internazzjonali ieħor (oħrjan),

Iddeterminati jipproteġu s-saħħa umana, inkluża s-saħħa tal-konsumaturi u ħaddiema, u l-ambjent kontra impatti dannużi potenzjali minn ċerti kimiċi u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali,

FTEHMU KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għan

L-għan ta' din il-Konvenzjoni huwa li jippromwovi responsabbiltà pparteċipata u sforzi koperattivi fost il-Partijiet fil-kummerċ internazzjonali ta' ċerti kimiċi perikolużi biex tkun protetta (mħarsa) s-saħħa umana u l-ambjent minn ħsara potenzjali u ssir kontribuzzjoni għall-użu ambjentalment tajjeb tagħhom, bl-iffaċilitar ta' skambju ta' informazzjoni dwar il-karatteristiċi tagħhom, bil-provvediment ta' proċess nazzjonali ta' kif jintgħamlu d-deċiżjonijiet fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni tagħhom u bit-tqassim (tixrid) ta' dawn id-deċiżjonijiet lill-Partijiet.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din il-Konvenzjoni:

(a) "kimika" tfisser sustanza kemm waħidha kif ukoll f'taħlita jew preparazzjoni u kemm immanufatturata kif ukoll miksuba min-natura, imma ma tinkludix xi organiżmu ħaj. Hija tikkonsisti mill-kategoriji li ġejjin: pestiċidi (inklużi formulazzjonijiet ta' pestiċidi severament perikolużi) u industrijali;

(b) "kimika pprojbita" tfisser kimika li l-użi kollha tagħha f'kategorija waħda jew iktar kienu pprojbiti minn azzjoni regolatorja finali, biex tkun protetta s-saħħa umana u l-ambjent. Hija tinkludi kimika li kienet irrifjutata approvazzjoni għall-użu għall-ewwel darba jew kienet irtirata mill-industrija jew mis-suq domestiku jew minn konsiderazzjoni ulterjuri fil-proċess domestiku ta' approvazzjoni u fejn hemm xhieda ċara li azzjoni tali ttieħdet biex tkun protetta s-saħħa umana jew l-ambjent;

(ċ) "kimika severament ristretta" tfisser kimika li virtwalment l-użu kollu tagħha f'kategorija waħda jew iktar kien ipprojbit minn azzjoni regolatorja finali biex tkun protetta s-Linji Gwida ta' Londra Emendati jew l-ambjent, imma li għaliha jibqgħu permessi ċerti użi speċifiċi. Hija tinkludi kimika li kienet, għal virtwalment l-użi kollha, irrifjutata approvazzjoni jew irtirata mill-industrija jew mis-suq domestiku jew minn konsiderazzjoni ulterjuri fil-proċess dometiku ta' approvazzjoni, u fejn hemm xiehda ċara li azzjoni tali ttieħdet biex tkun protetta s-Linji Gwida ta' Londra Emendati u l-ambjent;

(d) "formulazzjoni ta' pestiċida severament perikoluża" tfisser kimika fformulata għall-użu bħala pestiċida li tipproduċi effetti severi għas-saħħa jew l-ambjent li jkunu jidhru f'perjodu ta' żmien qasir wara esposizzjoni unika jew multipla, taħt il-kondizzjonijiet ta' użu.

(e) "azzjoni regolatorja finali" tfisser azzjoni meħuda minn Parti, li ma tirrikjedix azzjoni regolatorja susegwenti minn dik il-Parti, li l-għan tagħha hu li tipprojbixxi jew tirrestrinġi kimika severament;

(f) "esportazzjoni" u "importazzjoni" tfisser, fil-konnotazzjonijiet rispettivi tagħhom, il-moviment ta' kimika minn Parti għal Parti oħra, imma teskludi operazzjonijiet purament ta' transizzjoni;

(g) "Parti" tfisser Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li kkonsenta/kkonsentiet tkun marbuta b'din il-Konvenzjoni u li għaliha l-Konvenzjoni tkun fis-seħħ;

(h) "organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika" tfisser organizzazzjoni kkostitwita minn Stati sovrani ta' reġjun speċifiku li għaliha l-Istati Membri tagħha jkunu ttrasferew kompetenza fir-rigward ta' materji rregolati b'din il-Konvenzjoni u li kienu dovutement awtorizzati, skond il-proċeduri interni tagħha, jiffirmaw, jirratifikaw, jaċċettaw, japprovaw jew jaderixxu għal din il-Konvenzjoni;

(i) "Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika" tfisser korp sussidjarju li jirreferi għalih il-paragrafu 6 ta' l-Artikolu 18.

Artikolu 3

Ambitu tal-Konvenzjoni

1. Il-Konvenzjoni tapplika għal:

(a) kimiċi pprojbiti jew severement risretti: u

(b) formulazzjonijiet ta' pestiċida severament perikolużi.

2. Din il-Konvenzjoni ma tapplikax għal:

(a) drogi narkotiċi u sustanzi psikotropiċi;

(b) materjali radjuattivi;

(ċ) skart;

(d) armi kimiċi;

(e) farmaċewtiċi, inklużi drogi umani u veterinarji;

(f) kimiċi użati bħala addittivi;

(g) ikel;

(h) kimiċi fi kwantitajiet li aktarx ma jaffettwawx s-saħħa umana jew l-ambjent sakemm ikunu importati:

(i) għall-għan ta' riċerka jew analiżi; jew

(ii) minn individwu għall-użu personali tiegħu jew tagħha fi kwantitajiet raġonevoli għal użu tali.

Artikolu 4

Awtorità nazzjonali maħtura

1. Kull Parti għandha taħtar awtorità nazzjonali waħda jew iktar li jkunu awtorizzati jaġixxu f'isimha fit-twettiq tal-funzjonijiet amministrattivi rekwiżiti minn din il-Konvenzjoni.

2. Kull Parti għandha tfittex tiżgura li l-awtorità jew awtoritajiet tali jkollhom riżorsi biżżejjed biex iwettqu x-xogħlijiet tagħhom b'mod effettiv.

3. Kull Parti għandha, mhux iktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għaliha, tinnotifika l-isem u l-indirizz ta' l-awtorità jew awtoritajiet tali lis-Segretarjat. Hija għandha tinnotifika fil-pront lis-Segretarjat b'kull bdil fl-isem u indirizz ta' l-awtorità jew awtoritjiet tali.

4. Is-Segretarjat għandu fil-pront jgħarraf lill-Partijiet bin-notifiki li jirċievi taħt il-paragrafu 3.

Artikolu 5

Proċeduri għal kimiċi pprojbiti jew severamnet ristretti

1. Kull Parti li tkun adottat azzjoni regolatorja finali għandha tinnotifika lis-Segretarjat bil-miktub b'azzjoni tali. Notifika tali għandha ssir kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ mhux iktar tard minn 90 jum wara d-data li fiha l-azzjoni regolatorja finali tkun daħlet fis-seħħ, u jkun fiha l-informazzjoni rekwiżita mill-Anness I, fejn disponibbli.

2. Kull Parti għandha, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għaliha, tinnotifika lis-Segretarjat bil-miktub bl-azzjonijiet regolatorji finali tagħha fis-seħħ f'dak iż-żmien, ħlief jekk kull Parti li tkun issottomettiet notifiki ta' azzjonijiet regolatorji finali taħt il-Linji Gwida ta' Londra Emendati jew il-Kodiċi Internazzjonali ta' Mġieba m'għandhiex ħtieġa terġa' tissottometti dawk in-notifiki.

3. Is-Segretarjat għandu, kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jirċievi n-notifika taħt il-paragrafi 1 u 2, jivverifika jekk in-notifika jkunx fiha l-informazzjoni rekwiżita bl-Anness I. Jekk in-notifika jkun fiha l-informazzjoni rekwiżita, is-Segretarjat għandu fil-pront jibgħat lill-Partijiet kollha sommarju ta' l-informazzjoni irċevuta. Jekk in-notifika ma jkunx fiha l-informazzjoni rekwiżita, huwa għandu jgħarraf b'dan lill-Parti li tinnotifika.

4. Is-Segretarjat għandu kull sitt xhur jikkomunika lill-Partijiet sommarju (sinopsi) ta' l-informazzjoni riċevuta skond il-paragrafi 1 u 2, inkluża informazzjoni li tirrigwarda dawk in-notifiki li mhemmx fihom l-informazzjoni kollha rekwiżita bl-Anness I.

5. Meta s-Segretarjat ikun irċieva għall-inqas notifika waħda minn kull waħda minn żewġ reġjuni ta' Kunsens Informat minn Qabel dwar kimika partikolari li tkun ivverifikat li tissodisfa r-rekwiżiti ta' l-Anness I, huwa għandu jibgħathom lill-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika. Il-komposizzjoni tar-reġjuni tal-Kunsens Informat minn Qabel għandha tkun iddefintia f'deċiżjoni li għandha tkun adottata b'kunsens (consensus) fl-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet.

6. Il-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika għandu jirrivedi l-informazzjoni pprovduta f'notifiki tali u, skond il-kriterji miġjuba fl-Anness II, jirrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet jekk il-kimika in kwistjoni għandhiex issir suġġetta għall-proċedura ta' Kunsens Informat minn Qabel u, għalhekk, tkun elenkata fl-Anness III.

Artikolu 6

Proċeduri għal formulazzjoni ta' pestiċidi severament perikolużi

1. Kull Parti li hija pajjiż li għadu qed jiżviluppa jew pajjiż b'ekonomija fi transizzjoni u li jkun għaddej minn problemi kkawżati minn formulazzjoni ta' pestiċidi severament perikolużi taħt kondizzjonijiet ta' użu fit-territorju tiegħu, tista' tipproponi lis-Segretarjat l-elenkar tal-formulazzjoni ta' pestiċidi severament perikolużi fl-Anness III. Fl-iżvilupp ta' proposta, il-Parti tista' toqgħod fuq il-kompetenza teknika minn kull għajn (sors) relevanti. Il-proposta għandu jkollha l-informazzjoni rekwiżita fil-parti 1 ta' l-Anness IV.

2. Is-Segretarjat għandu, kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-irċevuta tal-proposta taħt il-paragrafu 1, jivverifika jekk il-proposta fihiex l-informazzjoni rekwiżita mill-parti 1 ta' l-Anness IV. Jekk il-proposta jkun fiha l-informazzjoni rekwiżita, is-Segretarjat għandu fil-pront jibgħat lill-Partijiet kollha sommarju ta' l-informazzjoni riċevuta. Jekk il-proposta ma jkunx fiha l-informazzjoni rekwiżita, huwa għandu jinforma b'dan lill-Parti li tipproponi.

3. Is-Segretarjat għandu jiġbor l-informazzjoni addizzjonali miġjuba fil-parti 2 ta' l-Anness IV dwar il-proposta mibgħuta taħt il-paragrafu 2.

4. Meta r-rekwiżiti tal-paragrafi 2 u 3 ta' hawn fuq ġew issodisfatti fir-rigward ta' formulazzjoni ta' pestiċidi severament perikolużi, is-Segretarjat għandu jibgħat il-proposta u l-informazzjoni konnessa lill-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika.

5. Il-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika għandu jirrivedi l-informazzjoni pprovduta fil-proposta and l-informazzjoni addizzjonali miġbura u, skond il-kriterji miġjuba fil-parti 3 ta' l-Anness IV, jirrakkomanda lill-Konferenza tal-Partijiet jekk il-formulazzjoni ta' pestiċidi severament perikolużi in kwistjoni għandhiex issir suġġetta għall-proċedura tal-Kunsens Infurmat minn Qabel u, tkun elenkata fl-Anness III.

Artikolu 7

Elenkar ta' kimiċi fl-Anness III

1. Għal kull kimika li l-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika jkun iddeċieda li jirrakkomanda għal elenkar fl-Anness III, huwa għandu jipprepara abbozz ta' dokument li jiggwida d-deċiżjoni. Id-dokument li jiggwida d-deċiżjoni għandu, għall-inqas, ikun ibbażat fuq l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I, jew, skond kif ikun il-każ, fl-Anness IV, u jinkludi l-informazzjoni dwar l-użi tal-kimika fil-kategorija li għaliha l-azzjoni regolatorja finali tapplika.

2. Ir-rakkomandazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1 flimkien ma' l-abbozz tad-dokument li jiggwida d-deċiżjoni għandu jintbagħat lill-Konferenza tal-Partijiet. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi jekk il-kimika għandhiex issir suġġetta għall-proċedura ta' Kunsens Infurmat minn Qabel u, skond dan, tkun elenkata fl-Annex III u tapprova l-abbozz tad-dokument li jiggwida d-deċiżjoni.

3. Meta deċiżjoni għal elenkar ta' kimika fl-Anness III tkun ittieħdet u d-dokument li jiggwida d-deċiżjoni konness ikun ġie approvat mill-Konferenza tal-Partijiet, is-Segretarjat għandu fil-pront jikkomunika din l-informazzjoni lill-Partijiet.

Artikolu 8

Kimiċi fil-proċedura voluntarja ta' Kunsens Infurmat minn Qabel

Għal kull kimika, barra kimika elenkata fl-Anness III, li kienet inkluża fil-proċedura voluntarja ta' Kunsens Infurmat minn Qabel qabel id-data ta' l-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet, il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi f'dik il-laqgħa li telenka l-kimika fl-Annex III, sakemm tkun sodisfatta li r-rekwiżiti kollha għall-elenkar f'dak l-Anness kienu osservati.

Artikolu 9

Tneħħija ta' kimiċi mill-Annex III

1. Jekk Parti tissottometti lis-Segretarjat informazzjoni li ma kinitx disponibbli fiż-żmien tad-deċiżjoni ta' l-elenkar ta' kimika fl-Anness III u dik l-informazzjoni tindika li l-elenkar tagħha jista' ma jkunx iktar iġġustifikat skond il-kriterji relevanti fl-Anness II jew, skond kif ikun il-każ, fl-Anness IV, is-Segretarjat għandu jibgħat l-informazzjoni lill-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika.

2. Il-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika għandu jirrevedi l-informazzjoni li jirċievi taħt il-paragrafu 1. Għal kull kimika li l-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika jiddeċiedi, skond il-kriterji relevanti fl-Anness II jew, skond kif ikun il-każ, fl-Anness IV, li jirrakkomanda għat-tneħħija mill-Anness III, huwa għandu jipprepara abbozz rivedut tad-dokument li jiggwida d-deċiżjoni.

3. Rakkomandazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 2 għandha tintbagħat lill-Konferenza tal-Partijiet u tkun akkompanjata b'abbozz rivedut tad-dokument li jiggwida d-deċiżjoni. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi jekk il-kimika għandhiex titneħħa mill-Anness III u jekk tapprovax l-abozz rivedut tad-dokument li jiggwida d-deċiżjoni.

4. Meta deċiżjoni li titneħħa kimika mill-Anness III tkun ittieħdet u d-dokument rivedut li jiggwida d-deċiżjoni jkun approvat mill-Konferenza tal-Partijiet, is-Segretarjat għandu fil-pront jikkomunika din l-informazzjoni lill-Partijiet kollha.

Artikolu 10

Obbligi konnessi ma' importazzjonijiet ta' kimiċi elenkati fl-Anness III

1. Kull Parti għandha timplimenta miżuri leġislattivi jew amministrattivi xierqa biex tiżgura deċiżjonijiet fil-waqt rigward l-importazzjoni ta' kimiċi elenkati fl-Anness III.

2. Kull Parti għandha tittrasmetti lis-Segretarjat, kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ mhux iktar tard minn disa' xhur wara d-data li jkun intbagħat id-dokument li jiggwida d-deċiżjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 7, tweġiba dwar l-importazzjoni futura tal-kimika kkonċernata. Jekk il-Parti timmodifika din it-tweġiba, hija għandha fil-pront tissottometti t-tweġiba riveduta lis-Segretarjat.

3. Is-Segretarjat għandu, fl-iskadenza tal-perjodu ta' żmien fil-paragrafu 2, jindirizza fil-pront lil Parti li ma tkunx ipprovdiet tweġiba tali, talba bil-miktub biex tagħmel hekk. Jekk il-Parti ma tkunx tista' tipprovdi tweġiba, is-Segretarjat għandu, fejn xieraq, jgħinha tipprovdi tweġiba fi żmien il-perjodu ta' żmien speċifikat fl-aħħar sentenza tal-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 11.

4. Tweġiba taħt il-paragrafu 2 għandha tikkonsisti fi jew:

(a) deċiżjoni finali, skond miżuri leġislattivi jew amministrattivi:

(i) tikkonsenta għal importazzjoni;

(ii) ma tikkonsentax għal importazzjoni; jew

(iii) tikkonsenta għal importazzjoni suġġetta biss għal kondizzjonijiet speċifiċi; or

(b) tweġiba interim, li tista' tinkludi:

(i) deċiżjoni interim li tikkonsenta għal importazzjoni bi jew mingħajr kondizzjonijiet speċifiċi, jew ma tikkonsentax għal importazzjoni matul il-perjodu interim;

(ii) dikjarazzjoni li deċiżjoni finali tkun taħt konsiderazzjoni attiva;

(iii) talba lis-Segretarjat, jew lill-Parti li tkun innotifikat l-azzjoni regolatorja finali, għal iktar informazzjoni;

(iv) talba lis-Segretarjat għal assistenza fl-istmar tal-kimika.

5. Tweġiba taħt (a) jew (b) tal-paragrafu 4 għandha tkun konnessa mal-kategorija jew kategoriji speċifikati għall-kimika fl-Anness III.

6. Deċiżjoni finali għandha tkun akkompanjata b'deskrizzjoni ta' kull miżuri leġislattivi jew amministrattivi li fuqhom tkun ibbażata.

7. Kull Parti għandha, mhux iktar tard mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni għaliha, tittrasmetti lis-Segretarjat tweġibiet rigward kull kimika elenkata fl-Anness III. Parti li tkun ipprovdiet tweġibiet tali taħt il-Linji Gwida ta' Londra Emendati jew il-Kodiċi Internazzjonali ta' Mġieba m'għandhiex ħtieġa terġa' tissottometti dawk it-tweġibiet.

8. Kull Parti għandha tagħmel it-tweġibiet tagħha taħt dan l-Artikolu disponibbli għal dawk ikkonċernati ġewwa l-ġurisdizzjoni tagħha, skond il-miżuri leġislattivi jew amministrattivi tagħha.

9. Parti li, skond il-paragrafi 2 u 4 ta' hawn iktar 'il fuq u l-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 11, tieħu deċiżjoni li ma tikkonsentix li timporta (għall-importazzjoni ta') kimika jew tikkonsenta għall-importazzjoni tagħha biss taħt kondizzjonijiet speċifiċi għandha, jekk ma tkunx diġà għamlet hekk, simultanjament tipprojbixxi jew tissuġġettà għall-istess kondizzjonijiet:

(a) importazzjoni tal-kimika minn kull sors; jew

(b) produzzjoni domestiku tal-kimika għal użu domestiku.

10. Kull sitt xhur is-Segretarjat għandu jinforma lill-Partijiet kollha bit-tweġibiet li jkun irċieva. Informazzjoni tali għandha tinkludi deskrizzjoni tal-miżuri leġislattivi jew amministrattivi li fuqhom id-deċiżjonijiet kienu bbażati, fejn disponibbli. Is-Segretarjat għandu, iktar minn hekk, jinforma lill-Partijiet b'kull każ (każijiet) ta' nuqqas ta' trasmissjoni ta' tweġiba.

Artikolu 11

Obbligi in relazzjoni ma' esportazzjonijiet ta' kimiċi elenkati fl-Anness III

1. Kull Parti li tesporta għandha:

(a) timplimenta miżuri leġislattivi jew amministrattivi xierqa biex tikkomunika t-tweġibiet mibgħuta mis-Segretarjat skond il-paragrafu 10 ta' l-Artikolu 10 lil dawk ikkonċernati ġewwa l-ġurisdizzjoni tagħha;

(b) tieħu miżuri leġislattivi jew amministrattivi xierqa biex tiżgura li l-esportaturi ġewwa l-ġurisdizzjoni tagħha josservaw id-deċiżjoniijiet f'kull tweġiba mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data li fiha s-Segretarjat jinforma għall-ewwel darba lill-Partijiet bi tweġiba tali skond il-paragrafu 10 ta' l-Artikolu 10;

(ċ) tagħti parir u tassisti lill-Partijiet importaturi, wara talba u kif jixraq:

(i) tikseb iktar informazzjoni biex tgħinhom jieħdu azzjoni skond il-paragrafu 4 ta' l-Artikolu 10 u l-paragrafu 2(c) hawn iktar 'l isfel; u

(ii) issaħħaħ il-kapaċitajiet u l-ħiliet tagħhom biex jimmaniġġaw il-kimiċi b'sigurezza matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom.

2. Kull Parti għandha tiżgura li kimika elenkata fl-Anness III ma tkunx esportata mit-territorju tagħha lejn xi Parti li timporta li, f'ċirkostanzi eċċezzjonali, tkun naqset li tittrasmetti tweġiba jew tkun ittrasmettiet tweġiba interim li ma jkunx hemm fiha deċiżjoni interim, ħlief jekk:

(a) tkun kimika li, fil-ħin ta' importazzjoni, tkun irreġistrata bħala kimika fil-Parti li timporta; jew

(b) tkun kimika li għaliha teżisti xhieda li qabel kienet użata fi, jew importata lejn, il-Parti li timporta u in relazzjoni magħha ebda azzjoni regolatorja biex ikun ipprojbit l-użu tagħha ma kienet ittieħdet; jew

(ċ) kunsens espliċitu għall-importazzjoni kien intalab u kien irċevut mill-esportatur permezz ta' awtorità nazzjonali maħtura tal-Parti li timporta. Il-Parti li timporta għandha twieġeb għal talba tali fi żmien 60 jum u għandha tinnotifika mill-ewwel lis-Segretarjat bid-deċiżjoni tagħha.

L-obbligi tal-Partijiet esportaturi taħt dan il-paragrafu għandhom japplikaw b'effett mill-iskadenza tal-perjodu ta' sitt xhur mid-data li fiha s-Segretarjat jinforma għall-ewwel darba lill-Partijiet, skond il-paragrafu 10 ta' l-Artikolu 10, li Parti kienet naqset li tittrasmetti tweġiba jew ittrasmettiet tweġiba interim li ma jkunx hemm fiha deċiżjoni interim, u għandhom japplikaw għal sena.

Artikolu 12

Notifika ta' esportazzjoni

1. Fejn kimika li hija pprojbita jew severament ristretta minn Parti tkun esportata mit-territorju tagħha, dik il-Parti għandha tipprovdi notifika lill-Parti li timporta. In-notifika ta' esportazzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni miġjuba fl-Anness V.

2. In-notifika ta' esportazzjoni għandha tkun ipprovduta għal dik il-kimika qabel l-ewwel esportazzjoni wara l-adozzjoni ta' l-azzjoni regolatorja finali korrispondenti. Wara dik, in-notifika ta' esportazzjoni għandha tkun ipprovduta qabel l-ewwel esportazzjoni f'kull sena kalendarja. Ir-rekwiżit ta' notifika qabel esportazzjoni jista' jkun irrunzjat mill-awtorità nazzjonali maħtura tal-Parti li timporta.

3. Parti li tesporta għandha tipprovdi notifika aġġornata ta' esportazzjoni wara li tkun adottat azzjoni regolatorja finali li tirriżulta f'bidla maġġuri dwar il-projbizzjoni jew restrizzjoni severa ta' dik il-kimika.

4. Il-Parti li timporta għandha tirrikonoxxi r-riċevuta ta' l-ewwel notifika ta' esportazzjoni riċevuta wara l-adozzjoni ta' l-azzjoni regolatorja finali. Jekk il-Parti li tesporta ma tirċevix ir-rikonoxximent fi żmien 30 jum tad-dispaċċ tan-notifika ta' esportazzjoni, hija għandha tissottometti t-tieni notifika. Il-Parti li tesporta għandha tagħmel sforzi raġonevoli biex tiżgura li l-Parti li timporta tirċievi t-tieni notifika.

5. L-obbligi ta' Parti miġjuba fil-paragrafu 1 għandhom jieqfu meta:

(a) il-kimika kienet elenkata fl-Anness III;

(b) il-Parti li timporta tkun ipprovdiet tweġiba għall-kimika lis-Segretarjat skond il-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 10; u

(ċ) is-Segretarjat ikun qassam it-tweġiba lill-Partijiet skond il-paragrafu 10 ta' l-Artikolu 10.

Artikolu 13

Informazzjoni biex takkompanja kimiċi esportati

1. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha tinkoraġġixxi lill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali biex tassenja kodiċijiet doganali speċifiċi tas-Sistema Armonizzata lill-kimiċi individwali jew gruppi ta' kimiċi elenkati fl-Anness III, kif xieraq. Kull Parti għandha tirrikjedi li, kull meta kodiċi jkun assenjat lill-kimika tali, id-dokument ta' l-imbark għal dik il-kimika jġib fuqu l-kodiċi meta tkun esportata.

2. Mingħajr preġudizzju għal kull rekwiżiti tal-Parti li timporta, kull Parti għandha tirrikjedi li kemm kimiċi elenkati fl-Anness III u kemm kimiċi pprojbiti jew serjament ristretti fit-territorju tagħha jkunu, meta esportati, suġġetti għal rekwiżiti ta' ttikkettjar li jiżguraw disponibbilità adegwata ta' informazzjoni rigward riskji u/jew perikoli għas-saħħa umana jew l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali relevanti.

3. Mingħajr preġudizzju għal kull rekwiżiti tal-Parti li timporta, kull Parti għandha tirrikjedi li kimiċi suġġetti għal rekwiżiti ta' ttikkettjar ambjentali jew saħħa fit-territorju tagħha jkunu, meta esportati, suġġetti għal rekwiżiti ta' ttikkettjar biex jiżguraw disponibbiltà adegwata ta' informazzjoni rigward ir-riskji u/jew perikoli għas-saħħa umana jew l-ambjent, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali relevanti.

4. Rigward il-kimiċi li jirreferi għalihom il-paragrafu 2 li għandhom ikunu użati għal għanijiet marbuta max-xogħol, kull Parti li tesporta għandha tirrikjedi li folja bid-data ta' sigurezza li ssegwi format irrikonoxxut internazzjonalment, li juri l-aktar informazzjoni aġġornata disponibbli, tkun mibgħuta lil kull importatur.

5. L-informazzjoni fuq it-tikketta u fuq il-folja bid-data ta' sigurezza għandha, kemm jista' jkun prattikabbli, tingħata f'waħda jew iktar mill-lingwi uffiċjali tal-Parti li timporta.

Artikolu 14

Skambju ta' informazzjoni

1. Kull Parti għandha, kif xieraq u skond l-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, tiffaċilita:

(a) l-iskambju ta' informazzjoni xjentifika, teknika, ekonomika u legali dwar kimiċi fl-ambitu ta' din il-Konvenzjoni, inkluża informazzjoni tossikoloġika, ekotossikoloġika u ta' sigurezza;

(b) il-provvediment ta' informazzjoni pubblika disponibbli dwar azzjonijiet regolatorji domestiċi relevanti għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni; u

(ċ) il-provvediment ta' informazzjoni lill-Partijiet oħra, direttament jew permezz tas-Segretarjat, dwar azzjonijiet regolatorji domestiċi li sostanzjalment jirrestrinġu l-użu jew użi iktar tal-kimika, kif xieraq.

2. Partijiet li jiskambjaw informazzjoni skond din il-Konvenzjoni għandhom jipproteġu kull informazzjoni konfidenzjali kif miftiehem reċiprokatament.

3. L-informazzjoni li ġejja m'għandhiex tkun meqjusa bħala konfidenzjali għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni:

(a) l-informazzjoni li jirreferu għaliha l-Anness I u IV, issottomessa skond l-Artikolu 5 u 6 rispettivament;

(b) l-informazzjoni li tkun tinsab fil-folja bid-data ta' sigurezza li jirreferi għaliha l-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu 13;

(ċ) id-data ta' skadenza tal-kimika;

(d) informazzjoni dwar miżuri ta' prekawzjoni, inklużi l-klassifika tal-perikolu, in-natura tar-riskju u l-parir relevanti dwar sigurezza; u

(e) ir-riżultati sommarji tat-testijiet tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi.

4. Id-data tal-produzzjoni tal-kimika għandha ġeneralment tkun ikkunsidrata konfidenzjali għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni.

5. Kull Parti li tirrikjedi informazzjoni dwar movimenti ta' transizzjoni mit-territorju tagħha ta' kimiċi elenkati fl-Anness III tista' tirrapporta l-ħtiġiet tagħha lis-Segretarjat, li għandu jgħarraf b'dan lill-Partijiet kollha.

Artikolu 15

Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni

1. Kull Parti għandha tieħu miżuri tali kif jista' jkun meħtieġ biex tistabbilixxi u ssaħħaħ l-infrastrutturi u l-istituzzjonijiet nazzjonali tagħha għall-implimentazzjoni effettiva ta' din il-Konvenzjoni. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, kif rekwiżit, l-adozzjoni jew emenda ta' miżuri leġislattivi u amministrattivi nazzjonali u jistgħu wkoll jinkludu:

(a) l-istabbiliment ta' reġistri u databases nazzjonali inkluża informazzjoni ta' sigurezza għall-kimiċi;

(b) l-inkoraġġiment ta' inzjattivi mill-industrija biex tippromwovi s-sigurezza tal-kimika; u

(ċ) il-promozzjoni ta' ftehim voluntarju, filwaqt li jitqiesu d-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 16.

2. Kull Parti għandha tiżgura, safejn huwa prattikabbli, li l-pubbliku jkollu aċċess xieraq għal informazzjoni dwar it-tqandil (ġarr) ta' kimika u maniġment ta' aċċidenti u dwar alternattivi li għandhom iktar sigurezza għas-saħħa umana jew l-ambjent mill-kimiċi elenkati fl-Anness III.

3. Il-Partijiet jaqblu li jikkoperaw, direttament jew, fejn xieraq, permezz ta' organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, fl-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni fuq livelli subreġjonali, reġjonali u globali.

4. Xejn f'din il-Konvenzjoni m'għandu jkun interpretat bħala li jirrestrinġi d-dritt tal-Partijiet li jieħdu azzjoni li tkun iktar strettament protettiva tas-saħħa umana u l-ambjent minn dik mitluba f'din il-Konvenzjoni, sakemm azzjoni tali tkun konsistenti mad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u tkun skond il-liġi internazzjonali.

Artikolu 16

Assistenza teknika

Il-Partijiet għandhom, filwaqt li jqisu l-ħtiġiet partikolari ta' pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw u pajjiżi b'ekonomiji fi transizzjoni, jikkoperaw fil-promozzjoni ta' assistenza teknika għall-iżvilupp ta' l-infrastruttura u l-kapaċità meħtieġa għall-immaniġġar ta' kimiċi biex issir possibbli l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni. Partijiet bi programmi iktar avvanzati biex jirregolaw il-kimiċi għandhom jipprovdu assistenza teknika, inkluż taħriġ, lil Partijiet oħra fl-iżvilupp ta' l-infrastruttura tagħhom u l-kapaċità li jimmaniġġaw kimiċi matul iċ-ċiklu ta' ħajjithom.

Artikolu 17

Nuqqas ta' osservanza

Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, malajr daqs kemm prattikabbli, tiżviluppa u tapprova proċeduri u mekkaniżmi istituzzjonali biex tiddetermina nuqqas ta' osservanza tad-disposizzjonijiet ta' din il-Konvenzjoni u għal trattament ta' Partijiet li jinstabu f'nuqqas ta' osservanza.

Artikolu 18

Konferenza tal-Partijiet

1. Konferenza tal-Partijiet hija b'dan stabbilita.

2. L-ewwel laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għandha titlaqqa' mid-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP u d-Direttur-Ġenerali tal-FAO, li jaġixxu b'mod konġunt, mhux iktar tard minn sena wara d-dħul fis-seħħ ta' din il-Konvenzjoni. Wara dik, laqgħat ordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jitlaqqgħu f'intervalli regolari li jkunu ddeterminati mill-Konferenza.

3. Laqgħat straordinarji tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom jitlaqqgħu fi żminijiet oħra tali kif jista' jitqies meħtieġ mill-Konferenza, jew wara talba bil-miktub ta' kull Parti sakemm tkun appoġġata mill-inqas minn terz tal-Partijiet.

4. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha taqbel b'konsensus fuq u tadotta fl-ewwel laqgħa r-regoli interni u regoli finanzjarji għaliha infisha u tal-korpi sussidjarji, kif ukoll id-disposizzjonijiet finanzjarji li jirregolaw l-iffunzjonar tas-Segretarjat.

5. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha żżomm taħt reviżjoni u valutazzjoni kontinwa l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni. Għandha twettaq il-funzjonijiet assenjati lilha mill-Konvenzjoni u, għal dan il-għan, għandha:

(a) tistabbilixxi, barra r-rekwiżiti tal-paragrafu 6 hawn iktar 'l isfel, korpi sussidjarji tali kif hi tikkunsidra meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni;

(b) tikkopera, fejn xieraq, ma' l-organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti u korpi intergovernattivi u non-governattivi; u

(ċ) tikkunsidra u tidħol għal kull azzjoni addizzjonali li tista' tkun rekwiżita għall-ksib ta' l-għanijiet tal-Konvenzjoni.

6. Il-Konferenza tal-Partijiet għandha, fl-ewwel laqgħa tagħha, tistabbilixxi korp sussidjarju, li għandu jissejjaħ il-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika, għall-għanijiet li jwettaq il-funzjonijiet assenjati lil dak il-Kumitat mill-Konvenzjoni. F'dan ir-rigward:

(a) il-membri tal-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika għandhom jinħatru mill-Konferenza tal-Partijiet. Sħubija fil-Kumitat għandha tikkonsisti minn numru limitat ta' esperti fil-maniġment tal-kimiċi maħtura mill-gvernijiet. Il-membri tal-Kumitat għandhom jinħatru fuq il-bażi ta' distribuzzjoni ġeografika b'ekwita, inkluż l-iżgurar ta' bilanċ bejn il-Partijiet żviluppati u dawk li għadhom qed jiżviluppaw;

(b) il-Konferenza tal-Partijiet għandha tiddeċiedi dwar it-termini ta' referenza, organizzazzjoni u operat tal-Kumitat;

(ċ) il-Kumitat għandu jagħmel kull sforz biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'konsensus. Jekk l-isforzi kollha biex jinkiseb konsensus ikunu eżawriti, u ebda konsensus ma jkun intlaħaq, rakkomandazzjoni tali għandha billi jkun falla kull tentattiv ieħor tkun adottata b'vot maġġoritarju ta' żewġ terzi tal-membri preżenti u li jivvotaw.

7. In-Nazzjonijiet Uniti, l-aġenziji speċjalizzati tagħhom u l-Aġenzija Internazzjonali dwar l-Enerġija Atomika, kif ukoll kull Stat li mhux Parti għal din il-Konvenzjoni, jistgħu jkunu rrappreżentati f'laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet bħala osservaturi. Kull korp jew aġenzija, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, governattiv kif ukoll non-governattiv, ikkwalifikat f'materji koperti mill-Konvenzjoni, u li jkun informa lis-Segretarjat bix-xewqa tiegħu li jkun irrappreżentat f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet bħala osservatur jista' jkun ammess ħlief jekk għall-inqas terz mill-Partijiet preżenti joġġezzjonaw. L-ammissjoni u l-parteċipazzjoni ta' l-osservaturi għandha tkun suġġetta għar-regoli interni tal-Konferenza tal-Partijiet.

Artikolu 19

Is-Segretarjat

1. Segretarjat huwa b'dan stabbilit.

2. Il-funzjoniet tas-Segretarjat għandhom ikunu:

(a) jagħmel arranġamenti għal laqgħat tal-Konferenza tal-Partijiet u l-korpi sussidjarji tagħhom u jipprovdihom bis-servizzi kif ikun rekwiżit;

(b) jiffaċilita assistenza lill-Partijiet, b'mod partikolari lill-Partijiet li għadhom qed jiżviluppaw u Partijiet b'ekonomiji fi transizzjoni, wara talba, fl-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni;

(ċ) jiżgura l-kordinazzjoni meħtieġa ma' segretarjati ta' korpi oħra internazzjonali relevanti;

(d) jidħol, taħt il-gwida ġenerali tal-Konferenza tal-Partijiet, f'arranġamenti amministrattivi u kuntrattwali tali kif jista' jkun rekwiżit għal qadi effettiv tal-funzjonijiet tiegħu; u

(e) iwettaq il-funzjonijiet l-oħra tas-Segretarjat speċifikati f'din il-Konvenzjoni u funzjonijiet oħra tali kif jistgħu jkunu ddeterminati mill-Konferenza tal-Partijiet.

3. Il-funzjonijiet tas-Segretarjat għal din il-Konvenzjoni għandhom jitwettqu b'mod konġunt mid-Direttur Eżekuttiv tal-UNEP u d-Direttur-Ġenerali tal-FAO, suġġetti għal arranġamenti tali kif ikunu maqbula bejniethom u approvati mill-Konferenza tal-Partijiet.

4. Il-Konferenza tal-Partijiet tista' tiddeċiedi, b'maġġoranza ta' tliet kwart tal-Partijiet preżenti u li jivvotaw, tafda l-funzjonijiet tas-Segretarjat lil waħda jew iktar organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti oħra, jekk issib li s-Segretarjat mhux jiffunzjona kif kien maħsub.

Artikolu 20

Soluzzjoni għal tilwim

1. Partijiet għandhom isolvu kull tilwima bejniethom dwar l-interpretazzjoni jew applikazzjoni ta' din il-Konvenzjoni premezz ta' negozjati jew mezzi paċifiċi oħra li jagħżlu huma stess.

2. Meta tirratifika, taċċetta, tapprova jew taderixxi għal din il-Konvenzjoni, jew f'xi żmien wara dan, Parti li mhix organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika tista' tiddikjara fi strument miktub issottomess lid-Depożitarju li, rigward kull tilwima dwar l-interpretazzjoni jew applikazzjoni tal-Konvenzjoni, hija tirrikonoxxi wieħed jew iż-żewġ mezzi ta' soluzzjoni ta' tilwim li ġejjin bħala obbligatorji in relazzjoni ma' kull Parti li taċċetta l-istess obbligu:

(a) arbitraġġ skond il-proċeduri li għandhom ikunu adottati mill-Konferenza tal-Partijiet fl-Anness kemm jista' jkun malajr prattikabbli; u

(b) sottomissjoni tat-tilwima lill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja.

3. Parti li hija organizzazzjoni reġjonali ta' integrazzjoni ekonomika tista' tagħmel dikjarazzjoni b'effett simili in relazzjoni ma' arbitraġġ skond il-proċedura li jirreferi għaliha l-paragrafu 2(a).

4. Dikjarazzjoni magħmula skond il-paragrafu 2 għandha tibqa' fis-seħħ sakemm tiskadi skond it-termini tagħha jew sa tliet xhur wara n-notifika miktuba tar-revoka tagħha tkun iddepożitata mad-Depożitarju.

5. L-iskadenza ta' dikjarazzjoni, notifika ta' revoka jew dikjarazzjoni ġdida m'għandhom bl-ebda mod jaffettwaw proċeduri pendenti quddiem it-tribunal ta' arbitraġġ jew tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ħlief jekk il-partijiet fit-tilwima jaqblu mod ieħor.

6. Jekk il-partijiet fit-tilwima ma jkunux aċċettaw l-istess jew xi proċedura skond il-paragrafu 2, u jekk huma ma segħtux isolvu t-tilwima fi żmien 12-il xahar wara n-notifika minn parti waħda lil oħra li teżisti tilwima bejniethom, it-tilwima għandha tkun issottomessa lil kummissjoni ta' konċiljazzjoni fuq it-talba ta' xi parti fit-tilwima. Il-kummissjoni ta' konċilazzjoni għandha tagħti rapport b'rakkomandazzjonijiet. Proċeduri addizzjonali konnessi mal-kummissjoni ta' konċilazzjoni għandhom ikunu inklużi fl-Anness li għandu jkun adottat mill-Konferenza tal-Partijiet mhux iktar tard mit-tieni laqgħa tal-Konferenza.

Artikolu 21

Emendi għall-Konvenzjoni

1. Emendi għal din il-Konvenzjoni jistgħu jkunu proposti minn kull Parti.

2. Emendi għal din il-Konvenzjoni għandhom ikunu adottati f'laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. It-test ta' kull emenda proposta għandu jkun ikkomunikat lill-Partijiet mis-Segretarjat mill-inqas sitt xhur qabel il-laqgħa li fiha tkun proposta għal adozzjoni. Is-Segretarjat għandu wkoll jikkomunika l-emenda proposta lill-firmatarji ta' din il-Konvenzjoni u, għal informazzjoni, lid-Depożitarju.

3. Il-Partijiet għandhom jagħmlu kull sforz biex jilħqu ftehim fuq kull emenda proposta għal din il-Konvenzjoni b'konsensus. Jekk l-isforzi għall-konsensus ikunu eżawriti, u ebda ftehim ma jkun intlaħaq, l-emenda għandha billi jkun falla kull tentattiv ieħor tkun adottata b'vot ta' maġġoranza ta' żewġ terzi tal-Partijiet preżenti u li jivvotaw fil-laqgħa.

4. L-emenda għandha tkun ikkomunikata mid-Depożitarju lill-Partijiet kollha għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni.

5. Ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta' emenda għandha tkun innotifikata lid-Depożitarju bil-miktub. Emenda adottata skond il-paragrafu 3 għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet li jkunu aċċettawha fid-90 jum wara d-data tad-depożitu ta' l-istrumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni minn għall-inqas tliet kwarti tal-Partijiet. Wara dan, l-emenda għandha tidħol fis-seħħ għal kull Parti oħra fid-90 jum wara d-data li fiha dik il-Parti tiddepożita l-istrumenti tagħha ta' ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni ta' l-emenda.

Artikolu 22

Adozzjoni u emenda ta' l-Annessi

1. L-Annessi għal din il-Konvenzjoni għandhom jifformaw parti integrali minnha u, ħlief jekk espressament ipprovdut mod ieħor, referenza għal din il-Konvenzjoni tikkostitwixxi fl-istess ħin referenza għall-Annessi magħha.

2. L-Annessi għandhom ikunu ristretti għal materji proċedurali, xjentifiċi, tekniċi jew amministrattivi.

3. Il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-proposta, adozzjoni u dħul fis-seħħ ta' l-Anness addizzjonali ma' din il-Konvenzjoni:

(a) l-Annessi addizzjonali għandhom ikunu proposti u adottati skond il-proċedura preskritta fil-paragrafi 1, 2 u 3 ta' l-Artikolu 21;

(b) kull Parti li ma tistax taċċetta l-Anness addizzjonali għandha hekk tinnotifika lid-Depożitarju, bil-miktub, fi żmien sena mid-data tal-komunikazzjoni ta' l-adozzjoni ta' l-Anness addizzjonali mid-Depożitarju. Id-Depożitarju għandu mingħajr dewmien jinnotifika l-Partijiet kollha b'kull notifika tali riċevuta. Parti tista' f'kull ħin tirtira notifika preċedenti ta' non-aċċettazzjoni rigward l-Anness addizzjonali u l-Anness wara dan għandu jidħol fis-seħħ għal dik il-Parti suġġett għas-subparagrafu (ċ) ta' hawn iktar 'l isfel; u

(ċ) fl-iskadenza ta' sena mid-data tal-komunikazzjoni mid-Depożitarju ta' l-adozzjoni ta' l-Anness addizjonali, l-Anness għandu jidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha li ma jkunux issottomettew notifika skond id-disposizzjonijiet tas-subparagrafu (b) ta' hawn iktar 'il fuq.

4. Ħlief fil-każ ta' l-Anness III, il-proposta, adozzjoni u dħul fis-seħħ ta' emendi għal annessi ma' din il-Konvenzjoni għandhom ikunu suġġetti għall-istess proċeduri bħal dawk għall-proposta, adozzjoni u dħul fis-seħħ ta' l-Annessi addizzjonali mal-Konvenzjoni.

5. Il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-proposta, adozzjoni u dħul fis-seħħ ta' emendi għall-Anness III:

(a) emendi għall-Anness III għandhom ikunu proposti u adottati skond il-proċedura preskritta fl-Artikoli 5 sa 9 u l-paragrafu 2 ta' l-Artikolu 21;

(b) il-Konferenza tal-Partijiet għandha tieħu d-deċiżjonijiet tagħha war l-adozzjoni b'konsensus;

(ċ) deċiżjoni biex temenda l-Anness III għandha fil-pront tkun ikkomunikata lill-Partijiet mid-Depożitarju. L-emenda għandha tidħol fis-seħħ għall-Partijiet kollha f'data li għandha tkun speċifikata fid-deċiżjoni.

6. Jekk l-Anness addizzjonali jew emenda għall-Anness tkun konnessa ma' emenda għal din il-Konvenzjoni, l-Anness addizjonali jew l-emenda m'għandhiex tidħol fis-seħħ qabel dak iż-żmien li fih l-emenda għal din il-Konvenzjoni tidħol fis-seħħ.

Artikolu 23

Ivvotar

1. Kull Parti għal din il-Konvenzjoni għandu jkollha vot wieħed, ħlief kif ipprovdut fil-paragrafu 2 hawn iktar 'l isfel.

2. Organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali, dwar materji fil-kompetenza tagħha, għandha teżerċita d-dritt tagħha għall-vot b'numru ta' voti ugwali għan-numru ta' l-Istati Membri tagħha li huma Partijiet għal din il-Konvenzjoni. Organizzazzjoni tali m'għandhiex teżerċita d-dritt għall-vot jekk xi ħadd mill-Istati Membri jeżerċita d-dritt għall-vot tiegħu, u vice versa.

3. Għall-għanijiet ta' din il-Konvenzjoni, "Partijiet preżenti u li jivvutaw" tfisser Partijiet preżenti u li jitfgħu vot affirmattiv jew negattiv.

Artikolu 24

Firma

Din il-Konvenzjoni għandha tkun miftuħa għall-firma f'Rotterdam mill-Istati kollha u organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali fil-11 ta' Settembru 1998, u fil-Kwartieri Prinċipali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York mit-12 ta' Settembru 1998 sa l-10 ta' Settembru 1999.

Artikolu 25

Ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni

1. Din il-Konvenzjoni għandha tkun suġġetta għal ratifika, aċċettazzjoni jew approvazzjoni minn Stati u organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali. Hija għandha tkun miftuħa għal adeżjoni minn Stati u minn organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali mill-jum ta' wara d-data li fiha l-Konvenzjoni tingħalaq għal firma. Strumenti ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni għandhom ikunu ddepożitati mad-Depositarju.

2. Kull organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li ssir Parti għal din il-Konvenzjoni mingħajr ebda wieħed mill-Istati Membri tagħha ma jkun Parti għandha tkun marbuta bl-obbligi kollha taħt il-Konvenzjoni. Fil-każ ta' organizzazzjonijiet tali, fejn wieħed jew iktar mill-Istati Membri tagħha jkun Parti għal din il-Konvenzjoni, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq ta' l-obbligi tagħhom taħt il-Konvenzjoni. F'każijiet tali, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jeżerċitaw drittijiet taħt il-Konvenzjoni b'mod konkorrenti.

3. Fl-istrument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali għandha tiddikjara l-estensjoni tal-kompetenza tagħha rigward il-materji rregolati b'din il-Konvenzjoni. Kull organizzazzjoni tali għandha wkoll tgħarraf lid-Depożitarju, li mbagħad għandu jgħarraf lill-Partijiet, b'kull modifikazzjoni fl-estenzjoni tal-kompetenza tagħha.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

1. Din il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data tad-depożitu tal-50 strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni.

2. Għal kull Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li j(t)irratifika, j(t)aċċetta jew j(t)approva din il-Konvenzjoni jew j(t)aderixxi għaliha wara d-depożitu tal-50 strument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni, il-Konvenzjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data tad-depożitu minn Stat jew organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali tali ta' l-istrument ta' ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni jew adeżjoni tiegħu/tagħha.

3. Għall-għan tal-paragrafi 1 u 2, kull strument iddepożitat minn organizzazzjoni ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali ma jkunx magħdud bħala addizzjonali ma' dawk iddepożitati minn Stati Membri ta' dik l-organizzazzjoni.

Artikolu 27

Riservi

Ebda riservi ma jistgħu jsiru għal din il-Konvenzjoni.

Artikolu 28

Irtirar

1. F'kull żmien wara tliet snin mid-data li fiha din il-Konvenzjoni tkun daħlet fis-seħħ għal Parti, dik il-Parti tista' tirtira mil-Konvenzjoni billi tagħti notifika miktuba (bil-miktub) lid-Depożitarju.

2. Kull irtirar tali għandu jieħu effett ma' l-iskadenza ta' sena mid-data tar-riċevuta mid-Depożitarju tan-notifika ta' rtirar, jew f'data iktar tard li tista' tkun speċifikata fin-notifika ta' rtirar.

Artikolu 29

Depożitarju

Is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għandu jkun id-Depożitarju ta' din il-Konvenzjoni.

Artikolu 30

Testi awtentiċi

L-oriġinal ta' din il-Konvenzjoni, li tiegħu t-testi biċ-Ċiniż, Franċiż, Għarbi, Ingliż, Russu u Spanjol huma ugwalment awtentiċi, għandhom ikunu ddepożitati għand is-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

B'XHIEDA TA' DAN il-firmatarji hawn iktar 'l isfel, dovutement awtorizzati biex jagħmlu dan, iffirmaw din il-Konvenzjoni.

Magħmula f'Rotterdam f'dan il-għaxar jum ta' Settembru, elf disa' mija u tmienja u disgħin.

--------------------------------------------------

Anness I ma' l-Anness A

REKWIŻITI TA' INFORMAZZJONI GĦAL NOTIFIKI SKOND L-ARTIKOLU 5

In-notifiki għandhom jinkludu:

1. Proprjetajiet, identifikazzjoni u użi

(a) isem komuni;

(b) isem kimiku skond nomenklatura rrikonnoxxuta internazzjonalment (per eżempju, Unjoni Internazzjonali ta' Kimika Pura u Applikata (UIKPA)), fejn nomenklatura tali teżisti;

(ċ) Ismijiet tal-kummerċ u ismijiet tal-preparazzjonijiet;

(d) numri tal-kodiċi: Numru tas-Servizz ta' Estratt ta' Kimimċi (SEK), il-kodiċi tas-Sistema Armonizzata doganali u numri oħra;

(e) informazzjoni dwar il-klassifika ta' perikoli, fejn il-kimika tkun suġġetta għal rekwiżiti ta' klassifika;

(f) użu jew użi tal-kimika;

(g) proprjetajiet fiżiko-kimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi.

2. Azzjoni regolatorja finali

(a) Informazzjoni speċifika għall-azzjoni regolatorja finali:

(i) sommarju ta' l-azzjoni regolatorja finali;

(ii) referenza għad-dokument regolarju;

(iii) data tad-dħul fis-seħħ ta' l-azzjoni regolatorja finali;

(iv) indikazzjoni ta' jekk l-azzjoni regolatorja finali itteħditx fuq il-bażi ta' riskju jew stima ta' perikolu u, jekk hekk, informazzjoni dwar stima tali, li tkopri referenza għad-dokumentazzjoni relevanti;

(v) raġunijiet għall-azzjoni regolatorja finali relevanti għas-saħħa umana, inkluża s-saħħa ta' konsumaturi u ħaddiema, jew l-ambjent;

(vi) sommarju tal-perikoli u riskji ppreżentati mill-kimika għas-saħħa umana, inkluża s-saħħa ta' konsumaturi u ħaddiema, jew l-ambjent u l-effett mistenni ta' l-azzjoni regolatorja finali.

(b) Kategorija jew kategoriji fejn l-azzjoni regolatorja finali ttieħdet, u għal kull kategorija:

(i) użu jew użi pprojbiti mill-azzjoni regolatorja finali;

(ii) użu jew użi li jibqgħu permessi;

(iii) stima, fejn disponibbli, tal-kwantitajiet tal-kimika prodotta, importata u użata.

(ċ) Indikazzjoni, sa fejn hu possibbli, tar-relevanza antiċipata ta' l-azzjoni regolatorja finali għal Stati u reġjuni oħra.

(d) Informazzjoni oħra relevanti li tista' tkopri:

(i) stima ta' effetti soċjo-ekonomiċi ta' l-azzjoni regolatorja finali;

(ii) informazzjoni dwar alternattivi u r-riskji relattivi tagħhom, fejn disponibbli, bħal:

- strateġiji integrati għall-maniġment ta' annimali li jagħmlu l-ħsara,

- prattiċi u proċessi industrijali, inkluża teknoliġija iktar nadifa.

--------------------------------------------------

Anness II ma' l-Anness A

KRITERJI GĦALL-ELENKAR TA' KIMIĊI PPROJBITI JEW SEVERAMENT RISTRETTI FL-ANNESS III

Fir-reviżjoni tiegħu tan-notifiki mibgħuta mis-Segretarjat skond il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 5, il-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika għandu:

(a) jikkonferma li l-azzjoni regolatorja finali ttieħdet biex tkun protetta s-saħħa umana jew l-ambjent;

(b) jistabbilixxi li l-azzjoni regolatorja finali ttieħdet bħala konsegwenza ta' valutazzjoni ta' riskju. Din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq reviżjoni ta' data xjentifika fil-kuntest tal-kondizzjonijiet prevalenti fil-Parti in kwistjoni. Għal dan il-għan, id-dokumentazzjoni pprovduta għandha turi li:

(i) data li kienet iġġenerata skond metodi rikonoxxuti xjentifikament;

(ii) reviżjonijiet ta' data twettqu u ġew iddokumentati skond prinċipji u proċeduri xjentifiċi ġeneralment rikonoxxuti;

(iii) l-azzjoni regolatorja finali kienet ibbażata fuq stima ta' riskju li jinvolvi l-kondizzjonijiet prevalenti ġewwa l-Parti li tkun qed tieħu l-azzjoni;

(ċ) jikkunsidra jekk l-azzjoni regolatorja finali tipprovdix bażi wiesa' biżżejjed biex timmerita l-elenkar tal-kimika fl-Anness III, billi jqis:

(i) jekk l-azzjoni regolatorja finali wassletx, jew kenitx mistennija twassal, għal tnaqqis sinjifikanti fil-kwantita tal-kimika użata jew fin-numru ta' l-użi tagħha;

(ii) jekk l-azzjoni regolatorja finali wassletx għal tnaqqis attwali ta' riskju jew kenitx mistennija li tirriżulta fi tnaqqis sinjifikanti ta' riskju għas-saħħa umana jew l-ambjent tal-Parti li ssottomettiet in-notifika;

(iii) jekk il-konsiderazzjonijiet li wasslu għall-azzjoni regolatorja finali li ttieħdet humiex applikabbli biss għal żona ġeografika limitata jew f'ċirkostanzi limitati oħra;

(iv) jekk hemmx xiehda ta' kummerċ internazzjonali għaddej fil-kimika;

(d) jqis li l-użu ħażin intenzjonat huwiex fih innifsu raġuni adegwata biex kimika tkun elenkata fl-Anness III.

--------------------------------------------------

Annex III ma' l-Anness A

KIMIĊI SUĠĠETTI GĦALL-PROĊEDURA TAL-KUNSENS INFORMAT MINN QABEL

Kimika | Numru(i) relevanti CAS | Kategorija |

2,4,5-T | 93-76-5 | Pestiċida |

Aldrin | 309-00-2 | Pestiċida |

Captafol | 2425-06-1 | Pestiċida |

Chlordane | 57-74-9 | Pestiċida |

Chlordimeform | 6164-98-3 | Pestiċida |

Chlorobenzilate | 510-15-6 | Pestiċida |

DDT | 50-29-3 | Pestiċida |

Dieldrin | 60-57-1 | Pestiċida |

Dinosob and dinoseb salts | 88-85-7 | Pestiċida |

1,2-dibromoethane (EDB) | 106-93-4 | Pestiċida |

Fluoroacetamide | 640-19-7 | Pestiċida |

HCH (mixed isomers) | 608-73-1 | Pestiċida |

Heptachlor | 76-44-8 | Pestiċida |

Hexachlorobenzene | 118-74-1 | Pestiċida |

Lindane | 58-89-9 | Pestiċida |

Komposti ta' merkurju, inklużi komposti inorganiċi ta' merkurju, komposti ta' merkurju ta' alkanu u alkyloxalkyl u komposti ta' merkurju ta' aryl | | Pestiċida |

Pentachlorophenol | 87-86-5 | Pestiċida |

Monocrotophos (Formulazzjonijiet ta' likwidi solubbli tas-sustanza li teċċedi 600 g ta'ingredjenti attivi/l) | 6923-22-4 | Formulazzjoni ta' pestiċida severament perikoluża |

Methamidophos (Formulazzjonijiet ta' likwidi solubbli tas-sustanza li teċċedi 600 g ta' ingredjenti attivi/l) | 10265-92-6 | Formulazzjoni ta' pestiċida severament perikoluża |

Phosphamidon (Formulazzjonijiet ta' likwidi solubbli tas-sustanza li teċċedi 1000 g ta' ingredjenti attivi/l) | 13171-21-6 (taħlita, (E) & (Z) isomers) 23783-98-4 ((Z)-isomer) 297-99-4 ((E)-isomer) | Formulazzjoni ta' pestiċida severament perikoluża |

Metyl-parathion (konċentrat emulsifibbli (EC) bi 19,5 %, 40 %, 50 %, 60 % ta' ingredjenti attivi u trabijiet li fihom 1,5 %, 2 % u 3 % ta' ingredjenti attivi | 298-00-0 | Formulazzjoni ta' pestiċida severament perikoluża |

Parathion (formulazzjonijiet kollha -aerosols, dustable powder (DP), konċentrat emulsifibbli (EC), granules (GR)u wettable powders (WP) ta' din is-sustanza huma inklużi, barra minn capsule suspensions (CS) | 56-38-2 | Formulazzjoni ta' pestiċida severament perikoluża |

Crocidolite | 12001-28-4 | Industrijali |

Polybrominated biphenyls (PBB) | 36355-01-8 (hexa-) 27858-07-7 (octa-) 13654-09-6 (deca-) | Industrijali |

Polychlorinated biphenyls (PCB) | 1336-36-3 | Industrijali |

Polychlorinated terphenyls (PCT) | 61788-33-8 | Industrijali |

Tris (2,3-dibromopropyl) phosphate | 126-72-7 | Industrijali |

--------------------------------------------------

Anness IV ma' l-Anness A

INFORMAZZJONI U KRITERJI GĦALL-ELENKAR TA' FORMULAZZJONIJIET TA' PESTIĊIDI SEVERAMENT PERIKOLUŻI FL-ANNESS III

Parti 1: Dokumentazzjoni rekwiżita minn Parti li tipproponi

Proposti ssottomessi skond il-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 6 għandhom jinkludu dokumentazzjoni adegwata li jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:

(a) isem il-formulazzjoni perikoluża tal-pestiċida;

(b) isem ta' l-ingredjent jew ingredjenti attivi fil-formulazzjoni;

(ċ) ammont relattiv ta' kull ingredjent attiv fil-formulazzjoni;

(d) tip ta' formulazzjoni;

(e) ismijiet tal-kummerċ u ismijiet tal-produtturi, jekk disponibbli;

(f) mudelli ta' użu komuni jew irrikonoxxuti tal-formulazzjoni ġewwa l-Parti li tipproponi;

(g) deskrizzjoni ċara ta' l-inċidenti konnessi mal-problema, inklużi l-effetti avversi u l-manjiera li fiha l-formulazzjoni kienet użata;

(h) kull miżura regolatorja, amministrattiva jew kull miżura oħra meħuda, jew intiża biex tittieħed, mill-Parti li tipproponi bi tweġiba għal inċidenti tali.

Part 2: Informazzjoni li għandha tinġabar mis-Segretarjat

Skond il-paragrafu 3 ta' l-Artikolu 6, is-Segretarjat għandu jiġbor l-informazzjoni konnessa mal-formulazzjoni, inklużi:

(a) il-proprjetajiet fiżiko-kimiċi, tossikoloġiċi u ekotossikoloġiċi tal-formulazzjoni;

(b) l-eżistenza ta' restrizzjonijiet ta' ġarr (tqandil) jew ta' l-applikatur fi Stati oħra;

(ċ) informazzjoni dwar inċidenti konnessi mal-formulazzjoni fi Stati oħra;

(d) informazzjoni ssottomessa minn Partijiet oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali, organizzazz-jonijiet mhux governamentali jew sorsi (għejun) oħra relevanti, kemm nazzjonali kif ukoll inter-nazzjonali;

(e) valutazzjonijiet ta' riskju u/jew perikolu, fejn disponibbli;

(f) indikazzjonijiet, fejn disponibbli, ta' l-estensjoni ta' l-użu tal-formulazzjoni, bħan-numru ta' reġistrazzjonijiet jew kwantità ta' produzzjoni jew bejgħ;

(g) formulazzjonijiet oħra tal-pestiċida in kwistjoni, u inċidenti, jekk ikun hemm, konnessi ma' dawn il-formulazzjonijiet;

(h) prattiċi alternattivi ta' kontroll ta' annimali li jagħmlu ħsara;

(i) informazzjoni oħra li l-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika jista' jidentifika bħala relevanti.

Parti 3: Kriterji għal elenkar ta' formulazzjonijiet ta' pestiċidi severament perikolużi fl-Anness III

Fir-reviżjoni tal-proposti mibgħuta mis-Segretarjat skond il-paragrafu 5 ta' l-Artikolu 6, il-Kumitat ta' Reviżjoni dwar Kimika għandu jqis:

(a) il-kredibilità tax-xiehda li tindika li l-użu tal-formulazzjoni, skond il-prattiċi komuni jew irrikonoxxuti ġewwa l-Parti li tipproponi, irriżulta fl-inċidenti rrapportati;

(b) ir-relevanza ta' inċidenti tali għal Stati oħra bi klima, kondizzjonijiet u mudelli ta' użu simili tal-formulazzjoni;

(ċ) l-eżistenza ta' restrizzjonijiet ta' ġarr (tqandil) jew ta' l-applikatur li tinvolvi teknoloġija jew tekniki (metodi ta' teknika) li jistgħu ma jkunux raġonevoli jew applikati fil-wisa' fi Stati li m'għandhomx l-infrastruttura meħtieġa;

(d) it-tifsira ta' l-effetti rrapportati in relazzjoni għall-kwantita tal-formulazzjoni użata;

(e) li l-użu ħażin intenzjonat mhux fih innifsu raġuni adegwata biex formulazzjoni tkun elenkata fl-Anness III.

--------------------------------------------------

Anness V ma' l-Anness A

REKWIŻITI TA' INFORMAZZJONI GĦAL NOTIFIKA TA' ESPORTAZZJONI

1. Notifiki ta' esportazzjoni għandu jkun fihom l-informazzjoni li ġejja:

(a) isem u indirizz ta' l-awtorità nazzjonali relevanti maħtura tal-Parti li tesporta u l-Parti li timporta;

(b) id-data mistennija ta' l-esportazzjoni għall-Parti li timporta;

(ċ) isem tal-kimika pprojbita jew severament ristretta u sommarju ta' l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I li għandha tkun ipprovduta lis-Segretarjat skond l-Artikolu 5. Meta iktar minn kimika waħda tali tkun inkluża f'taħlita jew preparazzjoni, informazzjoni tali għandha tkun ipprovduta għal kull kimika;

(d) dikjarazzjoni li tindika, jekk magħrufa, il-kategorija antiċipata tal-kimika u l-użu antiċipat tagħha f'dik il-kategorija fil-Parti li timporta;

(e) informazzjoni dwar miżuri prekawzjonarji biex titnaqqas l-esposizzjoni għall-, u l-emissjoni tal-kimika;

(f) fil-każ ta' taħlita jew preparazzjoni, il-konċentrazzjoni tal-kimika jew kimiċi pprojbiti jew severament ristretti in kwistjoni;

(g) isem u indirizz ta' l-importatur;

(h) kull informazzjoni addizzjonali li hija faċilment disponibbli lill-awtorità nazzjonali relevanti maħtura li tkun assistenza lill-awtorità nazzjonali maħtura tal-Parti li timporta.

2. Barra mill-informazzjoni li jirreferi għaliha l-paragrafu 1, il-Parti li tesporta għandha tipprovdi dik l-informazzjoni speċifikata fl-Anness I kif jista' jkun rikjest mill-Parti li timporta.

--------------------------------------------------

ANNESS B

DIKJARAZZJONI MILL-KOMUNITÀ EWROPEA SKOND L-ARTIKOLU 25 (PARAGRAFU 3) TAL-KONVENZJONI TA' ROTTERDAM

"Il-Komunità Ewropea tiddikjara li, skond it-Trattat li jistabilixxi il-Komunitaj Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu, hija kompetenti li tidħol fi ftehim internazzjonali, u li timplimenta l-obbligi li joħorġu minnhom (i.e. minn ftehim fil-plural), li jikkontribwixxu għall-insegwiment ta' l-għanijiet li ġejjin:

- li tkun ippreżervata, protetta u mtejba l-kwalità ta' l-ambjent,

- li tkun protetta s-saħħa umana,

- l-użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali,

- li jkunu promossi miżuri fuq livell internazzjonali biex tieħu ħsieb (tlaħħaq ma') problemi ambjentali fuq skala dinjija.

Barraminhekk, il-Komunità Ewropea tiddikjara li hija diġa adottat strumenti legali, inkluż ir-Regolament (KE) Nru 304/2003 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' kimiċi perikolużi, li jorbot lill-Istati Membri, li jkopri materji rregolati b'din il-Konvenzjoni, u għandha tissottometti u taġġorna, kif xieraq, lista ta' strumenti legali lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

Il-Komunità Ewropea hija responsabbli għat-twettiq ta' dawk l-obbligi li joħorġu mill-Konvenzjoni li huma koperti mill-liġi Komunitarja fis-seħħ.

L-eżerċizzju tal-kompetenza Komunitarja huwa, min-natura tiegħu, suġġett għal żvilupp kontinwu."

--------------------------------------------------