22001A1227(01)



Official Journal L 342 , 27/12/2001 P. 0009 - 0010


Protokoll addizzjonali

li jaġġusta l-aspetti kummerċjali tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, minn naħa l-oħra, biex iqis ir-riżultat tan-negozjati bejn il-partijiet dwar konċessjonijiet preferenzjali reċiproċi għal ċerti nbejjed, ir-rikonoxximent reċiproku, protezzjoni u kontroll ta' l-ismijiet ta' l-inbejjed u r-rikonixximent reċiproku, protezzjoni u kontroll ta' ismijiet għal spiriti u xorb aromatizzat

IL-KOMUNITÀ EWROPEA, hawn iżjed ‘il quddiem issir referenza għaliha bħala "il-Komunità",

minn naħa l-waħda,

u

IR-REPUBBLIKA ex-JUGOSLAVA TAL-MAĊEDONJA, hawn iżjed ‘il quddiem issir referenza għaliha bħala r-"Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja"

minn naħa l-oħra,

hawn iżjed ‘il quddiem issir referenza għalihom bħala "il-Partijiet Kontraenti",

BILLI il-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa l-waħda, u r-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja, minn naħa l-oħra, kien iffirmat bi Skambju ta' Ittri fil-Lussemburgu fid-9 ta' April 2001,

BILLI l-Artikolu 27(4) tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jipprovdi li ftehim dwar inbid u spiriti għad irid ikun innegozjat,

BILLI Ftehim Interim li jiżgura l-iżvilupp ta' rbit kummerċjali permezz l-istabiliment ta' relazzjoni kuntrattwali u li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni dwar kummerċ u materji konnessi ma' kummerċ daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2001. L-Artikolu 14(4) tal-Ftehim Interim jirrepeti l-impenn għal ftehim separat dwar inbid u spiriti,

BILLI fuq din il-bażi saru, u ġew konklużi, negozjati bejn il-Partijiet Kontraenti,

BILLI, biex tkun żgurata l-konsistenza fil-proċess ġenerali ta' stabilizzazzjoni, il-ftehim dwar l-inbid u spiriti għandu jkun integrat fil-qafas tal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-għamla ta' Protokol,

BILLI dan il-Protokoll dwar inbejjed u spiriti għandu jidħol fis-seħħ fl-istess data bħall-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

BILLI għal dan il-għan huwa meħtieġ li jkunu implimentati kemm jista' jkun bil-ħeffa d-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll,

XEWQANA li jitjiebu l-kondizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta' inbejjed, spiriti u xorb aromatizzat fis-swieq rispettivi tagħhom, skond il-prinċipji ta' ekwita`, benefiċċju reċiproku u reċiproċita,

Wara li kkunsidraw l-interess taż-żewġ Partijiet Kontraenti fil-protezzjoni u kontrolli reċiproċi ta' ismijiet ta' nbid, tismijiet ta' spiriti u xorb aromatizzat,

FTIEHMU KIF GEJ:

Artikolu 1

Dan il-Protokoll jinkludi l-elementi li ġejjin:

1. Ftehim dwar konċessjonijiet kummerċjali preferenzali reċiproċi għal ċerti nbejjed (Anness I ma' dan il-Protokoll);

2. Ftehim dwar ir-rikonoxximent, protezzjoni u kontrolli reċiproċi ta' ismijiet ta' l-inbid (Anness II ma' dan il-Protokoll);

3. Ftehim dwar ir-rikonoxximent, protezzjoni u kontrolli reċiproċi ta' ismijiet ta' spiriti u xorb aromatizzat (Anness III ma' dan il-Protokoll).

Il-listi li jirreferi għalihom l-Artikolu 5 tal-Ftehim imsemmi fil-punt 2 u fl-Artikolu 5 tal-Ftehim imsemmi fil-punt 3 għandhom ikunu stabiliti iktar il-quddiem u approvati skond il-proċedura preskritta fl-Artikoli 13 u 14 rispettivi ta' dawn il-Ftehim.

Artikolu 2

Dan il-Protokoll għandu jifforma parti integrali mal-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. L-Annessi ma' dan il-Protokoll għandhom jifformaw parti integrali miegħu.

Artikolu 3

Dan il-Protokoll għandu jkun approvat mill-Komunità u r-Repubblika ex-Jugoslava tal-Maċedonja ta' qabel skond il-proċeduri proprji tagħhom. Il-Partijiet Kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw dan il-Protokoll.

Il-Partijiet Kontraenti għandhom jinnotifikaw lil xulxin bit-tmiem tal-proċeduri korrispondenti li jirreferi għalihom il-paragrafu preċedenti.

Artikolu 4

Dan il-Protokoll għandhu jidħol fis-seħħ fl-istess data bħall-Ftehim ta' Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Dan il-Protokoll għandu jinkiteb b'mod duplikat f'kull waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Partijiet Kontraenti, kull wieħed minn dawn it-testi jkun ugwalment awtentiku.

--------------------------------------------------