22001A1227(08)



Official Journal L 342 , 27/12/2001 P. 0036 - 0041


ANNESS III

Ftehim

bejn il-Komunità Ewropea u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar ir-rikonoxximent reċiproku, il-protezzjoni u l-kontroll ta' tipi ta' xorb spirituż u xorb aromatizzat

Artikolu 1

Għanijiet

1. Il-Partijiet Kontraenti hawnhekk jaqblu, b'mod konformi mal-prinċipji, kontra n-nuqqas ta' diskriminazzjoni u r-reċiproċità, li jirrikonoxxu, jipproteġu u jikkontrollaw it-tipi ta' xorb spirituż u ta' xorb aromatizzat, li joriġina fit-territorju tagħhom fuq il-bażi tal-kondizzjonijiet stabbiliti hawn.

2. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri ġenerali u speċifiċi kollha, li hemm bżonn biex jassiguraw li l-obbligazzjonijiet stabbiliti b'dan il-Ftehim ikunu mitmuma u li l-għanijiet imfassla f'dan il-Ftehim jintlaħqu.

Artikolu 2

Skop u kopertura

Dan il-Ftehim japplika għall-prodotti li ġejjin:

(a) xorb spirituż kif definit:

- għall-Komunità, fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 tad-29 ta' Mejju 1989 li jfassal regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tax-xorb spirituż [1],

- għall-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fir-regolamenti dwar il-kwalità ta' xorb spirituż (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja Nru 16/88), kif l-aħħar emendat bir-regolamenti dwar il-kwalità ta' xorb spirituż (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja Nru 63/88),

u li jaqa' taħt l-intestatura Nru 2208 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema tad-Deskrizzjoni u l-Ikkodjar Armonizzata tal-Komodità, magħmula fi Brussel fl-14 ta' Ġunju 1983;

(b) inbid aromatizzat, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails minn prodotti ta' l-inbid aromatizzat, hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "xorb aromatizzat", kif definit:

- għall-Komunità, fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1601/1991 ta' l-10 ta' Ġunju 1991 li jfassal regoli ġenerali dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni ta' nbejjed aromatizzati, xorb ibbażat fuq inbid aromatizzat u cocktails minn prodotti ta' l-inbid aromatizzat [2],

- għall-ex-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fir-regolamenti dwar il-kwalità ta' nbejjed (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja Nru 17/81), kif l-aħħar emendat bir-regolamenti dwar il-kwalità ta' nbejjed (Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Federali Soċjalista tal-Jugoslavja Nru 14/89),

u kopert bl-intestaturi Nri 2205 u l-ex2206 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema tad-Deskrizzjoni u l-Ikkodjar Armonizzata tal-Komodità, magħmula fi Brussel fl-14 ta' Ġunju 1983.<0}

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta' dan il-Ftehim:

(a) "xorb spirituż li joriġina minn", segwit bl-isem ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, ifisser xorb spirituż li hu fabbrikat fit-territorju ta' dik il-Parti;

(b) "xorb aromatizzat li joriġina minn", segwit bl-isem ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, ifisser xorb aromatizzat li hu fabbrikat fit-territorju ta' dik il-Parti;

(ċ) "deskrizzjoni" tfisser il-kliem użat fuq it-tikketti, fi kwalunkwe dokument li jakkompanja xorb spirituż jew xorb aromatizzat waqt it-trasportazzjoni, f'dokumenti kummerċjali, b'mod partikolari fil-fatturi u f'noti ta' tqassim, u waqt ir-reklamar;

(d) "omonimu" għandha tfisser l-istess isem protett, jew isem protett li tant hu simili li x'aktarx joħloq konfużjoni, li juri postijiet differenti ta' oriġini, jew xorb spirituż u xorb aromatizzat differenti li joriġina mit-territorji rispettivi tal-Partijiet Kontraenti;

(e) "l-ittikkettjar" ifisser kull deskrizzjoni u referenzi, sinjali, simboli, illustrazzjonijiet jew trade marks oħrajn li jidentifikaw xorb spirituż u xorb aromatizzat u li jidhru fuq il-kontenitur, inkluż il-mezz ta' siġill jew il-lametta mwaħħla miegħu, u l-kisi ta' l-għonq tal-fliexken;

(f) "preżentazzjoni" tfisser il-kliem jew is-sinjali użati fuq il-kontenituri, inkluż l-għeluq tagħhom, fuq it-tikketti u fuq l-affarijiet użati għall-ippakkjar;

(g) "ippakkjar" ifisser it-tgeżwir protettiv bħalma huma l-karti, tgeżwir tat-tiben ta' kull tip, kartun u kaxxi użati matul it-trasport ta' kontenitur jew iżjed u/jew matul il-wirja tagħhom għall-bejgħ lill-konsumatur aħħari;

(h) "trade mark" għandha tfisser:

- trade mark reġistrata f'termini tal-leġislazzjoni ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti,

- trade mark tal-liġi komuni li hi rikonoxxuta taħt il-liġi ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, u

- trade mark magħrufa ħafna msejħa fl-Artikolu 6 biss tal-Konvenzjoni ta' Pariġi għall-Protezzjoni ta' Proprjetà Industrijali (1967).

TITOLU I

PROTEZZJONI REĊIPROKA TA' TIPI TA' XORB SPIRITUŻ U XORB AROMATIZZAT

Artikolu 4

Prinċipji

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 22 u 23 tal-Ftehim dwar l-aspetti relatati mal-kummerċ tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim TRIPs" ) imfassal fl-Anness 1Ċ għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, b'mod konformi ma' dak l-Anness, biex jassiguraw protezzjoni reċiproka tat-tipi msejħa fl-Artikolu 5 u użati biex jiddeskrivu xorb spirituż u xorb aromatizzat li joriġina mit-territorji tal-Partijiet.

2. Għal dak il-għan, kull Parti għandha tipprovdi lill-partijiet interessati bil-mezzi legali xierqa biex ma jħallux l-użu ta' tipi biex jidentifikaw xorb spirituż jew xorb aromatizzat li ma joriġinax miż-żona ġeografika indikata fit-tipi in kwistjoni jew fil-post fejn huma tradizzjonalment użati t-tipi in kwestjoni.

- Fl-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-tipi protetti tal-Komunità:- m'għandhomx jiġu użati ħlief taħt il-kondizzjonijiet imfassla fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Komunità, u

- għandhom jiġu riservati esklużivament għax-xorb spirituż u xorb aromatizzat li joriġina mill-Komunità li għalihom japplika.

3. Fil-Komunità, it-tipi protetti ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja:

- m'għandhomx jiġu użati ħlief taħt il-kondizzjonijiet imfassla fil-liġijiet u fir-regolamenti ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,u

- għandhom jiġu riservati esklużivament għax-xorb spirituż u xorb aromatizzat li joriġina mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja li għalihom japplika.

4. Il-protezzjoni prevvista f'dan il-Ftehim għandha xxekkel b'mod partikolari kwalunkwe użu ta' tipi protetti għal xorb spirituż jew xorb aromatizzat li ma joriġinax miż-żona ġeografika indikata fit-tipi in kwestjoni jew fil-post fejn huma tradizzjonalment użati t-tipi in kwestjoni, u għandha tapplika ukoll meta:

- l-oriġini vera tax-xorb spirituż jew xorb aromatizzat hi indikata,

- l-indikazzjoni ġeografika in kwestjoni hi użata fit-traduzzjoni,

- l-isem hu akkompanjat b'termini bħal "għamla", "tip", "stil", "imitazzjoni", "metodu" jew espressjonijiet oħra ta' dan it-tip.

5. F'każijiet ta' tipi omonimi għal xorb spirituż u xorb aromatizzat, għandha tingħata protezzjoni lil kull tip. Il-Kunsill tal-Koperazzjoni jista' jiddetermina b'deċiżjoni l-kondizzjonijiet prattiċi li taħthom iridu jiġu ddiferenzjati t-tipi omonimi in kwestjoni, waqt li jagħti każ tal-bżonn li l-proċeduri kkonċernati jiġu trattati b'mod xieraq u biex jevitaw li l-konsumatur jiġi mqarraq.

6. Id-disposizzjonijiet ta' dan il-Ftehim m'għandhom bl-ebda mod jippreġudikaw id-dritt ta' xi persuna li tuża, għal skopijiet ta' kummerċ, l-isem tagħha proprju jew l-isem tal-persuna li tagħha jkunu ħadu n-negozju, basta li ismijiet bħal dawn ma jkunux użati b'xi mod biex iqarrqu bil-konsumatur.

7. Xejn f'dan il-Ftehim m'għandu jobbliga xi Parti biex tipproteġi kwalunkwe tip tal-Parti l-oħra li mhux protett jew li m'għadux protett fil-pajjiż ta' l-oriġini tiegħu jew li m'għadux jintuża f'dak il-pajjiż.

8. Il-Partijiet Kontraenti hawnhekk jirrinunzjaw id-dritt tagħhom li jinvokaw l-Artikolu 24(4) sa (7) tal-Ftehim TRIPs sabiex jirrifjutaw li tingħata protezzjoni lit-tipi tal-Parti l-oħra.

Artikolu 5

Tipi protetti

It-tipi li ġejjin għandhom jiġu protetti:

(a) fir-rigward ta' xorb spirituż li joriġina mill-Komunità, it-tipi fil-lista 1;

(b) fir-rigward ta' xorb spirituż li joriġina mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-tipi fil-lista 2;

(ċ) fir-rigward ta' xorb aromatizzat li joriġina mill-Komunità, it-tipi fil-lista 3;

(d) fir-rigward ta' xorb aromatizzat li joriġina mill-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, it-tipi fil-lista 4;

Artikolu 6

Trade marks

1. Ir-reġistrazzjoni ta' trade mark għal xi xarba spirituża jew xarba aromatizzata li jkollha jew tikkonsisti minn tip kif riferut fl-Artikolu 5 għandha tkun miċħuda jew, fuq talba minn xi parti interessata, tiġi invalidata, b'rispett għat-tali xorb spirituż li ma joriġinax fil-post indikat fit-tip.

2. Minkejja paragrafu 1, trade mark li tkun reġistrata b' bona fede sal-31 ta' Diċembru 1995 l-iktar tard tista' tintuża sal-31 ta' Diċembru 2005, basta hi tkun ġiet użata effettivament mingħajr waqfien mir-reġistrazzjoni tagħha.

Artikolu 7

Esportazzjonijiet

Il-Partijiet għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jassiguraw li, f'każijiet fejn xorb spirituż jew xorb aromatizzat li joriġina mit-territorju tal-Partijiet huma esportati u mqiegħda fis-suq barra mit-territorju tagħhom, it-tipi ta' waħda mill-Partijiet protetti taħt dan il-Ftehim ma jiġux użati biex jinnominaw u jippreżentaw xorb spirituż jew xorb aromatizzat li joriġina mill-Parti l-oħra.

Artikolu 8

Estensjoni tal-protezzjoni

Sa fejn tippermetti l-leġislazzjoni relevanti tal-Partijiet, il-benefiċċju tal-protezzjoni mogħtija b'dan il-Ftehim għandu jkopri persuni naturali u legali u federazzjonijiet, assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet ta' produtturi, negozjanti u konsumaturi li l-uffiċji prinċipali tagħhom jinsabu fit-territorju tal-Parti l-oħra.

Artikolu 9

Infurzar

1. Jekk l-awtorità kompetenti xierqa, innominata b'mod konformi ma' l-Artikolu 11, tintebaħ li d-deskrizzjoni jew il-preżentazzjoni ta' xi xarba spirituża jew xarba aromatizzata, b'mod partikolari fuq it-tikketta, fid-dokumenti uffiċjali jew kummerċjali jew fir-reklamar, qed tikser dan il-Ftehim, il-Partjiet għandhom japplikaw il-miżuri amministrattivi neċessarji u/jew għandhom jibdew proċeduri ġudizzjarji xierqa bil-ħsieb li jikkombattu kompetizzjoni inġusta jew ma jħallux li t-tipi protetti jintużaw ħażin f'kwalunkwe mod ieħor.

2. Il-miżuri u l-proċeduri msejħa fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu b'mod partikolari fil-każijiet li ġejjin:

(a) fejn it-traduzzjoni tat-tipi prevvista mil-leġislazzjoni tal-Komunità jew ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fil-lingwa jew lingwi tal-Parti Kontraenti l-oħra tirriżulta fl-apparenza ta' kelma li hi suġġetta li ma taqbilx ma' l-oriġini, in-natura jew il-kwalità tax-xarba spirituża jew xarba aromatizzata għalhekk identifikati;

(b) fejn id-deskrizzjonijiet, trade marks, kliem, skrizzjonijiet jew illustrazzjonijet li direttament jew indirettament jagħtu informazzjoni falza jew li tqarraq meta tqabbel l-oriġini, in-natura, il-kwalitajiet tal-materjal tax-xorb spirituż jew xorb aromatizzat jidhru fuq il-kontenituri jew tgeżwir, fir-reklamar jew f'dokumenti uffiċjali jew kummerċjali li għandhom x'jaqsmu mat-tipi protetti taħt dan il-Ftehim;

(ċ) fejn, għat-tgeżwir, huma użati kontenituri li jistgħu jqarrqu rigward l-oriġini tax-xorb spirituż jew xorb aromatizzat.

3. L-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 m'għandhomx jippreġudikaw il-possibbiltajiet tal-persuni u entitajiet msejħa fl-Artikolu 8 li jieħdu azzjoni xierqa fil-Partijiet Kontraenti, inkluż rikors fil-Qrati.

Artikolu 10

Leġislazzjoni interna u ftehim internazzjonali ieħor

Kemm-il darba l-Partijiet Kontraenti ma jiftehmux mod ieħor, dan il-Ftehim m'għandux ikompli jtellef il-protezzjoni estensiva mogħtija, issa jew fil-futur, lit-tipi protetti b'dan il-Ftehim mill-Partijiet Kontraenti taħt il-leġislazzjoni interna tagħhom jew ftehim internazzjonali ieħor.

TITOLU II

KONTROLLI U GĦAJNUNA REĊIPROKA BEJN L-AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 11

Awtoritajiet ta' l-infurzar

1. Fejn xi Parti Kontraenti tinnomina iżjed minn awtorità kompetenti waħda, hi għandha tassigura l-kordinazzjoni fix-xogħol ta' dawn l-awtoritajiet. Għal dan l-iskop, għandha tiġi nominata awtorità waħda.

2. Il-Partijiet għandhom jinfurmaw lil xulxin bl-ismijiet u bl-indirizzi ta' l-awtoritajiet ta' hawn fuq mhux aktar tard minn xahrejn wara li dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ. Dawn l-awtoritajiet għandhom jikkoperaw spalla ma' spalla u direttament ma' xulxin.

Artikolu 12

Ksur

1. Jekk waħda mill-awtoritajiet imsejħa fl-Artikolu 11 għandha raġuni biex tissuspetta li:

(a) xi xarba spirituża jew xi xarba aromatizzata kif definita fl-Artikolu 2, li qiegħda jew kienet innegozjata bejn l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Komunità, ma tħarisx dan il-Ftehim jew id-disposizzjonijiet stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti tal-Partijiet kontraenti, applikabbli għax-xorb spirituż u xorb aromatizzat, u

(b) dan in-nuqqas ta' konformità hu ta' interess partikolari għall-Parti Kontraenti l-oħra u jista' jwassal sabiex jittieħdu miżuri amministrattivi u/jew proċeduri legali,

hi għandha tinforma mill-ewwel lill-Kummissjoni u lill-awtorità jew lill-awtoritajiet relevanti tal-Parti l-oħra.

2. L-informazzjoni prevvista b'mod konformi ma' paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata b'dokumenti uffiċjali, kummerċjali jew oħrajn li huma xierqa, bid-dettalji ta' kwalunkwe miżuri amministrattivi jew proċeduri legali li jistgħu, jekk ikun hemm bżonn, jittieħdu. L-informazzjoni għandha tinkludi, b'mod partikolari, id-dettalji li ġejjin li għandhom x'jaqsmu max-xarba spirituża jew xarba aromatizzata in kwestjoni:

(a) il-produttur u l-persuna li għandhom il-poter li jiddisponu mix-xarba spirituża jew aromatizzata;

(b) il-komposizzjoni u l-karatteristiċi organoleptiċi ta' dik ix-xarba;

(ċ) id-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tagħha;

(d) id-dettalji tan-nuqqas ta' ħarsien mar-regoli li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni u l-marketing.

TITOLU III

AMMINISTRAZZJONI TAL-FTEHIM

Artikolu 13

Grupp ta' ħidma

1. Sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta' l-Istabilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni, għandu jiġi stabbilit grupp ta' ħidma, li jiffunzjona taħt il-patronċinju ta' parti ta' ħidma eżistenti stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1/98 tal-Kunsill tal-Koperazzjoni [3] stabbilita bil-Ftehim tal-Koperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, fuq naħa waħda, u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, fuq in-naħa l-oħra, iffirmat bi Skambju ta' Ittri fid-29 ta' April 1997 [4].

2. Il-grupp ta' ħidma għandu jara li dan il-Ftehim jaħdem kif jixraq u għandu jeżamina kull kwistjoni li tista'tinħoloq waqt l-implimentazzjoni tiegħu. B'mod partikolari, il-grupp ta' ħidma jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 14

Kompiti tal-Partijiet Kontraenti

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom, jew direttament jew bl-għajnuna tal-grupp ta' ħidma msejħa fl-Artikolu 13, iżommu kuntatt fuq il-materji kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni u l-funzjoni ta' dan il-Ftehim.

2. B'mod partikolari, il-Partijiet Kontraenti għandhom:

(a) jistabbilixxu u jemendaw b'deċiżjoni tal-Kunsill tal-Koperazzjoni l-listi msejħa fl-Artikolu 5 u l-Protokoll għal dan il-Ftehim biex jagħtu każ ta' kwalunkwe emenda fil-liġijiet u fir-regolamenti tal-Partiiet Kontraenti;

(b) jinfurmaw lil xulxin bl-intenzjoni li jiddeċiedu regolamenti ġodda jew emendi tar-regolamenti eżistenti dwar interess tal-politika pubblika, bħal saħħa jew protezzjoni tal-konsumatur, bl-implikazzjoni tas-suq tax-xorb spirituż jew xorb aromatizzat;

(ċ) javżaw lil xulxin bid-deċiżjonijiet ġudizzjarji li għandhom x'jaqsmu ma' l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim u jinformaw lil xulxin bil-miżuri adottati fuq il-bażi ta' tali deċiżjonijiet.

3. Fil-kwadru ta' dan il-Ftehim, kull Parti Kontraenti tista' tressaq suġġerimenti biex jitwessa' l-iskop tal-koperazzjoni tagħhom fis-suq tax-xorb spirituż u xorb aromatizzat, waqt li jingħata każ ta' l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tiegħu.

4. Deċiżjonijiet magħmula taħt paragrafu 2(a) għandhom jorbtu fuq il-Partijiet, li għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jimplimentaw id-deċiżjonijiet meħuda.

TITOLU IV

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 15

Transitu - kwantitajiet żgħar

Dan il-Ftehim m'għandux japplika għal xorb spirituż u xorb aromatizzat li:

(a) jgħaddi fi transitu fit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti, jew

(b) li joriġina mit-territorju ta' waħda mill-Partijiet Kontraenti u li huma kkunsinnati fi kwantitajiet żgħar bejn dawk il-Partijiet Kontraenti taħt il-kondizzjonijiet u skond il-proċeduri prevvisti fil-Protokoll.

Artikolu 16

Applikazzjoni territorjali

Dan il-Ftehim għandu jgħodd, fuq naħa waħda, għat-territorji li għalihom japplika t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u taħt il-kondizzjonijiet imfassla f'dak it-Trattat u, fuq in-naħa l-oħra, għat-territorji ta' l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.

Artikolu 17

Nuqqas ta' konformità

1. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jidħlu f'konsultazzjonijiet jekk xi ħadd minnhom jikkonsidra li l-parti l-oħra naqset milli twettaq obbligazzjoni taħt dan il-Ftehim.

2. Il-Parti Kontraenti li titlob il-konsultazzjonijiet għandha tipprovdi lill-Parti l-oħra bl-informazzjoni kollha neċessarja għal eżami dettaljat tal-każ in kwestjoni.

3. Fil-każijiet fejn kwalunkwe dewmien jista' jipperikola s-saħħa umana jew ifixkel l-effettività ta' miżuri li jikkontrollaw frodi, jistgħu jittieħdu miżuri protettivi xierqa interim, mingħajr konsultazzjoni minn qabel, basta li l-konsultazzjonijiet isiru immedjatament wara li jittieħdu t-tali miżuri.

4. Jekk, wara l-konsultazzjonijiet prevvisti f'paragrafi 1 u 3, il-Partijiet Kontraenti ma jkunux laħqu ftehim, il-Parti li tkun talbet il-konsultazzjonijiet jew ħadet il-miżuri msejħa fil-paragrafu 3 tista' tieħu miżuri salvagwardji xierqa biex tħalli l-applikazzjoni proprja ta' dan il-Ftehim.

Artikolu 18

Marketing ta' ħażniet pre-eżistenti

1. Xorb spirituż u xorb aromatizzat li, fiż-żmien ta' dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, kien fabbrikat, deskritt u preżentat legalment, b'mod konformi mal-liġijiet u regolamenti interni tal-Partijiet Kontraenti, imma jista' jkun projbit b'dan il-Ftehim jista' jitqiegħed fis-suq minn negozjanti li jbiegħu bl-ingrossa għal perjodu ta' sena mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim u minn negozjanti li jbiegħu bl-imnut sakemm tispiċċa l-ħażna. Wara d-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, ix-xorb spirituż u ix-xorb aromatizzat inkluż hawnhekk ma jistax jibqa' jiġi fabbrikat barra mil-limiti tar-reġjuni ta' l-oriġini tagħhom.

2. Xorb spirituż u xorb aromatizzat fabbrikat, deskritt u preżentat b'mod konformi ma' dan il-Ftehim li d-deskrizzjoni u l-preżentazzjoni tiegħu ma tibqax tħares dan il-Ftehim wara emenda tiegħu jista' jibqa' jitqiegħed fis-suq sakemm jispiċċaw il-ħażniet, sakemm il-Partijiet Kontraenti ma jiftehmux mod ieħor.

[1] ĠU L 160, tat-12.6.1989, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) No 3378/94 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 366, tal-31.12.1994, p. 1).

[2] ĠU L 149, ta' l-14.6.1991, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) No 2061/96 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 277, tat-30.10.1996, p. 1).

[3] ĠU L 190, ta' l-4.7.1998, p. 48.

[4] ĠU L 348, tat-18.12.1997, p. 2.

--------------------------------------------------

Protokoll għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja dwar ir-rikonoxximent reċiproku, il-protezzjoni u l-kontroll tad-destinazzjonijiet ta' xorb spirituż u xorb aromatizzat

IL-PARTIJIET KONTRAENTI HAWNHEKK JAQBLU KIF ĠEJ:

Skond l-Artikolu 15(b) tal-Ftehim, dan li ġej hu meqjus bħala kwantitajiet żgħar ta' xorb spirituż u xorb aromatizzat:

1. kwantitajiet f'kontenituri bit-tikketta ta' mhux iżjed minn 5 litri mgħammra b'mezz ta' għeluq li ma jistax jerġa' jintuża fejn il-kwantità totali trasportata, kemm jekk magħmula f'kunsinni separati kif ukoll jekk le, ma taqbiżx l-10 litri;

2. (a) kwantitajiet li jkunu jinsabu fil-bagalji personali tal-vjaġġaturi fi kwantitajiet li ma jaqbżux l- 10 litri;

(b) kwantitajiet mibgħuta b'kunsinna minn individwu privat lill-ieħor fi kwantitajiet li ma jaqbżux l-10 litri;

(ċ) kwantitajiet li jifformaw parti mill-ġid ta' individwi privati li qed ibiddlu d-dar;

(d) kwantitajiet importati għall-iskop ta' esperimenti xjentifiċi jew tekniċi, suġġetti għal massimu ta' ettolitru;

(e) kwantitajiet importati għall-istabbilimenti diplomatiċi, tal-konslu jew oħrajn simili bħala parti mill-konċessjoni mingħajr dazju tagħhom;

(f) kwantitajiet miżmuma fuq mezzi ta' trasport internazzjonali bħala forniment tal-provisti.

Il-każ ta' eżenzjoni msejħa f'punt 1 ma' jistax jiġi kombinat ma' wieħed jew aktar mill-każijiet ta' eżenzjoni msejħa f'punt 2.

--------------------------------------------------